Illum previous editions

illum 20 July 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/349232

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 20 ta' Lulju 2014 MADWAR ġimagħtejn ilu, ir-RAI laqa' fl-istudio diversi analisti biex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar l-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. B'xorti tajba, id-diskussjoni tbiegħdet mis-soltu diskors dwar is- saħħa tat-timijiet, x'kienu l-pronostki u jekk kienx hemm il-livell ta' spettaklu mistenni (il-'goleada' tal- Ġermanja kontra l-Brażil żgur ma tistax titqies bħala spettaklu). Fost il-mistednin fl-istudio kien hemm il-kritiku tal-arti u l-kultura Vittorio Sgarbi, bl-idjosinkrazjii nervużi tiegħu tas-soltu u dejjem żbukkat, tant li min imexxi dejjem irid joqgħodlu attent dwar il-lingwaġġ ardit li juża. Sibtni msammar ma' dak li kien qed jgħid Sgarbi u sibtni nistenna bil-ħerqa kull intervent tiegħu. F'waqt minnhom qal li l-logħba tal-ballun saret "it-teatru reliġjuż ta' żmienna." B'kolp ta' immaġinazzjoni unika, bdew għaddejjin filmati tal-gowls tal-Ġermanja kontra l-Brażil. U ma' kull gowl bdiet tindaqq qanpiena solenni funerarja. Il-motiv kien sinkronizzat perfettament ma' dak li kien qed jgħid Sgarbi dwar il-logħba tal-ballun bħala ritwal li jista' jkun traġiku, att ta' disperazzjoni. Fil- programm kienu skavati argumenti jaħarqu oħra: l-oxxenità tal-miljuni għat- trasferimenti tal-plejers, is-sinifikat tagħhom bħala ikoni-allat, il-protesti soċjali li seħħew matul il-Mundial minħabba l-insensittività fejn jidħlu l-fqar u l-miżerabbli. Ma stajtx ma narax il- perspettiva Maltija. Għal ġimgħat sħaħ, bħalma jiġri dejjem, kelli numilja ruħi, bħala ċittadin newtrali, bil-prostituzzjoni ta' Malta, tinqeleb fis-sodod mifruxin bil-bnadar ta' pajjiżi oħra. Kelli nerġa' nisma' lil tant Maltin jiskru fl-eloġji għal ħaddieħor, taħt kuluri mhux tagħna: l-għajjat ta' Deutschland! Deutschland! Is-supplikazzjoni reliġjuża għat-Taljani: Jekk Alla jrid nieħdu r-raba' waħda! Nirbħu r-raba' stilla! Konferma perfetta għal dak li qal Sgarbi. Biex forsi xi darba nifhmu l-iskizofrenija ta' tant u tant Maltin li għandhom problema bl-identità tagħhom, irridu neżaminaw x'tat lil ulied il-poplu l-edukazzjoni. Jew kif il- poplu ġie mġiegħel ikun "reliġjożament" sottomess. U kif ċeda l-jedd tiegħu għall- awto-stima. Għax hemm il- qofol tal-problema tal-psike kollettiv: nuqqas fatali ta' awto-stima. IL-PARANOJJA TAL- KNISJA MALTIJA Minn żmien għall-ieħor, il-mexxejja tal-Knisja f 'Malta joħorġu jilmentaw, xi drabi isterikament, li s-sekulariżmu qed jifgahom u mhux iħallilhom spazju biex isemmgħu leħinhom favur il-valuri nsara. Jgħidu li qed iċaħħdilhom id-dritt li jitkellmu. Stramba ħafna din il- paranojja, ġejja minn awtoritajiet li għandhom għad-diżpożizzjoni tagħhom żewġ stazzjonijiet tar- radju, RTK u Radju Marija, il-mezzi sekulari, inkluż l-istazzjon statali u dawk tal- partiti politiċi, lezzjonijiet reliġjużi regolari fl-iskejjel, klassijiet ta' duttrina obbligatorji biex it-tfal jagħmlu l-preċett u l-griżma (din l-indottrinazzjoni għandha lehma dittatorjali), u kwantità bla għadd ta' prietki reliġjużi, paniġierki li jsiru fil-festi u t-taħriġ f 'żewġ seminarji, wieħed f 'Malta u l-ieħor f 