Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1122277
W ara kampanja elettorali, minn dalgħodu tibda l-istennija biex insiru nafu min se jirrappreżenta lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew. Aktar tard dil-ġimgħa li deħlin fiha, insiru nafu wkoll min se jkunu dawk il-kunsilliera li se jagħtu l-ħidma tagħhom fil-kusilli lokali. Inħarsu 'l quddiem. Inħasru biex inkomplu naħdmu għal pajjiżna mhux biss fuq livell nazzjonali, imma wkoll fuq livell Ewropew. Fuq livell Ewropew kulħadd jaf u nifhem li japprezza x-xogħol li għamlu r-rappreżentanti ta' pajjiżna f 'isem il-Partit Laburista. Ix- xogħol fil-lokalitajiet għaddej, anki fuq skala mtejba kif ħabbarna permezz tar-riforma tal-Gvern Lokali u kif ħabbarna anki f 'dawn il-ġimgħat li għaddew, hemm ħidma ma taqta' xejn. *** Ħabbart diversi miżuri u wkoll sistemi li ġew addottati fil-lokalitjiet tagħna. Naħseb waħda li tinsab għal qalbi immnes hija l-istrateġija tal- Kottonera. Flimkien ma' Glenn Bedingfield, il-Kordinatur Eżekuttiv tal-Kumitat għar- Riabilitazzjoni tal-Kottonera ppubblikajt online Strateġija tal- Kottonera. Ilna naħdmu fuqha qatigħ, anki wara perjodu wiesa' ta' konsultazzjoni u li ġiet ukoll approvata mill-Kabinett. Il-Gvern għandu l-għan li jkompli jassigura li ċ-ċittadini tal-Kottonera jkollhom ħajja aħjar u ż-żona timxi 'l quddiem. Hemm ħafna x'wieħed jomgħod f 'din l-istrateġija. Qed inħarsu lejn il-Birgu, Bormla, l-Isla u wkoll il-Kalkara b'mod ħolistiku. L-Istrateġija se tħares lejn ir-restawr tal-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera, kif ukoll għal xogħlijiet ta' riabilitazzjoni, fost l-oħrajn, biex inkomplu ntejbu din il-parti ta' pajjiżna. Dan kollu se jwassal għat- twaqqif tal-Fondazzjoni tal-Kottonera, li se tieħu ħsieb il-kordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija. Grazzi għal dan, qegħdin niżguraw li dawn l-inizjattivi jitwasslu minn ġenerazzjoni għall-oħra, għall-benefiċċju tal-komunità. Permezz ta' dan il-proġett se nirriġeneraw dawn il-lokalitajiet storiċi, bħalma għamilna bil-Belt Kapitali tagħna. L-istrateġija għall-Kottonera hija għan-nies u magħmula min-nies. U kienu n-nies li wkoll qasmu l-ideat tagħhom għal dak li jixtiequ jaraw imtejjeb fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Fil-fatt matul il- perjodu ta' konsultazzjoni pubblika kien hemm mal- 200 sottomissjoni li kienu kkunsidrati għad-dokument finali. Naqbel ferm ma' dak li qal Glenn. It-tħejjija tad- dokument kienet l-aktar ħaġa faċli, issa jibda l-iebes, l-implementazzjoni ta' dak li hemm miktub permezz tal- Fondazzjoni Kottonera li se titwaqqaf fiż-żmien li ġej. Fost il-proġetti u xogħol importanti, apparti dawk li semmejt aktar 'l fuq, hemm programmi soċjali, konnettività bil-baħar aħjar mal-Belt, spazji miftuħa, ġonna ġodda u faċilitajiet sportivi u ta' rikreazzjoni. Il-gvernijiet lokali tat-tliet ibliet u l-Kalkara se jkunu soċji importanti biex tirnexxi din l-istrateġija li trid tara Kottonera ta' għada li tkun aħjar minn tal-lum. Min irid jara l-programm vast li għandna mħejji jista' jidħol f 'dan is-sit online: https://justice.gov.mt/mt/ Documents/KottoneraStrategy- DocumentMt.pdf *** Fil-jiem li għaddew tajt sehmi f 'seminar li ddiskuta "Il-Mużewijiet bħala hubs kulturali: il-futur għat- tradizzjoni", li ttella' f 'pajjiżna mill-Għaqda Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM). Dan sar fil-Jum Internazzjonali għall-Mużewijiet u sar fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu. Ġawhra oħra li għandna fil-Kottonera. Palazz li jinsab f 'idejn Heritage Malta – fi ħdan il-Ministeru – u li huwa miżmum tajjeb ferm, anki wara restawr li sar. Palazz li wkoll jeħodna lura fl-istorja tagħna u jkompli juri kemm għandna nkunu kburin li Malta għandha storja daqshekk rikka. Ma ninsewx li qabel il-bini tal-Belt Valletta, il-Kottonera kienet iċ-ċentru tal-ħidma tal-Kavallieri u kellha l-importanza tagħha kif fuq kollox qed jerġa' jagħtiha dan il-Gvern. Meta ftaħt is-seminar semmejt kif