Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/384361
Il-Ħadd 21 ta' Settembru 2014 | illum 17 FILFETĦA tal-Belt, fetqa abominali li l-Perit Renzo Piano ċarrat għall- glorja tiegħu nnifsu u s-sottokuntratturi, bi spejjeż enormi mill-kaxxa ta' Malta, i.e. tal-Maltin (dejjem ubbidjenti, kondexxenti u mansi) tqiegħed żieme(l) bi tliet saqajn. Immankat. Diżabbli. Rajtu biss fir-ritratti; ma jidhirx li hu taċ-ċaqquf mogħti kisja lewn il-bronż. Iżda ma nafx huwiex fraġli biżżejjed li jista' jispiċċa vandalizzat u bla ras, bħal ma kien spiċċa bla ras il-komiku popolari Charles Clews fi Triq Bisazza, f 'Tas- Sliema. Ħamsin sena wara l-Indipendenza qed ikun ippreżentat lill-poplu żiemel bi tliet saqajn. Mhux żiemel dinamiku, iżda żiemel bla ħeġġa, wieqaf, mingħajr dinamika ta' xejn. Forsi s-sieq nieqsa tirrappreżenta l-kwart tal-popolazzjoni f 'xifer il- faqar. Niftakar li fis-snin sittin tas-seklu li għadda, meta kien hemm ċertu ċaqliq artistiku marbut mal-Indipendenza tal-1964, l-artist Antoine Camilleri (1922-2005) kien ħoloq kwadru juri żwiemel ta' saħħa kbira, sferrati, żwiemel li donnhom riedu jinterpretaw il-ħeġġa li ħakmet lill-artisti u lill-kittieba f 'dik l-epoka ta' aspettattiva. Imma llum, ħamsin sena wara, nofs seklu wara l-Indipendenza, iż-żiemel ta' barra l-Belt hu statiku, bla ruħ u diżabbli għal kollox. Għax ngħiduha kif inhi: x'jiswa żiemel bi tliet saqajn? Safejn jista' jasal? Saru tentattivi biex dan iż-żieme(l), mingħajr il- konsonanti tal-aħħar u mingħajr is-sieq xellugija ta' quddiem, ikun interpretat skont ir-realtajiet soċjo-politiċi tal-pajjiż. Ngħid għalija, din l-interpretazzjoni hi postfatta, li mhux veru kienet hemm mill-bidu. Imma donnu li kulħadd nesa li l-preżenza ekwestra hi simbolu tal- privileġġ, tal-ħakma. Fi żmien meta kienet qed tinbena l-Belt Valletta, ħadd ma kellu żiemel ħlief il-ħakkiema. Il-poplu kien jinqeda bil-ħmar, bhima li ma tgħejjiex malajr u li ma tridx wisq biex tgħajjixha. Imma issa lanqas ħmar m'għandu. Esponewlu bhima bi tliet saqajn. Ħamsin sena wara l-Indipendenza Malta għadha maħkuma mill-partitiżmu politiku u mill-Kurja. Għadha ma fehmitx il-kriterji tad- diversità u d-differenza. Il- preġudizzji qodma għadhom hemm, l-aktar dawk fejn jidħol il-lewn tal-ġilda. Ma fehmitx is-siwi li l-konstallazzjoni kulturali hi markatur qawwija għall-innovazzjoni u l-kreattività. Dan il-fluss Malta ma fehmitux u għalhekk spiċċat b'żiemel bi tliet saqajn. Ħamsin sena wara l-Indipendenza għadu jaħkem il-privileġġ, il-favoritiżmu u l-kodiċi tal-konnessjonijiet. Għadha taħkem l-arti tas- sensazzjoni, sorpassata diġà seklu ilu fid-dinja. Jista' jkollok imħallef jiskarta impeachment billi jirtira fil- waqt opportun. U jista' jkollok bażużli li ħatfu art pubblika illegalment, imbagħad illeġġitimizzawhielhom. Ettari sħaħ u binjiet ta' valur storiku jistgħu jitpartu u jkunu negozjati, bil-poter jirrombla minn fuq ras iċ-ċittadini komuni. Spiċċajna qed niċċelebraw l-Indipendenza b'mod vulgarizzat u banalizzat. Tista' tixtri "ċertifikat" tal- Indipendenza mingħand il-PN, iffirmat minn Simon Busuttil, il-President Emeritu Eddie Fenech Adami u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi għall-prezz ta' €50. Hawn fejn suppost jidħlu l-intellettwali