Illum previous editions

ILLUM 19 April 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1237071

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 23

11 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 19 TA' APRIL2020 Il-passa tal-għasafar fir-rebbiegħa fil-Gżejjer Maltin (2) Il-passa fir-Rebbiegħa xahar xahar. Liema huma l-ispeċi li jpassu fuq Malta f'Marzu u April? BIRDLIFE MALTA Fl-ewwel parti ta' dan l-artiklu dwar il-passa tal-għasafar fir-rebbiegħa fil- Gżejjer Maltin il-Ħadd li għadda tajna ħarsa lejn x'inhi l-passa tal-għasafar, għalfejn issir, u fuq kollox għalfejn ipassu l-għasafar fir-rebbiegħa meta mqabbel mal-passa tal-ħarifa. Tajna wkoll ħarsa ġenerali lejn liema huma l-għasafar li jpassu f 'dan l-istaġun li ninsabu fih. F'din it-tieni parti se nibdew nanalizzaw il- passa tal-għasafar xahar b'xahar, u nħarsu lejn l-ispeċi li jpassu minn fuq il-Gżejjer Maltin matul ix-xhur kollha tar-rebbiegħa, wieħed wieħed. Diġà rajna fuq fuq liema għasafar jibdew ipassu minn ferm qabel, sa minn Frar, imma r-rebbiegħa tibda f 'Marzu u allura llum u l-Ħadd li ġej se nidħlu fid-dettall ta' Marzu, April u Mejju. Marzu F'Marzu ħafna aktar għasafar tal-passa tar- rebbiegħa jibdew jaslu f 'Malta. Is-Sarsella Ħamra (Garganey) u l-Brajmla Ħamra (Ferruginous Duck) jingħaqdu mas-Silun f 'dawk li huma papri. Għalkemm f 'numri iżgħar, f 'dan iż-żmien tpassi wkoll il- Palettuna (Northern Shoveler). Din il-passa ta' diversi speċi ta' papri ġeneralment tkun l-ewwel passa sinjifikanti li naraw fil-Gżejjer Maltin f 'dawk li huma numri, u tibda minn Frar meta nkunu għadna fix-xitwa. Diversi speċi ta' papri slavaġ ipassu minn fuq il- Baħar Mediterran – u allura minn fuq Malta u Għawdex – kemm fir-rebbiegħa u anke fil- ħarifa. Imma tar-rebbiegħa tkun passa aktar spettakolari għax numru sostanzjali ta' papri li jpassu qrib Malta ġeneralment jinġabru fil-fliegu bejn iż-żewġ gżejjer fejn jiffurmaw qtajja' kbar, ħafna drabi ffurmati minn mijiet ta' għasafar. Dan iseħħ minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-fliegu li jservi bħala bottleneck u anke bħala post ta' kenn, speċjalment meta r-riħ ikun qawwi. Apparti li dawn l-għasafar narawhom fuq il-baħar, uħud minnhom ġieli jidhru wkoll fir-riservi naturali tal-Għadira u s-Simar imma minħabba li jkunu mgħaġġlin biex ifittxu jaslu fil-postijiet fejn ikunu se jbejtu, normalment ma jibqgħux f 'dawn ir- riservi fit-tul u ġeneralment jitilqu matul il- lejl sakemm it-temp ma jkunx jippermetti. F'Marzu tintlaħaq il-qofol tal-passa tar- Russett Griż (Grey Heron) ukoll, b'dawn l-għasafar imdaqqsa tarahom kważi kullimkien. Madanakollu l-aktar kundizzjoni ideali biex tara qtajja' minn dawn l-għasafar ipassu tkun meta jkollna temp imsaħħab. Anke t-tajr tal-priża jibda jpassi tul Marzu. Normalment l-ewwel żewġ speċi ta' għasafar tal-priża li naraw f 'Malta u Għawdex ikunu l-Bagħdan Aħmar (Marsh Harrier) u l-Ispanjulett (Common Kestrel). Wara