Illum previous editions

ILLUM 8 March 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1219200

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 31

13 intervista illum • IL-ĦADD 8 TA' MARZU 2020 Kuljum nitolbu għal Malta tagħna' Staqsejna lill-Madre Prijura biex tispjega it il-ġurnata fil-Klawsura. Is-sorijiet ibakkru kmieni u l-qofol tal-ġurnata jibqa' dejjem it-talb. "Inqumu fil-5am. Fil-5:30am ninġabru għat-talb. Ngħidu l-Uffiċċju Divin u nagħmlu ħin ta' meditazzjoni. Imbagħad noħorġu għall-Quddiesa. Sas-7:30pm niddedikawh għat-talb. Wara nieħdu kolazzjon u wara kulħadd imur fuq xogħlu," qaltilna Sor Agnese. Fil-fatt, ix-xogħol kollu fil-monasteru, spjegatilna l-Prijura, jinqasam b'roster fost is-sorijiet. Pereżempju kuljum issajjar soru differenti. Imbagħad hemm rwoli oħra li jinbidlu kull tliet xhur bħal ngħidu aħna s-sagristana, l-infermiera, id-dispensira u rwoli oħra. "Hekk kulħadd jaf jagħmel kollox," kompliet tispjega. Dan ix-xogħol isir sal-ħdax, biex imbagħad, is-sorijiet jerġgħu jinġabru għat-talb u jagħmlu l-eżami tal-kuxjenza u jitolbu għal dawk li jkunu ċemplu jitolbuhom biex jitolbu għalihom. "Fiż-żmien l-eżamijiet it-telefon ma jaqtax." Wara, għall-ħabta tal-11:30am, is-sorijiet jinġabru għall-ikel u mbagħad jiltaqgħu flimkien sas-1pm għal it ħin ta' rikreazzjoni. 'Qisna qatt ma rajna lil xulxin ... min jgħajjat l-iżjed' "Nieħdu gost. Qisna qatt ma rajna lil xulxin. Min jgħajjat l-iżjed. Hekk ngħidilhom. Imma l-aktar storbjuża jiena," qaltilna tidħak. Fis-1pm iddoqq qanpiena u jibda l-ħin tas-silenzju. "Nagħmlu siegħa silenzju u wara kulħadd jagħmel dak li jixtieq. Aħna obbligati wkoll li kuljum naqraw xi ħaġa spiritwali. Fit- 3pm ninġabru mill-ġdid għat-talb, ngħidu r-Rużarju wkoll. Għandna screen u r-rużarju nimmeditawh bil-filmati. Qisek qed tara film. Vera ninġabru u nieħdu gost. Lanqas narawh għaddej il-ħin. Wara ngħidu xi talb ieħor għal Malta u għall-morda tagħna," kompliet tirrakkonta bis-sempliċità tagħha. Is-sorijiet tal-klawsura għandhom ukoll id-delizzji tagħhom. Fil-fatt, wara dan il-ħin tat-talb, kulħadd ikollu ċans li jagħmel dak li jixtieq. Hemm min jistudja l-pjanu, min imur iħit, għandna soru tindura u min jagħmel il-presepji. "Qed tarah dan il-presepju? Dak domt tliet snin nibnih bil-ġewż," qaltilna kuntenta b'dak li rnexxielha tagħmel. Fis-6pm, is-sorijiet jerġgħu jinġabru għat- talb biex jitolbu t-talba tal-Għasar u fis-7pm jinżlu jieklu xi ħaġa u jerġa' jkollhom siegħa rikreazzjoni. "Televiżjoni ma narawx. Naraw it is-Sibt u l-Ħadd. Fir-Randan nagħmlu aktar ħilitna biex ma narawx. Taf kemm indumu naraw hux? Malajr taqbżilna. Indaħħlu DVD u naraw lilu," qaltilna mill-ġdid mifqugħa bid- daħk. Għall-ħabta