Illum previous editions

illum 7 september 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/376804

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 31

Il-Ħadd 07 ta' Settembru 2014 | illum 7 Għalliema Għawdxin li jaħdmu Malta Il-kapijiet tal-iskejjel ma jaċċetawx li jaslu 5 minuti tard HEKK kif tliet ġimgħat oħra tibda s-sena skolastika l-għalliema Għawdxin qed jerġgħu jħabbtu wiċċhom mal-problema ta' varjazzjoni fil-ħinijiet tal-iskejjel f 'Malta. Il-problema tirrigwarda t-trasport li dawn l-għalliema jużaw biex jinżlu Malta permezz ta' vannijiet sabiex jilħqu l-vapur. Preżentament hemm skejjel li l-ħinijiet tagħhom huma bejn it-7.50am sas-2.20pm u oħrajn bejn it-8.30am sat-2.50pm. Dan ifisser li l-għalliema Għawdxin ma jistgħux jingħaqdu flimkien biex jimlew minibus sabiex iwassalhom l-Imġarr u li jiswielhom bejn €12 u €15 fil- ġimgħa kull wieħed. Għalliema Għawdxin li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu li l-fatt li l-ħinijiet tal-iskejjel huma varjati, jfisser li wħud minnhom ma jistgħux jużaw is- servizz tal-minibuses flimkien u b'hekk se jkollhom jidħlu għall- ispiża mhux irħisa biex jużaw vannijiet oħra. Dan jaffettwa ħażin lil dawk l-għalliema li l-iskejjel tagħhom jibdew fit- 8.30am. "Hemm għażla oħra li tal- inqas sal-iskola ninżlu mal- vapur tas-7.30am u b'hekk ikollna minibus li jiswielna €10 fil-ġimgħa one way, imbagħad lura la nispiċċaw f 'ħinijiet differenti ninżlu bit-trasport pubbliku li jiswielna €6.50 oħra fil-ġimgħa" qal wieħed mill-għalliema li ma xtaqx juri ismu minħabba biża' li jaqla' xi transfer. Spjegaw li ma' dawn l-ispejjeż iridu jħallsu wkoll €5.75 fil- ġimgħa noll tal-vapur u b'hekk ikunu ħallsu €22.25 fil-ġimgħa. L-ammont totali ta' dan kollu hu ta' €356 kull erba' xhur meta l-għalliema Għawdxin huma rifonduti mill-gvern is-somma ta' €80 kull erba' xhur għall- ispejjeż ta' trasport. "Dan kollu jista' jittranġa u ma nbatux jekk il-kapijiet jagħtuna konċessjoni li naslu ħames minuti tard u ma ntellfu xejn mit-tagħlim tat-tfal għax dak il- ħin inkunu għadna fl-assembly. Aħna ma rridux immorru tard tant li anke tlabna lil Ministeru tal-Edukazzjoni biex jipprovdilna trasport li nħallsu għalih b'madwar €10 fil-ġimgħa, iżda dan weġibna li jista' joħloq preċedent u fl-istess ħin m'għandux mezzi ta' trasport biex jaqdina" qalu l-għalliema. Ta' min isemmi li kuljum hemm madwar 1,000 bejn għalliema u LSAs Għawdxin li jaqsmu lejn Malta. Sadattant l-MUT qalet li l-unjin tifhem il-problemi li jridu jaffaċċjaw l-għalliema Għawdxin iżda min-naħa tagħha ma tistax timponi li ma jiġux infurzati l-ħinijiet. Madankollu, trid tinsab soluzzjoni għal din is- sitwazzjoni, u min-naħa tal-unjin se jsiru taħdidiet mal- Ministeru konċernat fil-jiem li ġejjin. "Il-Ministeru m'għandux riżorsi biex jaqdina" Il-President ikkonċernata bl-immigrazzjoni F'LAQGĦA mal- Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Intern, Cecilia Malmström, il-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca wriet it-tħassib serju tagħha fuq is- sitwazzjoni ġenerali fil-qasam tal-immigrazzjoni u r-rispons tal-pajjiżi Ewropej għal din it-traġedja umana. Il-President ta' Malta spjegat kif il-kunflitti vjolenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-kawżiet ewlenin għall- immigrazzjoni u saħansitra t-traffikar tal-bniedem. Il- President appellat lill-Unjoni Ewropea biex tieħu pożizzjoni aktar b'saħħitha biex tindirizza l-kunflitti li qed jinħolqu partikolarment fil-Mediterran u l-kontinent Afrikan. Il-President Marie Louise Coleiro Preca spjegat li Malta hi każ speċjali minħabba d-daqs tagħha iżda dan ma jfissirx li pajjiżna għandu jabdika mir- responsabbiltà li jsalva l-ħajjiet. Fid-dawl ta' dan, qalet li hemm bżonn t'aktar attenzjoni u ħarsien għat-tfal mifruda mill- ġenituri tagħhom. L-istess Kummissarju Ewropew iltaqgħet ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George Vella li ħareġ aspett ieħor tal- immigrazzjoni irregolari li qed jinkwetah. Il-Ministru Vella qal, "L-isfida tal-immigrazzjoni m'għadhiex biss dik tal- ammonti kbar li jaslu f 'pajjiżna, lanqas l-aspett umanitarju biss, iżda issa saret ukoll problema ta' sigurtà. Dan kollu fit-theddida serja li teżisti mill-estremisti tal-ISIS." Il-Ministru Vella qal li Malta huwa pajjiż ċkejken li ma jiflaħx għall-ammonti kbar ta' immigranti li deħlin permezz tal-baħar u spjega kif pajjiżna ma jistax ikompli jerfa' dan il-piż. Qal ukoll li l-Gvern Malti irid li bl-appoġġ kif mistenni mill-Unjoni Ewropea, dawn l-immigranti jingħataw id-dinjità tagħhom u jsibu modi kif itejbu s-sitwazzjoni tal-għixien tagħhom, possibbilment fl-Ewropa li ħolmu li jagħmlu futur fiha. Waqt il-laqgħa ssemma wkoll il-programm Mare Nostrum li rnexxielu jilħaq l-għanijiet tiegħu iżda Vella qal li dan il-programm kien qed jiswa lill-qawwa navali Taljana għaxar miljun ewro fix-xahar, liema somma hija diffiċli ħafna li l-Italja tkompli terfa' waħidha. Waqt il-laqgħa l-Kummissarju Ewropew Malmström wegħdet lill-Ministru Vella u lill-President ta' Malta li l-Unjoni Ewropea se tkompli tassisti lil Malta f 'din l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari, kemm anki mil-lat finanzjarju kif ukoll possibbilment b'tibdil fir-regolamenti.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 7 september 2014