dawn naraw ukoll ipassu minn fuq Malta, għalkemm f 'numri iżgħar, tajr ieħor tal- priża bħall-Bagħdan Abjad (Pallid Harrier), Spanjulett Sekond (Lesser Kestrel) u l-Astun Iswed (Black Kite) bl-eqqel tal-passa ta' dawn l-għasafar imdaqqsa jkun lejn l-aħħar ta' Marzu. Marzu huwa wkoll żmien interessanti, u probabbli l-aħjar żmien, biex iżżur ir-riservi naturali ta' BirdLife Malta minħabba li jkunu jistgħu jiġu osservati numru ta' speċi ta' għasafar tal-plajja. Dawn jinkludu l-Fras- servjent (Black-winged Stilt), il-Monakella (Little Ringed Plover) u l-Girwiel (Ruff). Ftit pari ta' Fras-servjent kif ukoll tal-Monakella jbejtu fir-Riserva Naturali tal-Għadira. Hija ħasra li din is-sena, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ir-riservi naturali ta' BirdLife Malta kellhom jingħalqu bħala miżura ta' sigurtà kontra t-tixrid ta' dan il-virus. Tul dan ix-xahar, mal-Ħawwief (House Martins) jingħaqad ukoll il-Ħuttaf (Barn Swallows) u jasal ukoll ir-Rundun (Common Swi). Aktar ma jgħaddu ġranet minn Marzu, aktar jiżdiedu l-għasafar tal-passa u nibdew naraw ukoll speċi bħad-Daqquqa tat-Toppu (Hoopoe), il-Kuda (Northern Wheatear) u l-Bilbla (Short-toed Lark). Il- ħabitat preferut ta' dawn it-tip ta' għasafar huwa x-xagħri bħalma nsibu fil-Park tal- Majjistral, pereżempju. Diversi speċi ta' buful bħall-Bufula Passajra (Subalpine Warbler) u l-Vjolin Ħadrani (Willow Warbler) ukoll narawhom f 'dan iż-żmien partikolari tas- sena, għalkemm huma ferm inqas viżibbli minħabba d-daqs żgħir tagħhom li jagħmilha diffiċli li tarahom. April Hekk kif il-ġurnata tibda titwal, u t-temp jibda jisħon, aktar speċi jibdew ipassu. Dawn jinkludu kategoriji oħra ta' rsieset bħall- Kwakka (Night Heron) u r-Russett Aħmar (Purple Heron) flimkien mal-Agrett Abjad (Little Egret) li kollha ssibhom fir-riservi naturali ta' BirdLife Malta. F'dawk li huma għasafar tal-priża, f 'April nibdew naraw il-Bagħdan Griż (Montagu's Harrier) li jingħaqad mal-Bagħdan Aħmar (Marsh Harrier) waqt li jitfaċċa wkoll is-Seqer tal-Ħannieqa (Hobby). Fir-riservi ta' BirdLife Malta, b'mod partikolari l-Għadira u s-Salina, tiżdied il-preżenza tal-għasafar tal-plajja, dawk li bl-Ingliż nafuhom bħala waders u nibdew naraw qtajja' mħalltin ta' diversi speċi bħat- Tertuxa (Little Stint), il-Pispisella Ħamra (Curlew Sandpiper), il-Girwiel (Ruff), iċ- Ċewċewwa (Greenshank), is-Swejda Ċara (Wood Sandpiper) u l-Pispisella (Common Sandpiper), fost oħrajn. Fit-tielet u l-aħħar parti ta' dan il-feature fil-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li ġej inkomplu nitkellmu dwar l-għasafar li jpassu f 'April u naraw ukoll liema għasafar ipassu f 'Mejju. Fost dawn insibu l-Gamiema u s-Summiena, li kull sena jkunu f 'kontroversja minħabba l-uħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Segwu l-aħħar parti l-Ħadd li ġej! Agrett Abjad Kwakk Russett Aħmar Seqer tal-Ħannieqa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 April 2020