Illum previous editions

ILLUM 2 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1057931

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 31

7 Aħbarijiet Il-Ħadd 2 ta' Diċembru 2018 | illum din il-viżjoni fejn se teħodna? Ħlas lura fi flus 'misruqin' mill- kontijiet. Déjà vu! Lura fl-Oppożizzjoni Joseph Muscat kien wiegħed illi se jagħti lura l-flus li diversi nies kienu ħallsu f 'VAT fuq il-karozzi li kienu xtraw fuq medda ta' snin. Kienet wegħda popolari, populista u fattibbli li m'hemmx dubju illi attirat xi ftit voti lejn il-Partit Laburista. Il-Partit Laburista kien ħadem il-wegħda tajjeb b'avveniment ta' relazzjonijiet pubbliċi eċċellenti illi fih kju enormi ta' nies inġabru biex jiffirmaw isimhom għal dan il-ħlas lura. Il-wegħda ta' Delia hija xi ftit ta' déjà vu f 'dan is-sens, speċjalment fi-dawl tal-fatt illi l-Gvern ammetta illi saru żbalji. B'differenza iżda, il-Partit Laburista fil-Gvern għadu kapaċi jimmanuvra tajjeb u b'mod flessibbli biżżejjed biex fejn hemm żball jirranġah u ma tkun sorpriża xejn illi l-Gvern jiġbed it-tapit minn taħt saqajn il-PN u l-flus li tħallsu żejda jagħtihom hu. Turiżmu: diżappuntanti It-turiżmu jibqa' wieħed mill- akbar jekk mhux l-akbar settur ekonomiku f 'pajjiżna. Huwa xi ftit diżappuntanti li fuq dan is-suġġett il-Partit Nazzjonalista rriżerva biss paragrafu. Filwaqt li l-PN għandu raġun jirrimarka kif ħafna mill-proġetti infrastrutturali ta' pajjiżna saru minn Gvern Nazzjonalista, id- dokument isemmi biss il-bżonn ta' pjan u strateġija. Huwa nieqes mill- ispeċifikazzjoni ta' niċeċ differenti fosthom; it- tagħlim tal-lingwa Ingliża u d-direzzjoni li se jieħu dan is-settur, it-turiżmu reliġjuż li għadu niċċa li għadna 'l bogħod milli nirrealizzaw il-potenzjal tiegħu, it-turiżmu kulinari, it-turiżmu tal- għaddasa, it-turiżmu LGBTIQ bħala sotto niċċa tat-turiżmu tat-tiġijiet f 'pajjiżna, it-turiżmu permezz tal-cruises. Id- dokument ma jsemmix anqas swieq ġodda u kif nistgħu nirrealizzaw aħjar il-potenzjal tagħhom primarjament iċ-Ċina, il-Korea ta' Isfel, il-Brażil u l-Istati Uniti. B'hekk il-viżjoni tal-PN fuq it- turiżmu għadha waħda pjuttost fqira u mhux qed tagħti biżżejjed l-alternattiva meħtieġa għas- sitwazzjoni ta' bħalissa li qed tara rekords kbar fis-settur. L-ambjent; pedament tajjeb Dwar l-ambjent il-Partit Nazzjonalista jidher li qed jibni pedament tajjeb billi jorbot il-ħarsien tal-ambjent mal- bżonn ta' pjan li jissalvagwardja l-agrikoltura. Jekk il-PN jirnexxilu jsib dan il-bilanċ, ikun laħaq l-aħjar bilanċ għall- ambjent fl-aħħar snin. Hemm bżonn qawwi ta' aktar sostenibbiltà fil-biedja u aktar ħarsien u promozzjoni tal-prodott Malti. Dan biss jista' jsalva l-art agrikola li għad fadlilna minn mewta ċerta u allura l-qerda tal-kampanja. Sfortunatament il-PN ma jispeċifikax setturi differenti u jibqa' vag. Però wieħed jista' joħloq inċentivi favur il-vitikultura biex għelieqi mitluqin isiru għelieqi tad- dwieli, inċentivi favur it-tkabbir tal-bajtar li għandu potenzjal ekonomiku kbir, inċentivi biex nibdew nagħmlu użu mill- ħarrub li minnu jista' jkun prodott ġulepp li jista' jinbiegħ bi