Illum previous editions

illum 5 October 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/392872

Contents of this Issue

Navigation

Page 33 of 35

34 illum | Il-Ħadd 05 ta' Ottubru 2014 Cynergi Virtus - tim ġdid fl-ogħla diviżjoni tal-basketball lokali. Kif beda kollox? L-idea żviluppat meta għall-ewwel darba fl-aħħar 30 sena fil-karriera tiegħi fil-basketball lokali, sibt ruħi bħala spettatur wara sitwazzjoni mhux tas-soltu. Fl-20 ta' Diċembru li għadda nibtet din l-idea ma' grupp ta' persuni li kollha kienu ilhom fix-xena tal- basketball lokali, u li kienu lesti jidħlu għal din il-ħolma. Ma kinitx triq faċli, b'mod speċjali meta wieħed ipoġġi fuq il-miżien it-tentazzjoni li taċċetta li tingħaqad ma' klabbs diġà stabbiliti fil-basketball Malti - u hawnhekk nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil dawk id-diriġenti tal-klabbs lokali li wrew fiduċja fija. Din il-fiduċja kienet kruċjali sabiex inkompli nemmen fil- proġett, Cynergi Virtus. Minn fejn ġie l-isem 'Virtus Basket'? Fil-verità l-isem 'Virtus Basket' ġie ftit xhur wara li nibtet l-idea. Fil- bidu, il-proġett kien se jkun klabb li jirrappreżenta l-Belt Kapitali 'Valletta', iżda l-persuna li kienet se tikkommetti għal dan il-għan mill-aspett finanzjarju ma baqgħetx disponibbli. Ikkunsidrajna wkoll lokalitajiet oħra, iżda sibna li kien fl-aħjar interess tal-klabb li nibqgħu indipendenti u naħdmu f 'isem l-isport. L-isem Virtus, li nzerta wkoll isem popolari fil-kamp tal-basketball Ewropew, ġej mil-Latin. Naħseb li l-aħjar traduzzjoni f 'kelma waħda bil-Malti hija 'irġulija'. Ħassejna li ma kien hemm l-ebda isem aktar addattat minn dan, għall-grupp ta' persuni li jħobbu l-logħba tal-basketball u li l-għan ewlieni tagħhom huwa propju l-imħabba għal din il-logħba. It- twaqqif ta' kodiċi ta' etika huwa propju relatat ma' dan. Din ġiet riflessa anke fil-kampanja akkwisti, kien hemm aktar plejers li sal-aħħar ġimgħa wrew interess li jingħaqdu magħna, iżda aħna kellna naħdmu skond il-pjan finanzjarju sabiex dan ikun wieħed sostenibbli. Min huma n-nies wara dan il- proġett? L-ewwel nies tal-kumitat kienu numru ta' eks plejers fosthom Karl Azzopardi, Mark Ciantar, Adrian Sultana, Antoine Baldacchino u Mario Fava. Persuni li kollha jokkupaw irwol ta responsabbiltà fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. F'dawn l-aħħar xahrejn ingħaqdet magħna l-aktar persuna importanti, il-President Dr Alessandro Lia. Mhux biss mill- aspett legali, imma wkoll mill-aspett morali huwa l-persuna ideali sabiex iżommna b'saqajna mal-art u ma tħallix il-passjoni tiġri bina. Xahar ilu, membru tal-kumitat avviċina lil Kimmy Borg Alden sabiex taqdi d-dmirijiet ta' segretarja u maniġer tat-tim fi ħdan il-klabb il-ġdid. Kimmy kienet diġà qiegħda tagħmel xogħol amministrattiv fi ħdan l-MBA, u kienet qiegħda tikkunsidra li tingħaqad ma' klabb ieħor lokali sabiex tibqa' viċin tal- logħba mill-aspett kompetittiv. Hemm ukoll nies oħra, li minkejja li mhumiex fil-kumitat, jgħinu lit-tim mill-qrib. Għaliex ir-rabta ma' Starlites? Min hu midħla tal-basketball lokali, jaf dwar l-organizzazzjoni u s-serjetà li biha jaħdmu Starlites fil-kamp tan- nursery u tal-Youth teams, biex ma nsemmux is-suċċessi li Starlites kisbu matul is-sena l-oħra. Kif sirna nafu li Starlites, ma kinux se jipparteċipaw fl- ogħla diviżjoni bit-tim tal-irġiel, ħtafna l-opportunità sabiex nipproponu ftehim ta' koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Dan ma sarx biss sabiex inkunu konformi mar-regola tal-MBA, li tgħid li klabb fl-ogħla diviżjoni jrid ikollu tim ta' taħt l-14-il sena tal-istess sess, iżda għaliex nemmnu fix-xogħol siewi mwettaq minn Starlites. Fil- verità, l-MBA, tagħti sentejn ċans