Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/352856
6 illum | Il-Ħadd 27 ta' Lulju 2014 L-għibien ta' tifla ta' sitt snin 103 snin ilu f 'Għawdex Miċħuda xnigħat li nstabu tagħha… iżda l-investigazzjoni MODESTA Cefai, tifla ta' sitt snin mir-Rabat Għawdex, l-aħħar li dehret ħajja kien nhar il-Ħadd, 27 ta' Awwissu 1911 ftit qabel nofsinhar. Fil-ġimgħat li għaddew l-istorja ta' Modesta, reġgħet tfaċċat meta ġrew xnigħat li f 'post li fih qed isir xogħol ta' kostruzzjoni nstabu fdalijiet umani bħalma kienet ġriet ix- xniegħa 46 sena ilu li fl-istess post kien allegat li nstab xi għadam u kollox baqa' mistur. Bl-għajnuna ta' Dr Joe Azzopardi, Senior Lecturer fl- Università ta' Malta u riċerkatur, il-gazzetta ILLUM akkwistat dokumenti li jinsabu fl-Arkivji Nazzjonali ta' Għawdex. Dr Azzopardi huwa wkoll parantela tat-tifla peress li n-nanna tiegħu, Ċetta, hi oħt Modesta. Ċetta twieldet fit-18 ta' Novembru 1896, kienet oħtha l-kbira u meta għebet Modesta, Ċetta kellha 14-il sena. Iżda Ċetta baqgħet tirrakkonta l-istorja ta' oħtha u minn xiex kienet għaddiet il-familja. L-istorja taċ-ċkejkna Modesta bdiet meta missierha, Giuseppe Cefai, li kien magħruf bħala 'tal-magna' u li kien joqgħod f 'numru 24, Pjazza San Franġisk, mar jagħmel rapport għand il-Pulizija. Kien għall- ħabta tad-9pm li Giuseppe rrapporta li bintu ta' sitt kienet ħarġet mid-dar u baqgħet ma rritornatx. Huwa ddeskriva lil Modesta bħala tifla twila madwar tliet piedi u seba' pulzieri, kellha xagħarha kannella nnukklat u għajnejha skuri. Hija kienet liebsa libsa roża u faldetta. Modesta kienet ħafja u kellha misluta tad-deheb. Minnufih il-Pulizija ċċirkolaw ma' Għawdex kollu u bdiet tfittxija fejn huwa mifhum li baqgħet sejra anke matul il-lejl. Iżda ma kien hemm l-ebda sinjal tat-tifla. Jumejn wara l-għibien ta' Modesta, nhar it-Tlieta, 29 ta' Awwissu 1911 għall-ħabta tal-5pm, il-missier reġa' mar l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat. Cefai talab biex ikellem lil xi ħadd għax kellu suspett f 'persuna li seta' kien responsabbli mill-għibien ta' bintu. Giuseppe allega li ċertu Lorenzo Frendo ta' 50 sena, magħruf bħala "il-Balbulett", kien ħataf lil bintu. Huwa kompla jallega li Modesta setgħet kienet fir-residenza tiegħu li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala 15, Strada Dietro S.Agostino Victoria, illum din saret Triq Dun Pawl Micallef. L-Aġent Spettur S. Haber ordna biex issir tfittxija fir-residenza ta' Frendo, iżda din ukoll irriżultat fin-negattiv. Il-Pulizija bdew jirċievu informazzjoni L-aħbar tal-għibien ta' tifla ta' sitt snin ġriet ma' Għawdex kollu. Nhar l-Erbgħa, 30 ta' Awwissu 1911 fl-10am, il-Pulizija kienet avviċinata minn M'Anna Sacco ta' 36 sena minn Victoria, bint Giuseppe li kien magħruf bħala "Ta' Peppu tal-Fuħħar" u li kienet toqgħod fi Strada Conservatorio, Victoria li llum inbidlet għal Triq l-Arċisqof Pietru Pace, magħrufa bħala Triq il-Konservatorju. Hija stqarret mal-Pulizija li fis- 27 ta' Awwissu, dakinhar li Modesta għebet, għall-ħabta tal-4pm kienet rat lit-tifla fi Triq Marsalforn fl-inħawi magħrufin bħala "Għerxija." Jidher li dan il-post huwa qrib Pjazza Savina fi Triq Mons Luigi Vella. Sacco qalet lill-Pulizija li dak il-ħin it-tifla kienet waħedha u ma kien hemm ħadd fil-viċinanzi tagħha. Sagħtejn wara li M'Anna Sacco għamlet dan ir-rapport, il-Pulizija tkellmu ma' Maurizio Cauchi ta' 54 sena, iben Mikel Angelo li kien magħruf bil-laqam ta' "Maurizju" u li kien joqgħod fi Pjazza Savina. Cauchi qal li fl-inħawi ta' Triq Kerċem kien hemm ċarruta mċappsa bid-demm u x'aktarx kienet parti mil-libsa tat-tifla li kienet irrapportata nieqsa. Fuq il-post intbagħat il- Kuntistabbli 214 C. Grech li eleva d-drapp. Din intweriet lil omm Modesta li min-naħa tagħha qalet li ma kinitx biċċa mil-libsa ta' bintha. Xorta waħda l-Pulizija żammew din il-biċċa drapp. Jinstema' biki ta' tifla żgħira Fil-31 ta' Awwissu tal-istess sena l-Pulizija ħasbu li seta' kellhom ħjiel tajjeb meta waslulhom żewġ rapporti identiċi. Fit-8.30am, Rosa Micallef ta' 40 sena li kienet toqgħod fi Triq Għajn Qatet, Victoria, qalet lill-Pulizija li fis- 27 ta' Awwissu, fl-istess ġurnata li Giuseppe Cefai rrapporta lil bintu nieqsa semgħet biki ta' tifla jew tifel żgħir. Micallef qalet li tiftakar li semgħet il-biki għall-ħabta tas-6.15pm fl-inħawi tal-għolja Ta' Kuljat li kien ġej mid-direzzjoni ta' Triq Marsalforn. Dan ir-rapport kien ikkonfermat fl-istess ġurnata li għamlet ir-rapport Micallef minn ċertu Luigi Gatt ta' 55 sena li kien joqgħod fl-inħawi. Gatt kien kellem direttament lill-Aġent Spettur Haber. Sadanittant ir-rapporti dwar id-dehriet ta' Modesta Cefai ma waqfux. Kull rapport li kien jasal għand il-Pulizija dejjem ittieħed bl-akbar serjetà u l-Aġent Spettur Haber investiga anke l-iċken informazzjoni li kienet tidħol għand il-Pulizija. Mir-riċerka li saret minn Dr Joe Azzopardi, irriżultalu li skont l-okkorrenzi tal-Pulizija kien hemm tliet rapporti oħrajn li saru kollha fit-2 ta' Settembru 1911. L-ewwel rapport kien sar minn Giuseppe Grech ta' 60 sena li kien joqgħod fi Pjazza San Franġisk, Victoria. Huwa kien mar jagħmel ir-rapport fl-Għassa tal-Pulizija fit-8am fejn qal li siegħa qabel, ftit wara s-7am, f 'għalqa qrib Triq Porta Reale (Putirjal), Victoria, kien ra xkora li kien fiha xi laħam u li seta' kien laħam uman. Fil-post indikat intbgħatu żewġ pulizija minn fejn elevaw l-ixkora li qalilhom biha Grech, Ċetta, li meta għebet oħtha kellha 14-il sena Oħta l-oħra Marie Antoinette Ir-rapport uffiċjali li għamel missier it-tifla għand il-Pulizija.