Illum previous editions

ILLUM 26 April 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1240941

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 ambjent illum • IL-ĦADD 26 TA' APRIL 2020 Il-passa tal-għasafar fir-rebbiegħa fil-Gżejjer Maltin (3) Fit-tielet u l-aħħar artiklu minn din is-sensiela dwar il-passa f'Malta, BirdLife Malta tagħti ħarsa lejn il- passa tal-gamiem u s-summien u anke l-kaċċa marbuta magħha, fost affarijiet oħra MINN BIRDLIFE MALTA Il-ġimgħa l-oħra bdejna nitkellmu dwar liema għasafar ipassu mill-Gżejjer Maltin fit- tieni xahar tar-rebbiegħa, April. Dan huwa wkoll ix-xahar tal-Gamiema (Turtle-dove) u s-Summiena (Quail) li sfortunatament, però, jispiċċaw fil-mira tal-kaċċaturi minħabba li normalment f 'dan ix-xahar jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Din is-sena mhix eċċezzjoni minkejja li ninsabu fl-eqqel tal-pandemija tal-Coronavirus u l-Gvern xorta waħda fetaħ l-istaġun minkejja l-appelli minn kull naħa biex ma jagħmilx dan, fosthom minn BirdLife Malta, il- midja indipendenti u s-soċjetà ċivili. Apparti li BirdLife Malta hija kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa fil-prinċipju għax għasafar fi triqithom biex ibejtu m'għandhom qatt jiġu maqtula, din is-sena wieħed kien jistenna li f 'mument delikat bħal dan meta kulħadd qed jintalab jagħmel sagrifiċċju u jibqa' ġewwa, l-istess ikun jgħodd għall-kaċċaturi li, minflok, jibqgħu jiġu trattati mill-Gvern bħala xi sezzjoni privileġġjata tas-soċjetà. Minkejja li l-istaġun infetaħ biss għas-Summien, id-dati li fihom infetaħ bejn l-10 u t-30 t'April jaħbtu mal-qofol tal- passa tal-Gamiema u b'hekk kien mistenni għal darba oħra massakru ta' Gamiem minkejja li din it-tajra llum hija protetta u kklassifikata bħala vulnerabbli mill-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura, l-IUCN (International Union for Conservation of Nature). F'April, b'mod partikolari fl-aħħar ġimgħat tax-xahar, il- Gamiem jitfaċċa fil-widien u anke fil-Buskett waqt li s-Summien issibu f 'postijiet fejn ikun hemm ix-xagħri speċjalment tul il- kosta. Fil-każ ta' dan l-għasfur, huwa aktar diffiċli li tarah minħabba li jkun moħbi sew mal-art fil-ħaxix u l-arbuxxelli. Bi it ta' xorti tajba, f 'dan iż- żmien fil-widien u f 'postijiet fejn ikun hemm ħafna siġar tkun tista' tosserva wkoll – jew almenu, tisma' – xi Daqquqa Kaħla (Common Cuckoo) qed tgħajjat, u bi it ta' sforz addizzjonali tista' tara wkoll xi Buqrajq (European Nightjar) jew mas-sebħ inkella ma' nżul ix- xemx jikkaċċja għall-insetti hu u jittajjar. F'April ħafna drabi s-sema jkun mimli wkoll bi qtajja' tar-Rundun (Common Swi) jew membri oħra tal-familja Hirundinidae bħalma huma l-Ħuttaf u l-Ħawwief. Imma apparti l-Ħawwiefa (House Martin), il-Ħawwiefa tax-Xtut (Sand Martin), il-Ħuttafa (Barn Swallow) u r-Rundun (Common Swi), dawn kapaċi jkunu jinkludi wkoll ir-Reġina tal-Ħuttaf (Red- rumped Swallow), ir-Rundun Kannelli (Pallid Swi) u r-Rundun Żaqqu Bajda (Apline Swi) li mhumiex komuni daqs l-oħrajn. Għasfur mill-isbaħ b'karatteristiċi partikolari u b'kuluri qawwija li jispikkaw fih, li wkoll jasal f 'April, huwa l-Qerd in-Naħal (European Bee-eater) li tarah tista' tgħid kullimkien fil-kampanja madwar Malta u Għawdex, xi drabi anke fi qtajja' kbar. Dawn l-għasafar kultant ipassu