biex jikkundannaw din ir- redikolaġni. Huma li suppost li qed juru lill-pajjiż il-mod ta' kif jinnaviga f 'ibħra ideoloġiċi u biex inkomplu bil-metafora, huma suppost li juru kif bastiment bi tradizzjoni antika jista' jsalpa lejn xtut prospettivi. L-istorja, sal-lum, ħamsin sena wara l-Indipendenza, baqgħet tkun falsifikata. Il- Kavallieri, l-alleati kostanti tal- qawwiet aristokratiċi Ewropej, baqgħu jiddixxiplinaw lill- Maltin b'mezzi iebsa biex dawn ma jittradixxux lil Malta lill- għadu Musulman. Il-Maltin kienu dixxiplinati permezz ta' taħriġ regolari biex jinżammu 'l bogħod mill-idea li jaqilbu għall-Islam, l-aktar meta kien magħruf li bosta Maltin kienu jxaqilbu lejn l-idolatrija Mawmettana. L-element komiku Malti qatt ma jonqos. Fl-1964, is- sena tal-Indipendenza, mara ta' 23 sena kienet ittellgħet il-Qorti talli libset bikini biex tixxemmex. U fl-2014, ħamsin sena wara, Christina Betke, disinjatriċi Ġermaniża tal-moda, kienet arrestata waqt marċ tal-festa għax spiċċat tiżfen liebsa bikini sewda u għaddiet lejl f 'ċella fil-kwartieri tal-Pulizija. Ma nqabditx tidgħi dagħa Malti faħxi. Imma xorta tqieset "immorali." Lura għas-simboloġija taż- żiemel bi tliet saqajn. Forsi s-sieq in-nieqsa tirrappreżenta d-defiċit tad-demokrazija attiva, tal-ugwaljanza parteċipattiva u ċ-ċittadinanza espressiva-kreattiva. Forsi s-sieq nieqsa tirrappreżenta l-ħtieġa tal-edukazzjoni kunċettwali li twassal għall- kunsens reali tal-poplu, fejn titwarrab l-idea simplistika ta' żewġ torrijiet tal-poter (i.e. il- partiti) jew tlieta, jekk nieħdu l-Knisja li minn hawn jew minn hemm għadha tipprova tillapazza, u fejn tinħoloq demokrazija kritika li tifhem x'inhu l-pluraliżmu. L-ewwel ħsieb li għandu jiġi f 'rasna f 'dan l-anniversarju tal-Indipendenza hu li Malta għandha jkollha l-indipendenza tal-ħsieb u tad- dixxerniment. IL-PSEWDO ESPERTI KULTURALI Malta sar għandha ċenaklu ta' psewdo esperti u maniġers kulturali li l-mezzi tax- xandir Ingliżi lokali jħobbu jitolbuhom il-kummenti dwar inizjattivi u proġetti artistiċi – ambjentali. U tqis il-kummenti tagħhom donnhom Eżekjel jew Elija. Imnejn ikkwalifikaw dawn l-esperti, u kif, ħadd ma jaf. Imma jifhmu dwar il-fetħa tal-Belt ta' Piano, taż-żiemel bi tliet saqajn, fil-linfa li ddendlet ftit ilu fid-daħla tat- "teatru" bla saqaf, eċċ. Dawn il-bravi jistqarru kemm kellu viżjoni futurista xi ħadd bħal Renzo Piano meta sfrakassa d-daħla tal-Belt. Dwar Piano ma jgħidux li ħakimna. Ma jgħidux li kien hemm aktar minn 60 artist Malti joġġezzjonaw għad-daħla l-ġdida. L-esperti avangardisti (!) tal-lum huma favur il-fetħa fil-Belt u ċ-ċajta tat-teatru bla saqaf. Imma l-gvern tal-PN kien baqa' għaddej minn fuq ras l-artisti, bl-arroganza tipika tiegħu. Imma lura għall-istatwa militari kif qed tkun proposta. Issa, qed jikkritikawha, għall-ġid tal-identità Maltija, huma li lanqas jafu jitkellmu Malti tajjeb. Niftehmu, din il- kompożizzjoni hi estetikament ferm aktar superjuri għaż- żiemel bla sieq: hi stilizzata, b'linji ndaf u taqbel mal- madwar ta' bħalissa. Imma lill-maniġers kulturali u lill- esperti mhijiex togħġobhom. Jippreferu skultura bil-ġenitali maskili u bhejjem immankati. Jaħsbu li x-xemx telgħet fuq Malta malli tfaċċaw huma, bil- blaff u l-parrini