Illum previous editions

ILLUM 26 May 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1122277

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 26 ta' Mejju 2019 Rakkont 20 M oderni. Antiki. Biċċa minnhom kien ikun fihom xi xenarju sabiħ. Oħrajn xi żebgħa mċallsa jew irtokki ta' pniezel ikkuluriti. Arani bilqiegħda fuq quddiem nett, bil-ktejjeb tal-irkant minn bikri f 'idejja, inqalleb il-folji, nixxennaq u nifli. U dakinhar, waqaft bil-ktieb f 'idejja, għajnejja mberrqin nofshom 'il barra minn taħt nuċċali żgħir pulit li kont nilbes f 'dawn l-okkażjonijiet, inħares lejh ħerqan. Dan l-inkwadru li kien wieħed fost numru ta' oħrajn li kien ser jiġi rkantat propju llum. Saħħarni. U bżajt fl-istess ħin. Bżajt li ma kontx ser naffordjah. U xtaqtu. Ma kontx naf għalfejn imma ħassejtni qisni kont qiegħed inħares lejn xi ħaġa familjari. Qisni kont rajtu qabel. "Ġejt kmieni llum..." qalli Ray, hekk kif poġġa bilqiegħda maġenbi, eżatt bħalma kien jagħmel is-soltu. "Qed ngħaddik. Imma inti dejjem tasal qabli." Tbissimli u għajnejh waqgħu fuq il-ktejjeb tiegħi. Ma tajtux ċans iħares lejn dak l-inkwadru li kont għadni kemm rajt fuqu. Għalaqtu malajr. U malli beda l-irkant u bdew ħerġin l-oġġetti sbieħ, ornamenti tal-fidda, arloġġi ta' valur, vażuni ta' preġju u pitturi famużi, bdejt inħoss l-għaraq nieżel minn mal-ġnub t'għonqi'l isfel lejn spallejja bl- eċitament. Dalwaqt. Dalwaqt kienu ser jibdew jirkantaw l-inkwadru. Dak li kien laqatni. U hekk malli ħarġuh bejn tnejn minn nies, il-faċċata perfetta tiegħu lejn l-udjenza fejn jiena kont qiegħed bilqiegħda fosthom, indunajt li kien isbaħ milli kont immaġinajt. "Inkwadru ta' kastell fid- dlam... impinġi b'mod perfett... mingħajr firma... mingħajr isem..." beda jgħid l-irkantatur. "Mija..." tellajt idejja mill- ewwel. Ħassejt ir-rieq jifforma taħt ilsieni hekk kif żammejt rasi 'l quddiem, nistenna lil xi ħadd ieħor jitfa' numru akbar minn tiegħi. Iżda xejn. Ħadd. "Mija wieħed. Tnejn. Tlieta. Telaq. L-inkwadru tiegħek sinjur," ħares lejja l-irkantatur. Għal mument ħsibtni qed noħlom. Donni dħalt f 'dinja oħra surreali. Kien tiegħi! Dan l-inkwadru li kien saħħarni warajh kien sar tiegħi! U kont ħadtu kważi b'xejn!? "X'għamilt Steve?" staqsieni Ray, minn taħt l-ilsien, iħares lejja b'mod stramb. Għamiltlu mossa b'wiċċi li ma kontx qiegħed nifhem x'kien qed jgħidli. Issa kienu bdew jirkantaw xi oġġett ieħor ta' valur u ħadd ma kien qed jagħti kasna. "Dak l-inkwadru ħadd ma riedu. Smajthom jgħidu li misħut," qalli. Għal mument kont ser nixraq fir-rieq li kont erġajt blajt. "Misħut?" staqsejtu. "U?" "Isma' minni..." U ma qalli xejn iżjed. Dawwar ħarstu u kompla jedha fl-irkant. Ma kontx naf x'kont ser