Illum previous editions

ILLUM 26 April 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1240941

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 27

21 opinjoni Il-prodott agrikolu Malti M alta u Għawdex huma gżejjer żgħar b'limitazzjonijiet ċari partikolarment fejn tidħol l-agrikoltura, s-sajd u anke' x-xogħol tar-raħħala. Pero' jekk hemm xi ħaġa li tgħallimt minn din il-pandemija tal-Coronavirus, huwa kemm hu impor- tanti għal pajjiż żgħir bħal tagħna li jkun jiddependi fuq il-prodott tal-ikel tiegħu u mhux isir dipendenti fuq ikel impurtat. Naħseb li għal żmien twil il-pajjiz bħal donnu nesa kemm huma importanti l-bdiewa, s-sajjieda u r-raħħala. Ingħataw il-ġenb biex ħafna prodotti li setgħu faċilment jiġu prodotti fil-gżejjer tagħna bdew jiġu impurtati. Jiena konvinta li daqs kemm nistgħu inkunu ċerti mill- genwinità tal-prodott lokali Malti ma nistgħux inkunu ċerti minn prodotti oħra li huma impurtati. Għalhekk li m'huwiex sostenibbli għal pajjiż li ma jgħatix importanza akbar lill-agrikoltura u s-sajd inġenerali. Aktar minn qatt qabel irridu nħajjru aktar żgħażagħ jidħlu f 'dawn l-oqsma, imma biex nħajjruhom irridu nagħmluhilhom aktar faċli u rridu ngħinuhom ferm aktar. Skont l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, f 'Malta u Għawdex hawn mad-19,000 bidwi. Imma bdiewa li realistikament jikkontrinbwixxu għas-suq Malti b'mod sinjifikanti huma biss madwar 1,500. Fis-sitwazzjoni preżenti ta' COVID-19, aktar minn qatt qabel niddependu fuq min jipproduċi l-ikel lokalment. F'pajjiżna fejn tidħol il-provvista tal-ikel, niddependu kważi għal kollox fuq il-prodott barrani, u l-biedja tikkontribwixxi madwar 1.8% biss mill-Prodott Gross Domestiku tal- pajjiż. Wasal iż-żmien li dan is-settur jingħata aktar importanza għaliex huwa settur strateġiku għal familji f 'mument ta' kriżi meta id-dipendenza fuq il-prodotti mpurtati mhux neċessarjament tibqa' awtomatika. Wieħed ma tantx jasal jiem il-fatt li minkejja li żdiedet il-popolazzjoni f 'Malta, il-bdiewa Maltin m'humiex qed ikabbru l-profitt tagħhom. Wieħed jistaqsi allura, għalfejn settur ta' importanza daqshekk strategika mhux qed irendi kif suppost u ovvjament x'inhuma r-ragunijiet li qed iwasslu biex m'għandniex aktar bdiewa, sajjieda u raħħala? Ir-realta' hi li sfortunatament dan huwa settur fejn il- persuna trid taħdem ħafna imma l-qliegħ mhux neċessarjament jirrifletti x-xogħol kollu li jsir. Ħtieġa ewlenija fix-xenarju lokali hi li l-prezz li bih jinbigħ il-prodott, inkluz fil-Pitkalija, jkun verament jirrifletti x-xogħol li jagħmel bidwi, raħħal jew sajjied, inkluż li jkopri l-ispejjez u li jħalli profitt. Realtà oħra hi li teżisti qasma bejn dak li nikkunsmaw aħna u dak li jipproduċu l-bdiewa u r-raħħala tagħna. Iżda hemm bżonn ukoll li jkollna aktar għarfien tal-ikel li nkunu qed nieklu. Per eżempju, ħafna konsumaturi, meta jkunu qed jixtru l-ħaxix biex nagħti eżempju wieħed, imorru għal dak li f 'għajnejhom jidher l-isbaħ jew l-aktar li jleqq. Imma prodott agrikolu li huwa l-isbaħ mhux necċessarjament huwa l-itjeb biex ma nsemmix li dawk il-prodotti li l-aktar ikunu jleqqu aktarx li huma l-aktar problematiċi. Imbagħad għandek il-fatt li ħafna konsumaturi jsibuha aktar faċli jixtru affarijiet proċessati għax iħossu li jkun aktar konvenjenti għalihom, jew per eżempju jippreferu jixtru patata mqatta' u