'Għawdex, Fakultà tat-Teoloġija fl- Università, ċentri kotrana tad-duttrina, gazzetta ta' kull ġimgħa, Leħen is-Sewwa, numru kbir ta' rivisti li joħorġu fil-parroċċi u sit elettroniku (Newsbook.) U dan kollu l-Isqfijiet jarawh bħala parti minn komplott biex is-sekulariżmu jagħlaq ħalq il-Knisja milli titkellem! Stramba. Tassew stramba. Il-Knisja tidher li għadha trid il-monopolju assolut tal- kelma u tal-ideat. Għadha trid, bħal-Lhud bikrin, li tħossha fi stat separat, elitist, li ma jissottomettix ruħu lejn il-kultura dominanti. L-istess problema kienet laqtet lill- Knisja bikrija. U l-Isqfijiet Maltin, li suppost studjaw u speċjalizzaw fl-istorja ekklesjastika, imisshom jafu b'liema tirannija u b'liema krudeltà bestjali l-Knisja ħonqot u qerdet il-ħajja tal- "eretiċi" li ma qablux mad- dittatura selvaġġa tagħha. Imma llum il-Knisja f 'Malta qed tilmenta li hemm min qed jipprova jagħlqilha ħalqha. Min? Dawk li vvutaw bi ħġarhom favur id-divorzju? Dawk li ma jaqblux magħha dwar l-IVF? Dawk li ma jridux jaċċettaw li tidħlilhom fil-kamra tas-sodda meta u kif jipprattikaw is-sess? Dawk li għadhom ixxukkjati u skandalizzati bl-abbużi rampanti fuq it-tfal? Il-Knisja trid tħares lejha nnifisha għall-falliment tagħha: lejn l-istil li bih twassal il-messaġġ, lejn l-eżempji (u l-iskandli li tat u li għadha tagħti), lejn il- materjalità tagħha mqiegħda fuq kull prijorità oħra. Ma tistax tinkrimina soċjetà li evolviet u għadha tevolvi. Il-Knisja Maltija trid tara kif qed thejji, fuq kollox, il-ministri tagħha biex jaffrontaw ir-realtajiet ta' pajjiż mibdul li sa fl-aħħar, ħareġ mill-konfessjonarju li sakkru għall-sekli sħaħ. Il- Knisja f 'Malta għandha tant spazju fil-mezzi tax-xandir li l-Arċisqof Awżiljarju jista' joqgħod jiċċaċċra u jidħak dwar il-finali tat-Tazza tad-Dinja, dwar ir-rivalità kalċistika bejn il-Papa Arġentin u l-Papa Emeritu Ġermaniż. Xi Giordano Bruno qatt ma kellu dak id-dritt. NISA, BOYS' CLUBS U WEGĦDIET VOJTA Minkejja d-diskors kollu li jsir dwar l-emarġinazzjoni tal-mara, l-aktar fl-isferi tal-edukazzjoni u x-xogħol, skont il-Google, huma biss 17% tan-nisa li qed jaħdmu fil-qasam tat-teknoloġija diġitali, li għadha ddominata, globalment, mill-irġiel. Fil-pajjiżi Afrikani nfetħet is-sistema tal- Boys' Clubs, li se tkompli tinforza l-attitudni ta' dawk is-soċjetajiet rigward in-nisa. Fl-Ewropa, bis- saħħa tal-koedukazzjoni (sa fl-aħħar Malta stenbħet għall-importanza ta' din ir-realtà) l-affarijiet bdew jieħdu xejra oħra. Żdiedu l-opportunitajiet tax- xogħol fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li ħafna aktar nisa żgħażagħ deħlin fid-dinja tax-xogħol (formola li qed tinnewtralizza t-tradizzjoni tal-"mammiżmu" fil- peniżola tal-Italja, pereżempju) Ħafna aktar qed jitqiesu bħala breadwinners. F'Pariġi għadha kemm saret konferenza globali għan-nisa dwar kif il-bidliet fl-ekonomija qed jaffettwaw ir-relazzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel u anki l-familja. Il-benefiċjarji ewlenin tal- paradigma l-ġdida jidhru li ġejjin mill-klassi tan-nofs il-ġdida, filwaqt li fl- Ewropa, 95 miljun ruħ huma kkunsidrati bħala fqar. Qabża qasira sal-Brażil, fejn il-logħob tat-Tazza tad-Dinja baqa' jipproponi lill-mara bħala oġġett ta' titilazzjoni, il-protesti