naqbad nagħmel. Nieħdu jew le? Inħallih hemm? Imma jekk jindunaw li kont inkun tlaqt... U bla ma qgħadt naħsibha, qomt bilwieqfa f 'nofs l-irkant, geddist il-kowt li kelli ma' dahar is-siġġu taħt idejja u tlaqt inħaffef 'il barra. L-inkwadru. Kont ħallejtu hemm. Warajja. Tgħid kont għamilt sew? Tgħid kien qalli l-verità Ray? Wasalt id-dar, dħalt ġewwa u għalaqt il-bieb warajja. Il-kesħa fina kienet daħlet fl-għadam ta' ġismi kollu għax kont insejt nilbes il-kowt. U hekk malli dħalt fl-intrata, bir-riħ ivenven madwar id- dar kbira fejn kont noqgħod, dar mimlija għamara antika, pitturi sbieħ u ta' valur, tapiti rustiċi u bellusin, waqaft zoptu fin-nofs. Qalbi għamlet tikk. L-inkwadru. L-inkwadru li kont għadni kemm ħallejt warajja! L-inkwadru tal-kastell iswed skur, b'xi twieqi minnhom jidhru mixgħula, bil-muntanji fl-isfond, imdawwar bis-siġar... Kien qiegħed hemm! Imdendel ma' granpun f 'nofs is-salott! Kif jista' jkun? Jaqaw kont qed noħlom? U b'idejja t-tnejn jirtogħdu, qbadtu u niżżiltu bil-mod, inħares lejh b'għajnejja jżebbġu minn kantuniera sa oħra, bilkemm nista' nemmen. Dak il-ħin ma nafx kif ħassejtni. Donnu kien qed jiġbidni lejh u fl-istess ħin kont qiegħed nistmerru. Kien hemm xi ħaġa familjari fih. Xi ħaġa sabiħa. Tal-waħx, fl-istess ħin. Bdejt niflih sew. Bla isem. Imbagħad dawwartu bil- kontra. "I revertemur..." bdejt naqra b'vuċi baxxa. Kien għadu kmieni u Hammet kien għadu rieqed hemm fuq f 'kamartu. Ma ridtx ngħajjat għax inqajmu. Dik x'lingwa kienet? U kienet miktuba fuq l-inkwadru b'daqqiet ta' pinzell żgħir, skur fin-naħa t'isfel tan-naħa ta' wara. Poġġejt l-inkwadru f 'postu. Eżatt fejn kont sibtu. U bdew igerrbu l-ġranet. Kull darba li kont ngħaddi minn ħdejh, kont inħossni skomdu. Għalkemm, kont inħoss li donnu kien sab postu, kont nistmerru fl-istess ħin. Misteru. Imma ddejjaqt inneħħih. Mhux wara li kien... kien ġie waħdu? U le, dak żgur kont immaġinajt. U wara xi xaharejn, kont stedint lil xi ħbieb ta' żmien l-università d-dar għal grokk. Kultant konna niltaqgħu. "Dejjem iżżid mal-kollezzjoni int!" qalli sieħbi Noah hekk kif qabad jersaq lejn l-inkwadru, bit-tazza tal-inbid f 'idu. Mort ħdejh, ħallejna lill- oħrajn b'dibattitu jaħraq bejniethom fuq is-sufanijiet. "Irbaħtu waqt irkant........" għedtlu. Rajtu jħares lejh. Jifli l-kastell. Id-dwal żgħar mixgħulin fil-kmamar ta' fuq, li kienu fih. Rajt wiċċu jibjad. Anke xufftejh. Għal mument, bdejt naħseb li idu kienet qabdet tirtogħod u li l-inbid ma kienx għadu fis-sod. "Steve..." qalli bilkemm jiflaħ jitkellem. "Dan l-inkwadru jġib is-saħta... kien fuq l-aħbarijiet ftit ġranet ilu. Instab f 'xi sit abbandunat. Ħadd ma riedu..." "U ajma, tgħidlix li temmen b'dawn