Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1122277
19 Il-Ħadd 26 ta' Mejju 2019 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Huwa importanti li isem pajjiżna ma jibqax jitniżżel fil-ħama Ikompli minn Paġna 1 Jekk min-naħa l-oħra l-PN jirnexxilu jnaqqas dan id-distakk, ikun pożittiv għalih u anke għad-demokrazija ta' pajjiżna għax l-Oppożizzjoni terġa' tieħu ftit ruħ, tittieħed iktar bis-serjetà u l-Gvern ikollu avversarju suriet in-nies hekk kif probabbilment tnaqqis fid-distakk imewwet ħafna mir- reżistenza lejn il-PN. Jitla' min jitla' iżda mill- PN huwa importanti li kulħadd jiftakar illi isem pajjiżna huwa importanti u huwa importanti li isem pajjiżna ma jibqax jitniżżel fil-ħama. Veru li isem pajjiżna ma waqax fil-ħama biss minħabba l-ħidma tal- MEPs Nazzjonalisti imma wkoll u speċjalment minħabba l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u l-fatt illi isem Ministru Malti deher fuq il-Panama Papers. Imma il-fatt li żewġ MEPs partikolari komplew ikebbsu n-nar ma tantx għenu. Il-fatt illi pajjiżna kien ikkritikat u saret ħafna pressjoni fuqu, fuq materji illi mhumiex ta' Malta biss, mhuwiex ġust. Mhuwiex ġust li Malta tiġi kkritikata fuq il-korruzzjoni daqs li kieku hawn biss hawn il-korruzzjoni. Mhux ġust li Malta tkun ikkritikata dwar il-ħasil ta' flus u daqslikieku Malta biss hawn dawn il-prattiċi u daqslikieku Malta hija ċ-ċentru tal-ħasil ta' flus. Vera li l-Gvern m'għenx ruħu, imma lanqas għenu lil pajjiżna dawk li kebbsu n-nar biex kabbru l-fjamma. Delia jeħtieġ jara li dan ma jerġax jiġri. Min-naħa l-oħra għandna lil Joseph Muscat. Jekk Muscat jara d-distakk jiżdied din tkun rebħa enormi għall-Partit Laburista u rekord politiku ta' kull żmien. Muscat ikun laħaq il-quċċata politika u jkun għadda lil kull kap u mexxej politiku ieħor f 'termini ta' voti. Fil-verità dan ir-riżultat ikun qed joffri l-aqwa ambjent politiku u opportunità biex Muscat jitlaq. Fil-verità dik tal- bieraħ kienet xi ftit ta' xafra taqta' miż-żewġ naħat għal-Laburisti; minn naħa jridu lil Muscat jibqa' jmexxi lill-Partit Laburista bil-qawwi u min-naħa l-oħra jixtiquh jagħmel suċċess kbir, mill-ġdid, illum. Jiġri x'jiġri iżda jekk Muscat jerġa' jirbaħ bil-kbir, ikun sinjal ċar illi dan il-politiku huwa rebbieħ ta' dejjem u se jkun diffiċli jew mhux kważi impossibbli li jitlef elezzjoni. Muscat, apparti li huwa politiku tajjeb ħafna b'kapaċitajiet komunikattivi eċċellenti, sab Oppożizzjoni li tinsab f 'qagħda dgħajfa u xi ftit jew wisq maqsuma bejn dawk li jridu u dawk li ma jridux lil Delia. Dan qed jgħin ħafna l-pożizzjoni ta' Muscat u jekk illum naraw telfa Nazzjonalista kbira ħafna, din il-qasma fil-PN tkun waħda mill-kaġuni. Jekk jonqos id-distakk iżda u jonqos b'mod konsiderevoli, Muscat ikollu jieħu kont tajjeb tas- sitwazzjoni. Ikun ifisser li ħafna persuni Laburisti jew votanti Laburisti ħassew illi l-affarijiet mhumiex daqstant tajbin daqs kemm hemm min qed jgħid li huma. Ifisser li l-Partit Laburista għandu bżonn jaqta' l-ħaxix ħażin minn fostu għandu bżonn ineħħi u jaqta' l-arroganza, hemm bżonn li ma jħallix min minn fostu li jitratta lin- nies ta' imbarazz. Jekk jonqos id-distakk wieħed irid jara fejn mar dak id-distakk u għalfejn dawn il-votanti ppreferew jivvotaw lil ħaddieħor u iktar importanti minn hekk, lil min ivvutaw. Jekk ivvutaw lill-PN, il-Labour ikollu għalfejn jinkwieta għax ikun ifisser li bdiet it-triq tan-niżla. Jekk ħafna minn dawk il-voti jmorru għand l-Alternattiva Demokratika jew il-Partit Demokratiku, ikun ifisser li l-Labour għandu problemi fir- rigward tal-ambjent u l-governanza, b'mod speċjali. Jekk iżda l-Labour jitlef ammont konsiderevoli ta' voti lil Norman Lowell, dan ikun sinjal ħażin ħafna u jkun ifisser li qabel id-diskors dwar l-integrazzjoni hemm bżonn ta' aktar edukazzjoni, aktar diskussjoni dwar l-immgrazzjoni u ħafna iktar azzjoni. Editur: Albert Gauci Cunningham