Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1243335
26 opinjoni IL-ĦADD 3 TA' MEJJU 2020 • illum Nilqgħu għall-isfidi bi pjan serju OWEN BONNICI HUWA L-MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL Owen Bonnici B la dubju li dan iż-żmien li ninsabu fih huwa żmien li jpoġġi quddiemna sfidi. Sfidi li qed jaffaċċjaw is-setturi kollha, uħud aktar minn oħrajn. Sfidi li sibna quddiema fis-settur tal-Edukazzjoni wkoll. Imma kif ħadt gost nispjega fil-programm Xtra, aħna qed nilqgħu għal dawn l-isfidi billi ġbarna lil dawk kollha konċernati fis-settur flimkien u ippjanajna t-triq 'l quddiem flimkien. Meta kellna din l-isfida kbira quddiemna, rajnali dawk kollha li huma l-istakeholders ewlenin, skejjel tal-gvern, tal-Knisja, dawk privati, l-Unjin tal- Għalliema, u oħrajn, f 'kelma waħda dawk kollha li għandhom sehem attiv f 'dan il-qasam, rajna li ningħaqdu flimkien madwar mejda u dak li ppjanajna u ddeċidejna, ippjanajnieħ u ddeċidejnieħ flimkien. Nemmen li dan wassal biex daħħalna ċertezza kemm jista' jkun possibbli f 'ambjent li qed jinbidel minn ġimgħa għall-oħra. U ma niddejjaqx niaħar li bħala pajjiż, mill-bidunett, il-poplu kien jaf x'se jiġri fejn jidħlu eżamijiet, tlugħ minn sena għal oħra, benchmarks, Sec, MATSEC, u ninsab kburi ħafna li flimkien tajna ċertezza. Ċertezza li hija importanti ħafna f 'dan iż-żmien li kif għidt, is-sitwazzjoni qed tinbidel mil-lum għal għada. Il-ħidma tagħna wasslet ukoll biex f 'temp ta' it jiem minn mindu ingħalqet is-sena skolastika, fit-13 ta' Marzu, mingħajr dewmien, l-edukazzjoni marret onlajn. Fatt li apprezzawħ ferm kemm il- ġenituri u l-kustodji tal-istudenti tagħna. Mertu ta' ħidma li fiha kien hemm fuq quddiem tal-għalliema, l-LSEs u l-edukaturi tal-pajjiż. Dawn kienu l-qofol biex jaqtgħu l-għatx li kellhom l-studenti u l-ġenituri tagħhom għat-tkomplija tal-edukazzjoni. Ħidma flimkien li b'rieda u impenn tajna din it-triq 'l quddiem. Mertu tat-twaqqif mall- ewwel ta' Grupp ta' Ħidma li ppjana u ħa deċiżjonijiet għal dan il-għan. Deċiżjonijiet li wasslu mhux biss biex l-edukazzjoni tmur onlajn, imma wkoll it-tkomplija tas-servizzi tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni li jagħtu lil familji vulnerabbli, fosthom il-kollazzjon b'xejn li ssoltu nagħtuh fl-iskejjel, imma qed inwasslulhom fid-djar. Servizz ta' internet b'xejn ukoll lil dawn il-familji, u wkoll mezz elettroniku b'self lill-istess familji. Fejn hemm rieda, intenzjoni tajba u impenn, diskussjoni twassal għal soluzzjoni. Ma rridx nagħti l-impressjoni li kollox huwa perfett. Hemm fejn nistgħu nkomplu nsaħħu. Imma pajjiżna f 'dan il-kamp huwa xempju ta' kif jistgħu jaħdmu pajjiżi oħra. U ngħid hekk, għaliex jekk tieħu, fost oħrajn, ir-Renju Unit, tara li dawn waslu għal deċiżjonijiet li aħna konna ilna li implimentajna, ġimgħat sħaħ warajna. Aħna ħsibna wkoll biex innaqqsu l-piż fuq dawk il-familji li għandhom aktar minn wild wieħed u fid-djar tagħhom kellhom kompjuter wieħed biss. Iva, anki lil dawn għamilna l-isforzi kollha tagħna biex insibulhom soluzzjoni. Li huwa żgur huwa, li aħna ma rridu lil ħadd, lill-ebda student, jibqa' lura jew iħossu maqtugħ minn sħabu