kontra l-infiq għall-Mundial baqgħu għaddejjin, kelliem fuq il-Euronews deher jgħid li l-Brażil mhux il-pajjiż tan- nisa erotiċi, tal-Karnival, tas-samba u l-festi: "Il-Brażil hu l-pajjiż tal-korruzzjoni. Il-Gvern wiegħed bonus ta' 12% tal-flus li ntefqu fil-Mundial (11 – il biljun dollaru) biex jieħu ħsieb l-edukazzjoni u s-saħħa fost il-fqar. Imma l-wegħdiet baqgħu biss wegħdiet." L-IDENTITÀ MALTIJA FIL-FRIEX TA' ĦADDIEĦOR MEDIASPOT MINN MARIO AZZOPARDI L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 400 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email illum@mediatoday.com.mt Ittri AVV. ROBERT PISCOPO LLD SAN PAWL ILBAĦAR WAĦDA mill-akbar problemi li qed jaffetwaw lil-lokalitajiet tagħna hija dik tal-ispazji għall- parkeġġ, jew aħjar, in- nuqqas tagħhom. Il-ħidma tiegħi fil-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar għenitni sabiex nifhem aħjar kif din il-problema li qed toħloq diffikultà lil setturi differenti li jiffurmaw il- komunità tagħna (residenti, viżitaturi, negozji eċċ). Kull kategorija għandha l-prioritajiet tagħha u f 'dan il-każ partikolari, il-Kunsill Lokali, Transport Malta, MEPA u l-Gvern ċentrali jippruvaw joħolqu bilanċ bejniethom. F'lokalità li dejjem qiegħda tespandi l-ħtieġa għall-parkeġġ se tkompli tikber. Ma hawn ebda soluzzjoni perfetta u ħadd b'moħħu f 'postu ma jazzarda jgħid li problema ta' dan il-kalibru tista' ssolviha mil-lum għall-għada. Madankollu nemmen li jistgħu jittieħdu miżuri sabiex l-impatt ta' din il-problema, li qed taffetwa saħħitna u l-ekonomija, tibda tittaffa. Il-fatt li l-parkeġġ hu daqshekk limitat qed joħloq ħafna tidwir fil-vojt bil-vetturi sabiex insibu dak l-ispazju li bħal donnu dejjem jaħrabilna. Dan qed joħloq aktar dħaħen velenużi fl-arja, kif ukoll rabja li twassal għal inċidenti serji. In-nuqqas ta' spazji għall-parkeġġ qed jaffetwa wkoll lin-negozji, bi klijenti jaqtgħu qalbhom li se jipparkjaw u oħrajn jevitaw il-lokalità għal kollox. Inkun diżonest jekk ngħid li ma sar jew mhu qed isir xejn biex tittaffa din il- problema. Però, filwaqt li l-isfida qed tikber ta' kuljum, pjan serju biex din id-diffikultà tingħeleb għad irid jinħema. L-iskema tal-parkeġġ għar-residenti twaqqfet qabel bdiet fl-2013. Qed nieħu l-inizjattiva personali sabiex niġbor is- suġġerimenti u l-proposti rigward kif intom taħsbu li tista' tittaffa din il- problema. Hawn min se jara l-inizjattiva tiegħi bħala attentat dilettantesk ta' kif għandek taffronta l-problema. Fl-opinjoni tiegħi dawk li qed jintlaqtu, li ħafna minnhom qed jikkontribwixxu biex il- problema tkompli tikber, għadhom jingħataw ċans sabiex isemmgħu leħinhom u jipproponu soluzzjonijiet li jkunu jgħoddu għal-lokalità tagħna. L-aktar suġġerimenti validi nressaqhom quddiem il-Kunsill Lokali sabiex issir diskussjoni serja. Ħadd ma għandu jippretendi li l-Kunsill se jsolvi din il-problema waħdu, imma jeħtieġ nibdew nesploraw sorsi oħra ta' finanzjament (fondi tal-UE, Commuted Parking Payment Scheme (MEPA) u proġetti mas- settur privat). Ibagħtu s-suġġerimenti tagħkom sal-10 ta' Awwissu 2014 fuq l-indirizz elettroniku dr.robertpiscopo@gmail.com. Il-pjaga tal-parkeġġ f 'San Pawl il-Baħar u l-inħawi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 July 2014