Illum previous editions

illum 14 September 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/380560

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 31

Il-Ħadd 14 ta' Settembru 2014 | illum 15 ŻRABEN GĦALL- ARMATA Konsenja ta' żraben għall- armata, fuq il-mudell tal- militar Ingliż u Amerikan, ġiet dikjarata tqila wisq għas- saqajn tas-suldati tal-Forzi Armati ta' Malta. Hemm ukoll problema bil-lazzijiet: uħud twal wisq u oħrajn qosra wisq. Għadu mhux magħruf x'se jiġri mill-konsenja. L-ISQOF AWŻILJARJU U L-FLAMENCO Il-Kurja qalet li se tibda strateġija biex tiġbed aktar nies lejn il-Knisja. Qed ikun studjat kif Patri fis-Sud ta' Spanja qed jiżfen il-Flamenco waqt il-quddiesa mal-parruċċani nisa u tfajliet biex iġedded il-liturġija. Fil-Knisja ta' Malta l-aħbar intlaqgħet b'mod imħallat. L-Isqof Awżiljarju qed joġġezzjona li l-istatura tiegħu mhijiex adattata għaż-żfin u se jkollu vantaġġ fuqu l-Isqof t'Għawdex, Mario Grech li għandu appell fiżiku aktar sexy. BARBIE U BARNES Tħabbar f 'ġurnal lokali li l-eks president ta' Malta Agatha (Barbie) Barbara kienet daħlet fi speċi ta' relazzjoni romantika ma' signalman Ingliż meta kellha 26 sena. Oħt l-uffiċċjal tar-Royal Navy, Derek Barnes, sabet ittri li Barbara kitbitlu fl-1949, meta Mintoff kien qasam il-Partit Laburista. Barbie stqarret li tħossha Ingliża ħafna, imma anke kburija bid-demm Malti lewn it-tut li kellha jiġri f 'ġisimha Żabbari. Oħt is-signalman għandha l-idea li tirkanta l-ittri romantiċi. Barbara xtaqet tara lil Barnes, imma kienet imħabbta wisq. F'ittra ta' Ottubru 1949, Barbara diġà kienet qed "targumenta b'mod goff " mal-povru Ingliż, u tgħidlu li jekk jaqra biss it-Times of Malta, mela dwar pajjiżna ma kien jaf xejn. Psikologi tal-familja bħal Dr Charles Azzopardi, qed jispekulaw li fl-ittri ta' Barbie diġà kien hemm is-sinjali kollha ta' diżastru matrimonjali kieku r-relazzjoni baqgħet tavvanza romantikament mas- signalman tar-Royal Navy. Aktarx li l-ittri ta' Barbara lil Barnes se jiġu rkantati bil-qliegħ imur għall-fondi tal- Partit Laburista tal-lum, li jrid jiftaħ uffiċjalment santwarju tal-poodles jew jiffinanzja pubblikazzjoni tal-SKS, Derek & Barbie in Love: a political- romantic (mis) adventure. Intant, bħala high fashion tfaċċaw disinjaturi li għarfu l-attributi glamorużi tal-eks-president u qed jimmortalizzawha eżatt bħal Marilyn Monroe u la Bardot fuq flokkijiet tal-ħarir. SALVU MALLIA U L-KELB DAQS TIKKA Il-Public Broadcasting Services qed jiċħdu kategorikament li Salvu Mallia mhux se jkompli bil- programm tiegħu Madwar Malta (TVM) minħabba li s-side-kick tiegħu, il-kelba daqs naqra li jġorr waqt il- programm ma tiflaħx. Minn stħarriġ ta' Mediaspot, il-kelba tikka tinsab rikoverata fl-isptar San Franġisk tbati minn taqlib qawwi fl-istonku kkaġunat mill-iskossi kontinwi ta' Mallia waqt il-preżentazzjonijiet tiegħu. Mallia, eks artist ta' kuluri vivaċi, qaleb għal attur komiku b'talent għal kif jilbes u jġib ruħu ta' Granmastru jew Kardinal. Il-kelba ta' Mallia mhijiex fil- periklu tal-mewt. LOU BONDÌ + Lou Bondì (eks Pjazza 3 u Bondi + u issa konsulent tal-Gvern dwar il-murtali nazzjonali u fixfixò ieħor) ċaħad li se jerġa' jingħaqad mal-PN bħala Kap ta' Radio 101. Mediaspot saret taf li Bondì, li hu wkoll speċi ta' kitarrist rock, qal ċar u tond lil NET TV, li mhux se jħalli