fil-għoli ħafna u diffiċli tarahom mingħajr tromba, imma min- naħa l-oħra ġieli jieqfu wkoll jistrieħu fuq il-wires tad-dawl u jinżlu fil-baxx biex jieklu insetti kbar. Il-Bibla (Short-toed Lark), li tbejjet f 'Malta, tasal ukoll f 'April u f 'dan il-każ faċilment tisma' l-għanja sabiħa tagħha u taraha f 'ċerti postijiet bħal inħawi rurali f 'Għawdex u f 'zoni oħra f 'Malta bħall-ajruport. Id-Diżż (Tree Pipit) u l-Isfar (Yellow Wagtail) – li kif jixhed ismu diffiċli ma tinnutahx minħabba l-kulur isfar jgħajjat tiegħu – ukoll huma komuni f 'April. F'April tilħaq il-qofol tagħha wkoll il-passa tal-Vjolin Ħadrani (Wood Warbler) flimkien ma' dik taż-Żanżarell Iswed (Pied Flycatcher) u ż-Żanżarell tal- Kullar (Collared Flycatcher) – dawn issibhom f 'postijiet fejn ikun hemm is-siġar. Il-Buskett huwa ideali biex tara dawn l-ispeċi u hawnhekk tista' tara wkoll it-Tajra Safra (Golden Oriole) f 'dan iż-żmien. Għalkemm ir-raġel għandu kulur isfar jgħajjat u huwa għasfur imdaqqas kultant trid it tal- paċenzja biex tinnota lil dan l-għasfur eċċezzjonali. Mejju F'Mejju t-temp ikun beda jisħon mhux ħażin u l-varjetà ta' speċi tibda tonqos konsiderevolment aktar ma jgħaddu ġranet. Normalment dan ix-xahar jimmarka l-qofol tal-passa tal- Kuċċarda (Honey-buzzard) u ż-Żumbrell (Red-footed Falcon), imma n-numri għal dawn iż-żewġ speċi ta' tajr tal-priża mhux dejjem ikunu l-istess, u jvarjaw sew minn sena għal oħra. Ġieli jkollna snin meta jkunu komuni ħafna u narawhom f 'numri kbar u ġieli jkollna snin meta jkunu skarsi sew. L-għasafar tal-plajja fir-riservi jibqgħu numerużi matul Mejju, speċjalment fl-ewwel nofs tax- xahar. Mal-ispeċi li semmejna għal April, f 'dan ix-xahar tingħaqad il- Monakella Prima (Ringed Plover). Il-Ħuttaf, il-Ħawwief u r-Rundun jibqgħu għaddejjin minn fuqna matul Mejju, kif jibqa' jpassi wkoll il-Qerd in-Naħal (Bee-eater). F'zoni miuħa jkunu komuni għasafar bħall-Kaċċamendula (Woodchat Shrike) u l-Buċaqq tas- Silla (Whinchat) li normalment faċli tinnutahom weqfin jistrieħu fil-għoli fuq xi siġra. Il-passa tal-buful tkun iddominata minn dik tal- Bekkafik (Garden Warbler) u l-Bekkafik Aħmar (Common Whitethroat) li normalment ipassu f 'numri kbar, kif ukoll il-Bekkafik Isfar (Icterine Warbler) li jpassi f 'numri iżgħar. Dawn, flimkien maż-Żanżarell tat-Tikek (Spotted Flycatcher), ġeneralment ikunu l-aħħar għasafar tal-passa tar-rebbiegħa li jaslu. Spettaklu tan-natura li mhux ta' min jitilfu! Kif stajtu taraw minn dawn it-tliet artikli li ppubblikajna tul dawn l-aħħar tlett Iħdud, il- Gżejjer Maltin joffru opportunità tad-deheb biex wieħed josserva d-diversità u l-abbundanza li ġġib magħha l-passa tal-għasafar fir-rebbiegħa. Kulma għandek bżonn biex tgawdi minn dan l-ispettaklu tan-natura hija tromba flimkien ma' ktejjeb li jinkludi l-ispeċi kollha li semmejna...u naturalment, li tagħżel l-aħjar siti minn fejn tista' ssegwi din il-passa. Għal aktar għajnuna jew pariri dwar dan kollu tiddejjaq xejn tikkuntattja lil BirdLife Malta fuq info@birdlifemalta.org. Tista' wkoll issir membru ta' BirdLife Malta u b'hekk tirċievi direttament aħbarijiet relatati mal-għasafar f 'Malta: http://bit. ly/join-BirdLifeMalta. Gamiema Qerd in-Naħal Żanżarell tat-Tikek Kuċċarda

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 April 2020