friżati jew karrotti mqaxxra lesti. Li jfisser ukoll li l-bdiewa u r-raħħal tagħna jridu jkollhom l-opportunità li jirrispondu aktar għad-domanda ta' dak li jrid il- konsumatur fil-ħajja mgħaġġla ta' llum. Realta' oħra hi li l-bidwi Malti jipproduċu affarijiet li jistgħu jikkompetu magħhom faċilment ħafna prodotti importati, għal kuntrarju ta' pajjiżi bħall- Italja u Franza, li jipproduċu prodotti sinonimi mal-pajjiż tagħhom u allura bi it li xejn ikollhom kompetizzjoni minn ikel li jiġi minn barra l-pajjiż tagħhom. Pero' jien nemmen li nistgħu nagħmlu ħafna aktar billi aħna, bhala konsumaturi ningħataw aktar informazzjoni dwar il-prodott Malti, dwar dawk il-prodotti li huma verament friski u ġenwini u dawk il-prodotti agrikoli li m'humiex mimlija pestiċida. Fl-istess ħin hemm bżonn ta' aktar appoġġ biex il-bdiewa u r-raħħala tagħna jkunu jistgħu jagħmlu l-prodott tagħhom aktar addattabbli għal ħajja mgħaġġla tal-llum. Ma jixraqx lil pajjiżna li s-settur tal- biedja u s-sajd jispiċċa jqarreb aktar lejn passatemp milli professjoni. Is-suq ma jrendix flus daqs kemm jistħoqqlu, ix- xogħol huwa wieħed ta' tbatija u mimli riskju imma dawn huma raġunijiet akbar biex nsibu soluzzjonijiet ħalli dawn is- setturi daqshekk importanti ma jieqfux. Għalhekk li qabelxejn għandna ngħinu lin-nies li verament jipproduċu l-ikel, anke jekk sfortunatament saru minoranza. Irridu nipprovdu riżorsi lil min l-aktar għandu bżonnhom, bħall-aċċess għall- ilma. Irridu norganizzaw il-produtturi biex jipproduċu xi ħaġa distintiva, u rridu noħolqu kemm jista' jkun inċentivi biex ulied il-bdiewa u raħħala Maltin jieħdu ħsieb l-intrapriżi ta' familthom u jżommuhom għaddejjin. Ghall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew qed insegwi mill-qrib is-settur tal-agrikoltura u s-sajd bħala Viċi President tas-Soċjalisti u Demokratici u rrid nagħmel ħilti biex dak li nitgħallem fuq livell Ewropew ngħin biex jiġi attwat bl-aħjar mod possibbli f 'pajjiżna, u biex nagħti widen u nservi ta' vuċi biex nispjega l-problemi li jaffaċjaw dawk kollha li huma bdiewa, raħħala u sajjieda. Naf li għandna limitazzjonijiet ta' art f 'pajjiżna u għalhekk li rrid insemmi bdiewa li ltaqajt magħhom u li qed jkunu aktar innovattivi billi qed ikabbru l-prodott agrikolu tagħhom b'mod vertikali biex jieħdu anqas art. Ma nistgħux niċħdu, madanakollu, li qed nesperjenzaw pass mgħaġġel ta' urbanizazzjoni. Minbarra li nkerrħu l-veduti u ħafna drabi jinholqu problemi fil-kuntest urban, qeghdin ukoll nnaqqsu l-art li tista' tintuza ghal skop algrikolu. Għandna wkoll realta' fejn is-sidien tal-art jagħmlu ħajjet il-bidwa miżerabbli biex eventwalment jaqtgħulhom qalbhom u l-art tmur lura għand is-sidien. Ir-realta hi li meta joħroġ bidwi minn għalqa, iħalli art vojta li sservi bħala opportunità biex jidħlu għaliha spekulaturi b'interessi varji. L-appell tal-aħħar tiegħu huwa dirett lejn il-konsumaturi. Ejja nixtru prodott Malti. Għandna postijiet apposta minn fejn nixtru dawn il-prodotti, bħal ħanut tal-laħam, tal-ħut jew tal-ħaxix. Nemmen li b'hekk inkunu qed naghmlu l-ewwel pass biex nuru aprezzament lejn il-valur tal-bidwi, ir-raħħal u s-sajjied Malti, u fl- istess ħin insaħħu l-indipendenza tagħna. illum • IL-ĦADD 26 TA' APRIL 2020 Miriam Dalli Miriam Dalli hija l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 April 2020