prezzijiet tajbin ħafna f 'pajjiżi 'l bogħod mill-Ewropa u aktar. Pensjonijiet u faqar; COLA oħra? Ir-rapport tal-PN jindika illi jista' jinħoloq mekkaniżmu ġdid illi permezz tiegħu l-infieq tal- pensjonanti jkun partikolarment ikkalkulat. Għalkemm dan mhux ċar, wieħed jista' jeħodha illi l-PN qed jipproponi tip ta' COLA ġdida għall-pensjonanti biss li tagħti aktar toqol lil spejjeż mediċi, pereżempju. Il-PN jgħid hekk; "aħna rridu ekonomija li minnha jgawdi kulħadd, l-aktar dawk vulnerabbli... pjan fit-tul iniedi miżuri tassew effettivi biex jindirizzaw l-għafsa fuq il-pensjonijiet, il-politika tal-pagi baxxi..." Idea tajba. Imma għal darb'oħra x'se jagħmel differenti minn dak li qed jagħmel il-Gvern preżenti li qed iżid il-pensjonijiet fil- Baġit? Se jdaħħal it-tieni pilastru u allura jintroduċi aktar ħlas fuq kull min jaħdem biex jagħmel tajjeb għal inqas pensjoni? F'xenarju illi fih Delia jixtieq li nkunu inqas iffullati u allura jkollna inqas barranin, dan ikun ifisser illi jkollna anqas nies qed jikkontribwixxu għad-dħul tal-pajjiż u allura jkollna inqas bolla mħallsa. Għalkemm kif jgħid il-PN il-barranin mhumiex soluzzjoni dejjiema għad-dħul u l-pensjonijiet, xorta huma soluzzjoni għal issa u għaż- żmien li ġej. Il-ħarsien tal-ħajja: pożizzjoni ċara Wieħed mill-pilastri ewlenin tad-dokument tal-Partit Nazzjonalista hija dik li tgħid illi li "l-ħarsien tal-ħajja f 'kull ċirkostanza". Dan ifisser li l-Partit Nazzjonalista se jibqa' kontra l-abort, kif inhuma l-partiti kollha, imma li se jreġġa' lura l-bidliet li seta' għamel dan il-Gvern, bħall-possibilità li mara tiffertilizza aktar bajdiet u li dawn jibqgħu ffriżati sa ċerta żmien. Din il-pożizzjoni ma jaqbilx magħha kulħadd, speċjalment votanti liberali u femminili. Bosta jirrigwardawha bħala pożizzjoni insensittiva. Imma daqstant ieħor hemm min jaqbel. Il-pożizzjoni tal-PN hawn hi ċara, ta' prinċipju ċar li jagħmlu differenti mill-prinċipju li jħaddan il-Gvern Laburista, fejn tidħol l-aspett tal-ħajja fi stat embrijoniku. Fuq nota strettament politika, u anke jekk bħala gazzetta ma naqblux ma' ċerti pożizzjonijiet ta' Adrian Delia, huwa pożittiv li l-PN jidentifika lilu nnifsu bħala partit differenti mill-PL. Konklużjoni: mhux ħażin, imma għad fadal xi jsir Ir-rapport tal-Partit Nazzjonalista 'Ġid għal kulħadd f 'soċjetà li jimpurtaha' huwa attentat serju biex il-PN jibda jidher bħala alternattiva. Il- ktieb minnu nnifsu, bl-iskema ta' kuluri magħżula, l-użu predominanti ta' trabi jew tfal żgħar u żgħażagħ huwa sinjal illi kien hemm sforz ġenerali biex il-partit jidher professjonali Fid-dokument iżda l-Partit Nazzjonalista baqa' pjuttost vag u ħalla ħafna kliem fl-arja li jaqbel magħhom kulħadd imma li jfissru ftit. Huwa probabbli ħafna li kollox tħalla vag minħabba li l-ebda partit ma jaqbillu li juri wisq il-karti tant 'il bogħod minn elezzjoni ġenerali. Sa dakinhar iżda l-viżjoni tal-PN se tibqa' miktuba fuq ktieb sabiħ b'intenzjonijiet tajbin, iżda ftit li xejn spjegata b'mod li tħajjar votant ġodda jersqu u/jew jappoġġjaw lill-PN.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 2 December 2018