Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1122277
Sports 26 illum Il-Ħadd 26 ta' Mejju 2019 minn Cristian Antony Muscat ALEX Cini - futboler tal-ogħla livell u li riċentament laħaq it-tragward importanti tal-200 logħba fil- Kampjonat Premier. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il- futbol? Ma niftakarx raġuni partikolari għaliex bdejt inħobb il-futbol. Dejjem niftakarni miġnun wara l-ballun. Kull ħin u kull mument li kelli liberu, kont inqattgħu nilgħab ġo kull kamra tad- dar, ġol-bitħa, fit-triq jew il-grawnd tal-Mosta peressli kont noqgħod sekondi 'l bogħod. X'tikkummenta fuq il-fatt li riċentament ilħaqt it-tragward tal- 200 logħba fil-Premier? Ninsab kuntent immens. J'alla jirnexxieli 200 oħra! Nieħu kollox pass pass kif suppost u l-affarijiet jiġu waħedhom. Irnexxieli nilħaq dan it-tragward permezz tal-kowċis li emmnu fija, kif ukoll ħbieb u familjari, speċjalment il-ġenituri, in- nannu Joe Cini u l-mara. X'taħseb dwar dak kollu li urejtu matul l-aħħar staġun bħala Floriana? Bla ebda dubju, dan kien l-agħar staġun ta' Floriana FC, għall-inqas f 'dawn it-tliet snin kemm ili li ngħaqadt magħhom jien. Kellna wisq bidliet, speċjalment lejn il- bidu tal-istaġun, kemm f 'kowċis kif ukoll plejers. Kellna dejjem nerġgħu nibdew mill-bidu kull darba li kien hemm bidla sostanzjali. Wara l-aħħar bidla li kellna, fejn ġie l-kowċ Guido Ugolotti u diversi plejers ġodda, bdejna naraw ftit frott u nsibu ftit saqajna. Apparti xi rebħiet, beda jkollna wirjiet tajbin li sfortunatament irriżultaw fi draws u telfiet b'gowl wieħed biss - gowls li ħafna minnhom setgħu ġew evitati faċilment.Onestament, kieku kien hemm ftit deċiżjonijiet għaqlin qabel ma beda l-kampjonat, konna nkunu qegħdin inħabbtuha mal-ewwel erbgħa. Li hu żgur hu li m'aħniex tim tat-tmien post iżda ta' ferm iktar 'il fuq fil-klassifika. Taqbel mal-format ta' 14-il tim fil- Premier? Ma jdejjaqnix. Però, li kieku forsi qegħdin bi ftit inqas timijiet, forsi kien ikun iktar akkanit. Taqbel li hemm differenza ta' livell bejn it-timijiet ta' fuq u dawk ta' taħt? Ma nemminx li hemm qabża enormi fit-teknika tal-plejers. Però, ovvjament, dejjem se ssib xi nuqqas mentali, tattiku, finanzjarju f 'ċerti timijiet inqas ikkwotati. Diversi timijiet ta' taħt taw logħba lil timijiet li fil-klassifika qegħdin aħjar; fosthom, sfortunatement ikolli ngħid, Floriana fejn tlifna ma' xi timijiet ta' taħtna. Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Kampjonat BOV Premier. Taqbel mal-proposta li saret li jkun hemm 11-il plejer barrani f 'tim? Ma naqbilx. Nifhem li l-livell forsi jogħla ftit. Però, diġà n-numru ta' Maltin jilagħbu naqas, aħseb u ara jekk tgħaddi din il-proposta. Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta' livell ikkomparati mal-plejers Maltin? Mija fil-mija. Xi kultant ċerti Maltin ikun jistħoqqilhom jilagħbu flok ċerti barranin. Importanti ħafna li klabb jagħmel il-HW tiegħu sew qabel ma jġib barrani. Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat Premier? Mhux kuntent. Filli nitħarrġu / nilagħbu fi grawnd artifiċjali iebes ġebla, filli fi grawnd tal-ħaxix, wieħed artab u wieħed inqas artab, wieħed li jixxarrab u ieħor le. Ħafna mill- injuries tal-plejers huma ħtija ta'dan kollu. X'taħseb dwar il-kontroll tar-referis matul dan l-istaġun sa issa? Nifhimha li huma umani. Anke referis fil-Premier Ingliz u kampjonati oħra kbar jiżbaljaw. Għandna referis tajbin f 'Malta, però nemmen li overall, kumparati ma' barra, il-livell ta' kontroll m'huwiex għoli. X'inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb? Li tkun taħriġ kuljum, avolja ġieli tkun tixtieq tmur x'imkien, diġà huwa sagrifiċċju fih innifsu. Dieta bilanċjata hija importanti, kif ukoll biżżejjed serħan qabel it-taħriġ u logħob - xi ħaġa li sfortunatament mhux dejjem possibli għall-maġġoranza tal-Maltin, minħabba x-xogħol. Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol? Jekk tqassam il-ħin tiegħek sew għandu jirnexxielek tkampa. Jien għalliem tal-Matematika fis-sekondarja, professjoni li fortunatament ma timponix daqshekk problemi fuq futbol, peressli nkun xogħol sas-sagħtejn. Dejjem nibqa' sejjer għat-taħriġ peressli niħarrġu fit-tlieta. Nipprova nlesti kemm nista' xogħol l-iskola stess. Però, mhux l-ewwel darba mmur id-dar inkompli x-xogħol sa tard bil-lejl - bejn korrezzjonijiet, bejn preparazzjoni ta' noti/testijiet/ eżamijiet, u preparazzjoni għal- lezzjonijiet li ġejjin fost oħrajn. Tqis li fil-futur tissejjaħ mat-tim nazzjonali mill-kowċ Ray 'Żażu' Farrugia? Mhux daqshekk f 'moħħi. L-importanti għalija huwa li nagħti l-aħjar possibli għall-klabb tiegħi, imbagħad jekk tiġi l-opportunità noħduha. Ovvjament, kull Malti jħossu onorat li jissejjaħ u jilgħab man-nazzjonal. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għandi 27 sena. Għadni rrid nilħaq il-quċċata tiegħi. Sakemm ġismi jibqa' jtini u nibqa' nkampa ma' kollox, m'iniex beħsiebni nieqaf. Dejjem nitlob li jkolli staġun aħjar minn ta' qablu, kemm personalment kif ukoll kollettivament. Irbaħt it- Trophy u s-Super Cup ma' Floriana. Baqa' iktar tragwardi, fosthom logħob fl-Ewropa, rebħ ta' iktar FA Trophies kif ukoll tal-kampjonat. Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta' suċċess fil-futbol. Kollox jibda minn ta' età żgħira. Li tqassam il-ħin sew bejn l-iskola, studju u forsi affarijiet oħrajn hija importanti ħafna. Trid tibqa' ddedikat u tkun lest li titgħallem iktar, kif ukoll taċċetta l-kritika. Trid iżżomm saqajk mal-art jekk l-affarijiet ikunu ġejjin sew. Is-sagrifiċċji jibdew ġejjin mill- bidu; trid tkun lest tissagrifika ċerti ħarġiet mal-ħbieb, speċjalment meta jasal iż-żmien ta' Paceville u x'naf jien! Nemmen li jekk tagħmel dan kollu, tista' tagħmilha! 'Ninsab kuntent immens li lħaqt it-tragward tal-200 logħba fil-Premier' - Alex Cini