l-istudenti, għax kif għist kemm-il darba, f 'din is- sitwazzjoni li ġiet fuqna għall-għarrieda assolutament ma ridniex li l-istudent jeħel hu intortament. Din żgur li le. L-istudenti jsibu fl-iskejjel tagħna it- tieni dar tagħhom. U ma ridniex li - b'din l-imxija tal-coronavirus – ikollna r-riskju li nitilfu dan. B'hekk il-ħidma u l-impenn tagħna biex l-istudenti jkomplu jsibu it- tieni dar tagħhom minn darhom stess. Il-ħidma tagħna b'risq l-istudenti wasslet ukoll biex illum-il ġurnata dawn jistgħu jkomplu t-tagħlim tagħhom ukoll permezz ta' portal ġdid, teleskola.mt, li huwa mimli b'iktar minn 1,000 lezzjoni u attività għall- istudenti kollha mis-snin bikrin sa tmiem is-sekondarja. L-għan tal-portal huwa li jagħmilha faċli għall-istudenti, għall-ġenituri u għall- għalliema biex isibu lezzjonijiet ta' kull sena skolastika u ta' kull suġġett b'mod faċli ħafna. U dan huwa eżempju ieħor ta' dak li ktibt aktar 'l fuq. Il-ministeru mill-ewwel ġurnata tal-għeluq temporanju tal-iskejjel ra li jqiegħed riżorsi online biex l-istudenti u l-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom bl-iktar mod faċli. Issa qed noffru prodott aħjar, kemm mil-lat ta' faċilitajiet interattivi u iktar u iktar mil-lat ta' kontenut, u kien għalhekk li ġie maħluq dan il-portal. Il-portal fih materjal adattat għat-tfal tal-kinder, għall-istudenti tal-primarja, tal-medja u tas-sekondarja, f 'kull suġġett. Wieħed ikun jista' wkoll iħalli l-kumment tiegħu ħdejn kull lezzjoni sabiex jikkomunika mal-għalliema. Il- portal fih minjiera ta' tagħlim u ta' riżorsi marbutin mas-sillabi li jintużaw fl-iskejjel tagħna kollha, tal-Istat, tal-Knisja u l-indipendenti. U biex ukoll ma' nħalli l-ebda student jaqa' lura jew ma jħossux fuq l-istess livell ta' sħabu, rajna li l-ġenituri bi tfal li jbatu mid-dislessija jistgħu jużaw il-portal biex jikkomunikaw ma' esperti biex jagħtuhom l-għajnuna fit-tagħlim ta' uliedhom. Il- portal fih ukoll l-għodda kollha meħtieġa sabiex l-istudenti, il-ġenitur jew l-għalliem jikkomunikaw faċilment b'mod diġitali. Nirringrazzja lil dawk l-edukaturi li bis-saħħa tal-ħidma u tad-dedikazzjoni tagħhom tfassal, inħoloq u ntela' dan il-portal, b'riżorsi adattati għall-istudenti Maltin. Permezz ta' dan il-portal, uffiċjali edukattivi, kapijiet tad-Dipartment u l-għalliema qegħdin għall-ewwel darba jaqsmu r-riżorsi tagħhom mal-istudenti kollha. Irrid ngħid li l-portal se jkun wieħed attiv li jinbidel ta' spiss u li jikber bl- għajnuna ta' ħafna edukaturi li għandhom għal qalbhom it-tagħlim ta' uliedna. Kollox ma kollox, irridu nħarsu 'l quddiem. Irridu naraw dawn l-isfidi li għandna quddiemna. Irridu naraw ix- xogħol kbir li sar f 'temp ta' it jiem. Irridu naraw dak li għamilna. U hawn l-importanti. Kif nisbħu minn din is-sitwazzjoni żgur li se jkollna dinja ġdida quddiemna. Kollox jorbot mal-bżonn li l-isfida li għandna llum indawwruha f 'opportunità. U hawn l-Edukazzjoni hija eżempju kruċjali. Irridu nkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li qed joħroġ minn din l-esperjenza. Jekk ma nkomplux niddiskutu, nippjanaw, b'rieda tajba flimkien, ma nkunux ħadna l-opportunità ppreżentata minn din l-esperjenza.