sabiex klabb ikollu ċans jirriforma ruħu għal din ir-regola. Min-naħa tagħna lanqas mhu qed neskludu li jista' jkollna tim tan-nursery ieħor, li minnu l-plejers jgħaddu għand Starlites fil-kategoriji ta' taħt is-16-il sena. Dan il-ftehim se jiswa ta' ġid għaż- żewġ partijiet. Il-plejers adolexxenti telgħin mill-youth teams ta' Starlites, mhux se tingħalqilhom it-tieqa li jħarsu 'l fuq b'tama u determinazzjoni. Kull min hu midħla tal-isport, jaf kemm hu importanti li plejer ikollu d-direzzjoni fejn jista' jissodisfa l-ambizzjonijiet sportivi fi ħdan il- klabb tiegħu stess. Starlites ħasbu oltre minn dan. Huma żammew saħansitra t-tim tat-tieni diviżjoni, sabiex min għad jonqsu biex jissaħħaħ bħala plejer, ikun jista' jieħu l-esperjenza meħtieġa fi ħdan l-istess klabb. Dan biex ma nsemmux l-importanza tal-kategorija ta' taħt it-23 sena, li propju nħolqot sabiex il-plejers ikomplu jikbru fil-logħba. L-esperjenza tal-kowċ Alfred Mifsud fil-formazzjoni tal-plejers se tkun element ieħor importanti fi ħdan din il-koperazjoni ta' bejn iż-żewġ partijiet. Min-naħa ta' Cynergi Virtus, dan il- ftehim ta' koperazzjoni kien importanti anke għall-preżent. Fil-fatt żewġ plejers mill-iskwadra ta' Starlites tal-istaġun li għadda se jkunu parti integrali tat-tim preżenti. It-tama hija li fi żmien tliet snin nibdew naħsdu l-frott ta' dan il-ftehim. Tħoss li se tkunu fost it-timijiet li jissieltu għall-unuri mill-ewwel sena tagħkom fl-ogħla diviżjoni? Inkun prużuntuż jekk ngħid hekk. Jiena nemmen li kull klabb li jidħol fl-ogħla diviżjoni, għandu jkollu dan il- għan. Il-pjan tas-Cynergi Virtus huwa mfassal fuq tliet snin, fejn inħoloq bilanċ bejn l-immedjat u l-futur qarib. Kulħadd jaf bl-impatt tal-plejer barrani fil-livell ta' Malta, għaldaqstant wieħed jista' jgħid jekk skwadra hux se tkun kompetittiva wara li jara l-impatt ta' dan tal-aħħar. Jiena konvint li kull klabb għamel xogħlu sew fir-rigward ta' dan. Mela se npoġġilek id-domanda mod ieħor. Kif tqabbel dan it-tim, mat-tim ta' Floriana Basketball Club li kellek meta ħadt il- kampjonat żewġ staġuni ilu? Ma tistax tqabbel. Tim huwa magħmul mhux minn individwi, imma minn grupp. Kull grupp għandu d-dinamika tiegħu. Il-mod kif il-plejers jinteraġixxu flimkien u mal-kowċ, hija xi ħaġa li tinbena sessjoni wara sessjoni, logħba wara logħba. Huma l-esperjenzi li joħolqu l-grupp. Fi ftit kliem, il-bilanċ bejn l-emottiv, it-tattiku u s-soċjali jagħmel id-differenza kollha. Ma nistax ma nistaqsikx fuq l-istaġun li għadda... L-istaġun li għadda mill-aspett ta' riżultati, għalija personali kien wieħed pożittiv, fejn ħallejt tim fit-tielet post tal-klassifika fil-kampjonat, u jikkompeti għal erba' unuri, fosthom finali tax-shield. Bħala medja l-prestazzjoni tat-tim kienet aħjar minn dik tas-sena preċedenti. Naħseb li l-prospetti kienu sbieħ. Filwaqt li nawguralek għall- istaġun li ġej, tixtieq iżżid xi kumment? Aktar milli kumment, nixtieq nirringrazzja lil dawk li wrew l-appoġġ tagħhom għal darb'oħra, din id-darba ma' tim differenti, fosthom Charles Azzopardi tal-Phoenicia Hotel, kif ukoll lil Marisa Caruana u Tony Fenech ta' Francesco Fenech, li reġgħu kienu kruċjali sabiex tibda din l-avventura l-ġdida. SPORTSillum CRISTIAN ANTONY MUSCAT Paul Ferrante – kowċ u wieħed mill-imħuħ wara t-twaqqif ta' Cynergi Virtus, klabb tal-basketball ġdid li id f'id ma' Starlites BC se jkun qed jikkompeti -ogħla diviżjoni tal-basketball lokali "Il-bilanċ bejn l-emottiv, it-tattiku u s-soċjali jagħmel id- differenza kollha" "Wieħed jista' jgħid jekk skwadra hux se tkun kompetittiva wara li jara l-impatt ta' dan tal-aħħar" Esperjenza u klassi fil-basketball

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 October 2014