il-ħmerijiet!" għedtlu nipprova nżomm kalm. "Tgħidlix li ma temminx? Dan hemm xi ktieb fuqu l-librerija... ċert minn dan... kien kiteb l-istorja tiegħu ċertu Adam Seguna. Kieku minnek... niċċekkja fuqu." "Mhu ser niċċekkja xejn!" weġibtu kważi rrabjat. "Jgħidu li għandu xi kitba fuq wara..." beda jgħidli. "Ma rridx nisma'!" ħtaftu jien fil-pront. Iżda hekk eżatt malli telqu sħabi kollha, erħejtilha lejn il- librerija, dħalt inħaffef kemm niflaħ, wasalt ħdejn l-ixkaffi fejn kien hemm kunjomijiet jibdew bl-ittra S u bdejt inqalleb fihom. Għal mument ħassejtni iblah. Ħassejtni ġejt għalxejn. F'idi kelli karta, bil-kliem 'I revertemur' imħażżin fuqha. U rajtu. Il-ktieb. Ma stajtx niżbalja. Adam Seguna. Fuq il-wiċċ tal-ktieb kien hemm hu. L-inkwadru li kelli fis-salott. Ħtaftu bejn idejja u tlaqt inħaffef fuq skrivanija fil-ġenb tal-librerija. Bilkemm flaħt nasal, kif kont eċitat! U bdejt naqra. Żmien twil ilu. Konti. Tifel. Kastell kbir u sabiħ. It-tifel maħqur. Dejjem waħdu. Imsawwat. Ikkastigat. Kien ipinġi. Il-konti kien iżommu maqful ġranet sħaħ waħdu fil-kmamar ta' fuq tal-kastell. Qabel miet, it-tifel kien pinġa dak l-inkwadru. L-inkwadru tal-kastell. "I revertemur," kien kiteb fuq in-naħa ta' wara. Idi bdiet tirtogħod. Ħassejtni nitbellah. "Tfisser 'għad nerġa niġi' " għedt b'leħen għoli, aljenat għalkollox minn fejn kont qiegħed. Rajt ritratt antik tat-tifel. Ir-rakkont tal-ktieb, kien jgħid li t-tifel kien ser jerġa' jiġi lura biex ipattiha lil missieru tal- ħażin kollu li kien għamillu. Fuq koxxtu l-leminija kellu tebgħa ħamra forma ta' fjura żgħira. Għamel magħmul biex hu u missieru jerġgħu jiġu lura. Jgħixu mill-ġdid. U ried ipattilu ta' kollox. Il-povru tifel ma damx ma miet. Kien maħqur wisq! Għal mument, qomt bilwieqfa, naqleb is-siġġu li kont qiegħed fuqu, lura għal mal-art. Kulħadd inħasad mal-ħoss. Iżda ma kienx għadu jimpurtani. Niżżilt il-qalziet 'l isfel u ħarist fuq kuxxtejja. Ħassejtni nibbies bil-biża'. Il-kastell kien wisq familjari. L-inkwadru donnu kellu jiġi f 'postu. Donnu jien kont parti mill-istorja. Ħarist lejn koxxti. Xejn. Ma kelli xejn. Ħadt nifs twil u tlaqt lejn id-dar. Malli dħalt ġewwa, rajtu hemm quddiemi. L-inkwadru. Imbagħad ftakart li kelli nitla' fil-kamra ta' ibni Hammet ħalli ngħattih, qabel ma jorqod. Tlajt f 'kamartu. Sibtu fuq is- sodda, kien diġà raqad. Mikxuf. Is-soltu. Ersaqt lejh. Idi qabdet tirtogħod. Xufftejja xxuttaw. Qalbi għamlet tikk. Fuq kuxxtejn iċ-ċkejken ibni, kien hemm fjura ħamra ċkejkna. Kienet eżatt bħal dik li kont għadni kemm rajt fuq il-ktieb. "I revertemur..." kien qed igedwed waqt li kien rieqed. Sharon Calleja I revertemur

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 May 2019