tad-9pm, is-sorijiet jinġabru mill-ġdid għat-talb ta' filgħaxija u wara kulħadd, fis-skiet, jirritorna fil-kamra sal- għada. "Fis-sajf imbagħad, ir-rikreazzjoni, nagħmulha fuq il-bejt. Hawn għandna bejt kbir, jagħti fuq il-Port il-Kbir. Vera nieħdu gost. Anke għall-moħħ jagħmel tajjeb," qaltilna l-Prijura. Fil-fatt, dan il-monasteru huwa enormi. Biss biss għandu żewġt ibtieħi interni. Imma fi kliem il-Prijura stess, allaħares mhux hekk. "Aħna dejjem hawn. Allaħares ma jkollniex fejn nimirħu. Xi drabi tgħejja biex tmur min-naħa għall-oħra." "Tinduna bil-qawwa tat-talb meta jċempel it-telefon u..." Kif rajna, it-talb jieħu l-biċċa l-kbira tal- ħin ta' ġurnata tipika fil-monasteru. Iżda għas-sorijiet xi jfisser it-talb? "Taf kif tinduna kemm hu importanti? Meta jerġa' jċempel it-telefon u tisma' mara tirringrazzjak għax l-operazzjoni tkun irnexxietilha. Meta ċċempel omm kuntenta li t-tifel għadda mill- eżamijiet. Kemm nirċievu risposti sbieħ! M'ilux ċemplilna missier. Tela' bit-tarbija tat-twelid l-Ingilterra. Xejn ma kellu jaħdem. Alla jbierek niżel lura Malta qawwi u sħiħ. Aħna nħallu f 'idejn Alla. Meta jrid hu mhux meta rridu aħna. Hu jaf x'inhu tajjeb għalina," saħqet is-soru. Kien hawn li kompliet tisħaq li huma umani u anke huma jkollhom il-problemi tagħhom. Semmiet soru li għadha kemm instamtet. Dejjem ikollna xi ħaġa. "Jiena mhux qed immur ir-Renal Unit? Tieħu kollox minn idejn Alla. Kieku taf x'rispett nara. Jiġu infermiera u anke pazjenti jgħiduli biex nitob għalihom. Forsi għalhekk bagħatni hemm il-Mulej. Ġie pazjent m'ilux u qalli kemm ħadha bi kbira. Għidtlu mela mhux bħali għax jiena mmur xalata," qaltilna mill-ġdid bid-daħka. "Mhux anke jien ħadtha bi kbira? Imma nidħak ma' kulħadd ħa ngħollilhom il-moral ukoll. Teħodha minn idejn Alla. Alla mhux se jagħtina aktar milli nifilħu. Mela aħjar hekk milli agħar." "Tiddejqux iċċemplu. Mhux waħedkom. Is- sorijiet jitolbu għalikom" Tlabt lis-soru biex għal it ħin toħroġ mill- monasteru u permezz ta' dawn iż-żewġ paġni twassal messaġġ lilkom il-qarrejja. "Intom mhux waħedkom. Hawn is-sorijiet jitolbu għalikom. Tiddejqux iċċemplu. Ngħinukom mill-aħjar li nistgħu. It-talb tagħna magħqud mal-klawsura u s-sagrifiċċju. Għalhekk għandu l-qawwa t-talb tagħna! Hemm ħafna sagrifiċċji moħbija. Mhux sagrifiċċju li ma tistax tmur tara lill-familja? Hemm ħafna sagrifiċċji. Imma nibqgħu miexja l-ħajja tagħna bil-ferħ u dawn is-sagrifiċċji tagħtihom lil Ġesù u toffrihom għal dak li jkun hemm bżonn. Nassigurak li Ġesù jeħodhom. Taqtgħux qalbkom. Aċċettaw ir- rieda tal-Mulej għalikom," temmet tgħid Sor Agnese. Ritratt: James Bianchi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 March 2020