tagħhom. Intant, qed jgħidu li l-Belt kollha kemm hi tfakkar fil-Kavallieri u m'għandniex bżonn mafkar ieħor li jfakkarna kif ħakmuna. Fl- istess waqt ifaħħru l-Barokk u s-sbuħija tal-Konkatidral ta' San Ġwann u l-Bereġ li bnew il-Kavallieri Ewropej. Allura x'għandna nagħmlu: nisplodu kollox skont dawn il-maniġers- artisti u "diretturi tat-teatru"? U kif inkunu fiż-żifna għandna ntajru Sant'Anġlu u San Ġakbu u t-torrijiet mal-kosta? Inwaqqfu l-programmi kollha ta' restawr? Ma nibqgħux insewwu s-swar? Għax bnewhom dawk li ħakmu lil Malta? U forsi nagħtu skoss ieħor. U nisplodu Ta' Braxia u l-Addolorata għax bnewhom l-Ingliżi? U naslu sal-qalba tal- Belt u nqiegħdu bomba taħt l-istatwa kolonjali tar-Reġina Vittorja. Infarrku kollox u nimlew kullimkien bil-linef u ż-żwiemel bi tliet saqajn u bil-"monumenti" falliċi fir- roundabouts. Kemm nifilħu nkunu redikoli u patetiċi? Kif tista' tibni identità mingħajr storja? Kemm se ndumu ma neħilsu min-nies tal-blaff? L-INDIPENDENZA U Ż-ŻIEME(L) MEDIASPOT MINN MARIO AZZOPARDI DOWNLOAD THE MALTATODAY APP NOW Mal-ħaġra t-tajn! Kjarifika dwar l-intervista KAV JOE M ATTARD VICTORIA, GĦAWDEX XI ftit taż-żmien ilu kont ktibt dwar l-istat batut tal- lapida kommemorattiva li hemm fil-Ġnien ta' Villa Rundle Victoria. L-ittri ta' fuq din il-lapida li tfakkar il-ftuħ mill-ġdid ta' dan il- Ġnien Pubbliku wara xogħol estensiv ta' restawr mill- Gvern ta' qabel, kien għoddu sparixxa u ma kienx għadu jinqara. Dawn il-jiem kont għaddej minn quddiem din il-lapida u nnutajt li l-ilment tiegħi ma damx wisq fuq il-karta. Veru kif ngħidu bil-Malti: mal-ħaġra t-tajn; hekk għandhom isiru l-affarijiet f 'dan il-pajjiż! Il- Ministeru għal Għawdex jidher li għandu lil xi ħadd għassa tal- ilmenti li jidhru fuq il-ġurnali għax fi żmien qasir, tqabbad xi ħadd biex jirranġa din il- ħsara. Tassew prosit u grazzi lil Ministru għal Għawdex u lill-ħaddiema tiegħu li fihom sibt ukoll kull għajnuna u koperazzjoni meta dan l-aħħar twebbilt intella' serata letterarja f 'waħda mis-swali tal-Ministeru għal Għawdex fi pjazza San Franġisk, li wegħduni wkoll kull għajnuna għal ġejjieni! JOHN BENCINI ĊERMEN MCESD B'REFERENZA għall- intervista miegħi tal-Ħadd li għadda, 14 ta' Settembru dwar l- MCESD, nixtieq nagħmel din il-kjarifika. Meta kont qed inwieġeb għall-mistoqsija: 'X'qed jinkwetakom l-iżjed fejn jidħlu ħaddiema?' - Jien kont qed nirreferi għall- etika tax-xogħol u xejn aktar. Dan peress li fis-settur turistiku, qed ikollna ħaddiema li minkejja li jiġu offruti overtime s-Sibt u l-Ħadd bi ħlas ġust, xorta waħda qed insibu li qed ikun hemm min jirrifjuta li jaħdem il-Ħadd jew is-Sibt! Dan qed jiġri l-aktar fil-lukandi u r-ristoranti. Naħseb li kulħadd jaqbel miegħi li ma jistax ikollok pulizija, infermiera, ħaddiema li jaħdmu l-ajruport u oħrajn li jirrifjutaw li jaħdmu matul tmiem il-ġimgħa. Iva, l-MCESD għax tfittex dejjem il-ġid tal-ħaddiema u l-ħolqien tax-xogħol, qiegħda tappella għal aktar etika u sens ta' responsabbiltà miż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax- xogħol. Għandna eluf kbar ta' ħaddiema Maltin li għandhom sens ta' dover u responsabbiltà u hekk nixtiequ miż-żgħażagħ tagħna. L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email illum@mediatoday.com.mt