l-impjieg li tah Joseph Muscat (€54,000) jekk il-101 ma jagħtuhx dik ir-rimunerazzjoni, u xi ħaġa sostanzjali fuqha, issa li għandu aktar ħluq x'jitma'. PBS: TAĦRIĠ VOKALI Bħala bniedem imkisser fit- teatru (u allura fil-kwalità tal- vuċi), Albert Marshall (PBS) qed jinsisti li l-preżentaturi, qarrejja tal-aħbarijiet u dawk li jmexxu ċertu talk shows, jitħarrġu fit-teknika vokali. Marshall irid jintroduċi korsijiet obbligatorji fl- impostazzjoni tal-leħen, ir-ritmu, it-tessitura u anki l-improvizzazzjoni quddiem il-kamera (forsi tinqata' l-misħuta "propju"). Il-korsijiet se jkunu qed jibdew minnufih u fost l-ewwel li skjaraw ruħhom hemm Reno Bugeja, Peter Cossai, Ruth Castillo u John Dimech, li għandu problema stramba kif iwaqqaf kelma li tispiċċa b'konsonanti u jżidilha magħha l-vokali "a". It-taqsima lingwistika fl-Università jingħad li qed tistudja dan il-fenomenu. Marshall irid li jkun hemm progress li jinħass minnufih, fi żmien suffiċjenti biex il-PBS idaħħal kandidat għall-Best Presenter Award 2015 li se jsir waqt il-Karnival ta' Viareggio. META D-DEMM IBAQBAQ SĦUN "Meta d-demm ibaqbaq sħun." Referenza għall- "miraklu" tad-demm ta' San Lawrenz idub fl-ampolla fil-Birgu. U fl-istess ħin li d-demm ibaqbaq fl-ampolla, il-Knisja Maltija tagħlaq ħalqha dwar ix-xmara demm imxerred f 'Gaza. Iktar importanti li l-kappillan tal-Imġarr tqalfat 'il barra u sparaw il-murtali biex jiċċelebraw li ħelsu minnu. Sadanittant, it-tmexxija tal- Knisja tinsab fi kriżi gravi daqskemm kellu Dottor Ġorġ Olivier fl-1976. X'għandu x'jaqsam, tistaqsu. Lanqas jien ma naf. RAS MUAMMAR GADDAFI Fl-aħbarijiet tal-istazzjonijiet lokali ftit baqa' jissemma l-qtil ta' Gaddafi. Referenza u xbiha bil-ħatfa u daqshekk. Kulħadd nesa li l-PM Gonzi kien l-aħħar mexxej Ewropew li ħaddan u għannaq kemm felaħ lill-Kurunell, figura komika, bombastika imma li żamm it-tribujiet Libjani fil-kwiet. Illum fil-Libja hemm kaos sħiħ. Ġirja miġnuna għall- poter. Dak il-pajjiż sar bazaar tal-armi u anki kaċċaturi Maltin qed ibigħulu s-snieter minħabba r-restrizzjonijiet tal- UE fuq il-kaċċa. SAN GEJTANU U LUTERU Ħafna negozjanti Maltin kienu ħasbu li wara li tħanxret ras Muammar Gaddafi kienu se jsibu l-bibien miftuħin beraħ għan-negozju. Imma dabbru rashom u waslu lura f 'Malta ħanina, denbhom bejn saqajhom. Ma ġabux kuntratti magħhom imma ġabu togħma morra ta' fazzjonijiet tribali perikolużi aktar mill-piki tal- qaddisin f 'Malta. Inċidentalment, San Gejtanu tal-Ħamruniżi kien imsewwi wara li seta' jgħoddha b'waħda. Ilsna anti-Kattoliċi f 'Malta qed isostnu li dak li ġara lill-istatwa tal-Ħamrun kien effett ta' dagħwa Luterana. PROTESTA KONTRA L-MELITA U nispiċċaw b'aħbar oħra reliġjuża. Il-Knisja qed tappella biex il-Melita ma jxandrux aktar programmi anti-reliġjużi u blasfemi bħal dak li wera lill-ateist Richard Dawkins, l-awtur ta' The God Delusion, jiddeskrivi lil Alla ta' Abraham bħala vili, vendikattiv u monstru. Dawkins, li jara l-affarijiet minn lenti razzjonalista, qal ukoll li r-reliġjon hi distrazzjoni mit- tfittxija għall-verità u l-fidi xjentifika. Hu mifhum li l-Kurja hi mħassba li programmi bħal dawn ikomplu jberrdu lill-Maltin milli jmorru għall-quddies u r-rużarju ta' filgħaxija. Sadanittant l-Isqof Grech, waqt omelija għall-festa ad unur San Lawrenz, mixwi b'laħmu u xaħmu żmien twil ilu, qal