Illum previous editions

ILLUM 22 March 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1224114

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 23

17 opinjoni Solidarjetà Ewropea? Il-proġett Ewropew ġie mwaqqaf fl-1958 sabiex numru ta' Stati Membri msieħba jipprattikaw bil-fatti l-prinċipju tas- solidarjetà, dan it snin wara t-tmiem tat- Tieni Gwerra Dinjija. Fil-fatt, il-prinċipju tas-solidarjetà ġie saħansitra inkluż f 'artiklu 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li jelenka l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-istess Unjoni. Però kif jgħid il-Malti, mill-kliem għall- fatti hemm baħar jikkumbatti u meta ġejna sabiex nippratikaw dan il-prinċipju fuq bażi Ewropea ġieli spiċċajna żlaqna fin-niexef ukoll. Il-prinċipju tas-solidarjetà ġie użat u implimentat b'mod tajjeb ħafna matul l-aħħar kriżi finanzjarja Ewropea fejn hemmhekk kull stat membru daħħal idu fil-but sabiex jgħin lill-Greċja tqum mill-ġdid fuq saqajha ekonomikament. Però fl-istess nifs dan l-istess prinċipju ta' solidarjetà ilu jfalli bl-aktar mod ċar fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari fejn sal-lum il-ġurnata għadna naraw numru ta' stati membri jagħlqu l-bibien u ma jaċċetawx illi jerfgħu parti minn din il-problema illi għandna quddiemna. Issa reġa' għandna opportunità oħra tad-deheb sabiex il-proġett Ewropew jagħmel il-pass li jmiss u verament inkunu nistgħu ngħixu l-prinċipju tas-solidarjetà Ewropea, dan nistgħu nagħmluh fl-isfida illi għandna quddiemna b'rabta mal-imxija tal-Coronavirus li riegħdet il-ħajja u l-ekonomija Ewropea. Bdejna bl-ewwel sfida illi kellna quddiemna, dik ta' diversi prodotti essenzjali bħal maskli, ingwanti u sanitizzaturi li kienu qed jiġu mwaqqfa milli jiġu esportati fil-fruntieri Franċiżi u Ġermaniżi. Spiċċajna saħansitra fir- redikolu illi l-Italja fl-eqqel tal-imxija spiċċat kellha ddur għall-għajnuna taċ- Ċina għaliex stati Ewropej oħra riedu illi dawn il-prodotti jiġu użati biss miċ- ċittadini tagħhom! Wara d-diversi interventi li għamilna fil-Parlament Ewropew issa jidher illi kien hemm ċaqliqa u l-Kummissarju Ewropew Franċiż ierry Brenton ħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa li kien intlaħaq qbil ma' Franza u l-Ġermanja sabiex dawn il-prodotti jkunu jistgħu jibqgħu jiġu ċċirkolati fis-suq Ewropew mingħajr l-ebda xkiel. Problema oħra illi qed tinħass bl- aktar mod b'saħħtu hija l-kordinazzjoni sanitarja bejn is-27 Stat Membru u n-nuqqas ta' poteri effettivi li qed ikollhom id-Direttorat Ewropew għas-Saħħa u l-protezzjoni tal-Ikel u l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini. Fi kriżi ta' saħħa maġġuri li qegħdin fiha, dawn spiċċaw huma stess bla saħħa għaliex effettivament m'għandhom l-ebda saħħa legali li jaġixxu. Huwa għaldaqstant vitali li nitgħallmu minn din is-sitwazzjoni u naraw li dawn l-entitajiet Ewropej ma jibqgħux jagħtu rakomandazzjonijiet biss. Nemmen li wasal iż-żmien li tiġi mwaqqfa Aġenzija Ewropea għas-Saħħa li f 'każijiet straordinarji bħal dawn tassisti lill-Istati Membri u tikkordina deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fuq livell Ewropew, filwaqt li tgħin ukoll sabiex ir-riżorsi mediċi, kemm dawk ta' tgħamir fl-isptarijiet u kif ukoll dak marbut mal-provvista tal-mediċini, ikun ikkordinat b'aktar għaqal bejn kull Stat membru. Dan għandu jwassalna sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet sporadiċi u mhux kumplimentari li kull Stat Membru jista' jieħu, kif rajna matul dawn il-jiem. Minbarra s-solidarjetà u l-koordinament fejn tidħol il-politika sanitarja f 'każi ta' pandemija madwar l-Ewropa, hemm bżonn ukoll is-solidarjetà ekonomika fuq bażi Ewropea sabiex l-isfidi u t-terremoti li ser iħalli l-COVID19 fuq l-ekonomiji tagħna nkunu nistgħu nilqgħu għalihom bl-aktar mod effikaċi. L-Ewropa ma tiflaħx ekonomikament li terġa' tmur għal perjodu ieħor ta' awsterità! Hemm bżonn li minn issa naraw li dak li bnejna flimkien matul dawn l-aħħar snin ma nħalluhx jitkisser. Ma nistgħux naċċettaw li jintilfu l-eluf t'imjiegi madwar l-Ewropa, żgur li l-ħaddiema m'għandhom xejn x'jaħtu għal din it-traġedja sanitarja li laqtet lid-dinja. Sa issa l-miżuri ta' għajnuna ekonomika mħabbra mill-Kummissjoni kienu wisq limitati. Bażikament sa issa tkellimna biss fuq użu ta' fondi illi għandhom jiġu rrilokati minn baġit eżistenti. Hemm bżonn li f 'dawn iċ-ċirkostanzi jkollna fondi strutturali addizzjonali illi jgħinu lill-industriji tagħna sabiex jerġgħu jqumu fuq saqajhom. Hemm bżonn ta' għajnuna finanzjarja urġenti lill-industriji żgħar u medji Ewropej illi żgur mhux ser ikunu kapaċi jkampaw għal żmien itwal f 'sitwazzjoni fejn joħorgu l-pagi tal- ħaddiema u ma jdaħħlu xejn lura. Hemm bżonn deċiżjonijiet drastiċi rigward il-mekkaniżmu taħt il-Patt ta' Stabbilità Ewropea sabiex ma nitilfux aktar żmien, għaliex inkella ser inkunu qed nitilfu aktar impjiegi. Hemm bżonn li f 'dan il-pjan ekonomiku jiġu inklużi wkoll il-Bank tal-Investiment Ewropew u kif ukoll nużaw l-għodod illi jagħmlu parti mill-Unjoni Bankarja. Għaldaqstant hemm bżonn li nieħdu deċiżjonijiet ambizzjużi sabiex permezz tas-solidarjetà Ewropea nkomplu nipproteġu liċ-ċittadini tagħna, nipproteġu saħħithom u l-istat ekonomiku tagħhom fl-immedjat. Għandna opportunità tad- deheb sabiex ngħixu flimkien is-solidarjetà Ewropea, nittama li ma nitilfuhiex! illum • IL-ĦADD 22 TA' MARZU 2020 Alex Agius Saliba Alex Agius Saliba huwa MEP f'isem il-Partit Laburista Nemmen li wasal iż-żmien li tiġi mwaqqfa Aġenzija Ewropea għas-Saħħa li f'każijiet straordinarji bħal dawn tassisti lill-Istati Membri u tikkordina deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fuq livell Ewropew

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 22 March 2020