Illum previous editions

illum 7 september 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/376804

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 31

Il-Ħadd 07 ta' Settembru 2014 | illum 11 snin tilef lil martu u siequ għand speċjalista li mill-ewwel operaha u neħħielha l-boċċa. Iżda meta saru t-testijiet qalulha li riedu jaqtgħulha sidirha, "Kif qalulha hekk" qalli Leli, "Marianne nħasdet u tgħidx kemm bkiet. Biex tgħaxxaqha fl-istess ġimgħa li qatgħulha sidirha, miet b'diżgrazzja t-tifel ta' ħuha li waqa' minn fuq bejt waqt li kien qed jaħdem fil- kostruzzjoni. Kellu 23 sena u ma kellix kuraġġ ngħidilha u tlabt lil professur itarrfilha t-tieni traġedja f 'ġimgħa wara li hi kienet għadha kif tilfet sidirha." Leli qalli li hu ħalef li jagħmel minn kollox biex ifejjaq lill- mimmi t'għajnejh, "kull meta konna mmorru għand il- professur kien jgħidilna li sejra tajjeb, iżda darba minnhom qalilna li l-kanċer ħareġ fil- fwied. Bdejt nonfoq kulma kelli f 'injezzjonijiet u pilloli. Infaqtilha madwar €11,000 injezzjonijiet u kull bott pilloli kien jiswa €250. Barra li ħadtha tliet darbiet l-Ingilterra fejn dejjem qalulha li se tfieq. "Iżda wara sitt snin tiġġieled kontra l-kanċer, tilfet il-gwerra. Ġurnata fost l-oħrajn daħlet l-isptar u f 'ġimgħa telqet. Kien għad kellha 36 sena u jien kelli 37 sena biss." Fl-istess waqt qalli li hu kien xtara l-post ta' San Pawl il-Baħar għaliha u qalli li laħqet gawdietu erba' snin. Meta mietet ħallietu b'żewġt itfal, it-tifel kellu 12-il sena u t-tifla 7 snin. "It-tifel kien ħadha bi kbira wisq u jien kien iddispjaċieni li ma lħaqtiex qabel mietet għax kont il-forn naħdem. Kien żmien ferm diffiċli, kont inżomm id-dwejjaq kollu ġo fija. Mort ngħix għand ommha għax ma flaħtx li nidħol id-dar u ma nsib lil ħadd jilqagħni. Il-kunjata kienet ukoll qed teħodli ħsieb it- tfal biex jien inkompli naħdem. Għamilt sena sħiħa mix-xogħol għad-dar u ma noħroġx, sa ma ħabib tiegħi ġenninni biex noħroġ ftit miegħu." Staqsejt lil Leli jekk qattx tħajjar jerġa' jiżżewweġ billi kien għadu żgħir. "Iż-żwieġ għalija darba kien. Kont wegħedtha fuq is-sodda tal-mewt tagħha li ma niżżewweġ qatt iżjed u din il- ħalfa se nżommha sal-mewt." Iżda din ma kinitx l-uniku traġedja għal Leli. "Wara tliet snin bdiet tuġagħni saqajja. It-tabib tiegħi tani envelope u qalli biex immur bih l-isptar. Qbadt il-karrozza, għaddejt għal oħti u soqt għall-isptar. Kif wasalt saqajja bbieset u kellhom idaħħluni bl-istretcher u operawni dak il-ħin għax ħasbu li kelli għoqda tad-demm. Tliet ijiem wara qaluli li waqqfitli ċ-ċirkolazzjoni u l-arterji kienu nixfuli u qaluli li kienu se jaqtgħuhieli." Leli beda jirrakkonta din l-istorja qisu mhux hu u staqsejtu kif ħadha dak il-ħin. "Ifhimni ma ħadtx pjaċir iżda tant kont muġugħ li bdejt ngħidilhom neħħuha. Kelli biss 40 sena u dħalt għall- operazzjoni b'kuraġġ kbir. Li hu żgur kien li dħalt l-isptar b'żewġ saqajn u ħriġt b'waħda." "Saqajja damet 15-il ġurnata biex tagħlaq u bdejt nuża għall- ewwel darba l-wheelchair u ħassejtni stramb u kont nibża' bih. Wara tliet ġimgħat għamluli sieq artifiċjali u għall-ewwel ukoll kont nibża' nużaha. Iżda ma domtx ma drajtha. Mhux talli hekk talli ddeċidejt li anke mmur ngħin lill-uliedi fil-forn anke jekk għall-bidu kont nistħi xi ftit bis-sieq artifiċjali." Iżda llum Leli jagħmel kollox biha u qisu m'għandu xejn. U dan nista' nixhed għalih jien għax kapaċi jimxi biha għal ħin twil u għalkemm iġorr wheelchair miegħu jużah biss għal kamra u biex jidħol jinħasel. Iżda sieq inqas bidlet l-ħajja ta' Leli? "Jien bniedem li ma naqta' qalbi b'xejn. Noħroġ mal-ħbieb u ninħasel waħdi għalkemm fix-shower ikolli bżonn banketta għax fuq sieq waħda ma nkunx nista' nżomm." Leli b'dik il-ħarsa mimlija kuraġġ kompla jgħidli li mar l-Awstralja, l-Ingilterra u issa anke l-Polonja u l-Ġermanja b'sieq artifiċjali. "Min kellu jgħidli li se nimxi tliet kilometri taħt l-art u ninżel 800 tarġa kif għamilt fil-minjieri tal-melħ il-Polonja. Għalija kienet sfida kbira u għamiltha. Għalkemm nammetti li l-arja barra minn Malta hi differenti u nħossni aktar b'saħħti. Pereżempju Malta meta norqod jorqduli jdejja, kemm domt imsiefer qas darba ma raqduli. Meta nsiefer nimxi ħafna u qas każ." Iżda kif irnexxielu jikseb dan il-kuraġġ kollu? "Ħadt l-affarijiet kif kellhom jiġu. Fl-ebda ħin ma ħadtha kontra Alla għalkemm kultant nirrabja għal dak li ġrali, iżda dejjem nipprova nkun pożittiv. Irrid nieħu l-ħajja kif tiġi." Staqsejt lil Leli jekk qattx staqsa x'kienet ir-raġuni tal-problema f 'saqajh. "Kont inpejjep wisq. Kont inpejjep 50 sigarett kuljum u ġieli pejjipt anke aktar. Is- sigaretti ħaduli saqajja. Iżda rrid nammetti li meta mietet il-mara kont infexxejt fihom." Innutajt wkoll li Leli jsuq, "Jien insuq b'idejja. Domt tlett ijiem biex drajt insuq b'idejja. Ibni kien itellagħni Ta' Qali sa ma drajt." Qabel ħallejt lil Leli jinħasel u jlesti biex joħroġ qalli, ILLUM hawn il-mezzi kollha għal kulħadd biex jista' jkun komdu. Jaqta' qalbu dak li jrid jaqta' qalbu. Jien anke biex nagħmel it-testijiet tad-demm waħdi mmur." Kliem ta' bniedem mhux biss gladjatur iżda rebbieħ fuq kull traġedja. Kien ferut għal darba darbtejn iżda qatt ma kien mirbuħ. Nies bħal Leli ta' min jammirahom u jużahom bħala eżempju għal min ikun għaddej minn xi mrar li taf toffri l-ħajja mal-milja taż-żmien. Gladjaturi tal-Ħajja "Kont wegħedtha fuq is-sodda tal- mewt tagħha li ma niżżewweġ qatt iżjed" Leli jistrieħ f 'Zakopane fil-Polonja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 7 september 2014