il-mużewijiet qegħdin jivvintaw lilhom infushom mill-ġdid fil-mixja tagħhom biex ikunu aktar interattivi, iffukati fuq l-udjenzi, orjentati lejn il-komunità, flessibbli u li jadattaw f 'hubs kulturali li jaħdmu bħala pjattaformi fejn il-kreattività tiltaqa' mal- għarfien u fejn il-viżitaturi jistgħu wkoll joħolqu, jaqsmu u jinteraġixxu. Aħna qegħdin naħdmu biex nassiguraw li nipprovdu pjattaforma għall- futur tat-tradizzjonijiet tagħna, li jiffurmaw parti intrinsika mill-identità kulturali tagħna, permezz tal-implimentazzjoni ta' strateġiji li jagħmlu din id- dinja aktar aċċessibbli. Qegħdin jiġu ppjanati attivitajiet b'mod kontinwu biex tiġi involuta l-komunità, u b'mod partikolari, Heritage Malta, qiegħda tkun mexxeja u katalista għal dawn it-tip ta' attivitajiet. Ħu l-avenimenti kulinarji li ttellgħu riċentement f 'Għawdex u kif ukoll għall- kunċett tal-MUŻA, il-mużew nazzjonali tal-arti li huwa bbażat fuq l-interazzjoni mal- komunità. *** Anki l-materjal viżiv huwa parti mill-istorja tagħna bħala pajjiż. U qed naħdmu biex dan ukoll nippriservawh mhux biss għalina imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri. B'dan f 'moħħna, nedjet proġett ta' €4.8 miljun parzjalment iffinanzjat mill- Programm ta' Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għad-diġitalizzazzjoni ta' 24,200 siegħa ta' filmati tal-PBS biex ikunu aċċessibbli għall- pubbliku. Proġett ta' diġitalizzazzjoni, li għandu jitlesta sal-2021. Din hija t-tieni parti tal-proġett, li l-PBS beda fl-2014, taħt l-Assi Prijoritarji 5 Ħarsien ambjentali – ninvestu f 'assi naturali u kulturali. Grazzi għal dan il-proġett, aħna qegħdin naraw il- potenzjal kollu ta' rwol informattiv u edukattiv li dan is-sors ta' informazzjoni jġib miegħu u niżguraw li dawn il-filmati ferm importanti li jiddokumentaw l-istorja riċenti ta' pajjiżna huma pperservati u disponibbli għall-membri tal- komunità, permezz tal-aspett interattiv ta' dan il-proġett. Dan huwa wkoll element importanti għall-wirt nazzjonali tagħna, u l-intenzjoni tagħna hija li jkun disponibbli għal kulħadd. L-istrateġija tal-Ministeru hija li dan kollu tagħmlu aċċessibbli f 'esperjenza li se tgħaqqad il-passat mal-preżent, bi ħsieb għall-futur. B'rekord viżiv li jmur lura għas-sittinijiet, dan il-proġett ta' diġitalizzazzjoni se jikkategorizza l-legat ta' filmati f 'erba' kategoriji; kultura, avvenimenti, personalitajiet fl-istorja, u postijiet. Aċċess għall-materjal arkivjat se jkun disponibbli għall- pubbliku permezz ta' arbli u plakek imqassmin mal-pajjiż, li jagħtu lill-persuni aċċess b'xejn għall-videos permezz ta' kodiċi QR. *** Dramm li ninsab ċert li se jinżel tajjeb ma' kulħadd huwa VII (Sette). Spettaklu ta' Teatru Malta, VII (Sette), jikkommemora ċ-ċentenarju mill-Irvelli tas-Sette Giugno 1919. Dramm dinamiku organizzat bi sħubija ma' Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali. Dejjem għidt li l-istorja tagħna għandha rwol importanti fit-tiswir tal-identità u t-tradizzjonijiet tagħna, u huwa permezz tal-arti u l-kultura li nistgħu nkomplu nippromwovu l-wirt rikk tagħna. VII huwa dramm ġdid li mitt sena wara l-avveniment, qegħdin nenfasizzaw it-tifsira ta' dawn il-ġrajjiet bil-għan ewlieni li l-ġenerazzjonijiet il- ġodda inklużi s-soċjetà tal-lum jifhmu aħjar x'sawwarhom ġens b'identità. VII se tittlella' fis-7, 8, 9, 14, 15 u 16 ta' Ġunju fil-Piazza d'Armi ta' Sant' Iermu fil-Belt Valletta. Dan l-ispettaklu qiegħed jittella' bl-appoġġ ta' Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, il-Kunsill Malti għall-Arti, Heritage Malta u LESA li jinsabu fi ħdan il- Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kif ukoll camilleriparismode. Għall-biljetti żur teatrumalta. org.mt jew ċempel 21 220255 għal aktar informazzjoni. Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Inħarsu 'l quddiem OWEN BONNICI Il-Gvern għandu l-għan li jkompli jassigura li ċ-ċittadini tal-Kottonera jkollhom ħajja aħjar u ż-żona timxi 'l quddiem illum | Il-Ħadd 26 ta' Mejju 2019 18 Opinjoni