li l-Knisja ta' Malta m'għandhiex bżonn reliġjon tal-massa, għax din qed tispiċċa f 'karnival u teatru. Hu mill-aktar ċar, jgħidu esperti teatrali Maltin, li l-Isqof Grech m'għandux l-iċken idea ta' kif ir-reliġjon dejjem kienet marbuta mat-teatriċità. Mons. Grech, biex jevita l-aspett teatrali, se jibda jqaddes bil- qmis ta' bil-lejl jew bil-piġama, bħala att ta' umiltà. U se jordna baklu ġdid tal-fraxxnu, mhux tal-fidda. VINJETTI MILL-ISTAZZJONIJIET MEDIASPOT MINN MARIO AZZOPARDI Pensjoni tas-servizzi soċjali miċħuda JOSEPH GRECH BIRKIRKARA NIRREFERI għall-ittra "Sejħa lill-għaqdiet tal- pensjonanti u unjins" ta' G. Schembri tal-Ħadd 7 ta' Settembru. Tajjeb li wieħed jgħid mingħajr ma joqgħod jomgħodha li dawn l-għaqdiet fir-rigward tal-pensjonanti li kellhom impjieg mal- gvern qabel l-1979 aċċettaw l-istatus quo u qatt ma tniffsu u m'hemmx ħsieb li jitniffsu. L-għaqdiet tal-pensjonanti qed iservu biss ta' paraventu għall-unjins. Jien ili tmien snin pensjonant u ma rajt l-ebda bidla. Bqajt niġi misruq. Huma u xejn, xejn. Tajjeb li nżid li qabel tlaqt mis-servizz mal-gvern saret riorganizzazzjoni li suppost kellha tkopri l-perjodu ta' 6 snin mill-2005 sa l-2010. Jien kont fi skala 7 u rtirajt fl-2006. Meta għoddejt l-għoli tal-ħajja għall-2005 u l-2006 sibt li ż-żidiet tal-għoli tal- ħajja kienu Lm15 ekwivalenti għal €35 ogħla mill-ammont propost mir-riorganizzazzjoni għal dawn is-sentejn. U jekk jogħġbok, kien hemm klawżola li tgħid li min jieħu l-benefiċċju tar-riorganizzazzjoni ma jiħux tal-għoli tal-ħajja. Nitlob spjega mingħand l-MUT u l-kaptan ta' dak iż-żmien u dak tal-lum, kif ukoll mingħand Dottor Gonzi. Dan mhux każ personali. Kien hemm mijiet li kienu ingannati mill-unjins tagħhom f 'konfoffa mal-gvern u għadhom isofru minn pensjoni inqas b'madwar €2,000 minn dik ta' sħabhom. Rigward il-pensjoni tas- servizzi soċjali (NI) jien nirċievi ammont annwali ta' €4,622 meta l-ammont dovut skont il-kuntratt tax- xogħol kellu jkun ta' €11,875. Sintendi hawn eluf oħra li huma ngannati b'dan il-mod u l-gvern huwa frisk bħal ħassa għax l-unjins qegħdin hemm biex jiġbru l-miżata. X'sar mill-MUT u mill-UĦM? Nerġa' ntenni: l-għaqdiet tal- pensjonanti qegħdin hemm għalxejn. Anzi, kieku ma kinux jeżistu, l-unjins ma kienx ikollhom wara xiex jistaħbew! Ta' min isemmi wkoll il- pensjoni tat-teżor. Fil-biċċa l-kbira tal-każi din tkun komutata għal nofs flok żewġ terzi tal-aħħar paga biex il-pensjonant jagħżel li jieħu somma akbar meta jispiċċa bil-61. Klawżola fil- kundizzjoni tal-impjieg tgħid iżda, li pensjoni komutata tkun riveduta meta wieħed jagħlaq it-72 sena. Din il-kundizzjoni qed tkun miċħuda mit-teżor. Il-każ tal-parlamentari huwa differenti. Dawn ma jsofru l-ebda tnaqqis mid- dipartiment tas-servizzi soċjali u ż-żewġ terzi tal-onorarja tagħhom bħala pensjoni, tinħadem fuq l-onorarja ta' sħabhom li jkunu għadhom iservu fil-parlament. Bħala konklużjoni, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal- qarrejja għal min jaħseb li tali pensjonanti ta' qabel l-1979 qed jitolbu xi dritt divin. Il-politikanti tagħna xebgħu jippriedkaw is-second u t- third pillar pension. Allura min ġa għandu nisirquhielu? L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email illum@mediatoday.com.mt

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 14 September 2014