Illum previous editions

ILLUM 24 May 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1250961

Contents of this Issue

Navigation

Page 30 of 31

31 films illum • IL-ĦADD 24 TA' MEJJU 2020 Carmel Bonnici Il-Legat ta' Dracula (1) Kienu jsibuh bħala l-Princep tad-Dlaminijiet, is-Sid tal- Mejtin/Ħajjin jew il-Kap tas-Setet tal-Vampiri. Dan huwa l-vampir prim, il-Konti Dracula, karattru li kexkex u beżża' lil ħafna, tant ieħor affaxxina lill-miljuni oħrajn. Ħarġu gzuz u gzuz ta' films dwar dan l-infami, li hu mpossibbli nsemmuhom kollha. Fuq kollox, Dracula hija novella gotika tal-1897 miktuba mill- awtur Irlandiż, Bram Stoker, li sar famuż propju meta ntroduċa dan il-karattru tal- Konti Dracula, vampir li jerda' d-demm speċjalment tan-nisa verġni. Din in-novella hi kklassifikata f 'diversi ġeneri tal-letteratura li jkopru dik dwar il-vampiri, kitba fittizja tal-biża', storja gotika u letteratura ta' nvażjoni. Stoker ma kienx hu li vvinta lill-vampiri, Imma kien kapaċi jagħti xeħta moderna lil dan il- ġeneru. L-istorja hi rrakontata f 'forma ta' ittri, kitbiet f 'djarju u ohrajn fi ktieb ta' vapur li fih jitniżżlu l-avvenimenti ta' matul il-vjaġġ. L-avvenimenti murija fin- novella jseħħu kronoloġikament (viz: wara xulxin, skont il- kalendarju) l-aktar fl-Ingliterra u t-Transylvania (reġjun tar- Rumanija) matul is-snin tal- 1890 u kollha jseħħu matul l-istess sena, bejn it-3 ta' Mejju u s-6 ta' Novembru. L-istorja fil-qosor tiżvolġi dwar l-attentat tal-Konti Dracula li minn Transylvania jitlaq lejn l-Ingliterra biex ifittex demm ġdid li jsostnih u jtih il-qawwa, u b'hekk iferrex is-saħta ta' dawk migdumin minnu li jmutu u jerġgħu jqumu bħala vampiri, bħalu għatxana ghad-demm, kif ukoll tirrakonta l-battalja bejn il-Konti u grupp żgħir ta' rġiel u nisa mmexxija mill- Professur Abraham Van Helsing biex jeqirduh. Isem il-Professur hu l-istess tal-awtur Bram (Abraham fil-qosor) Stoker. Bejn is-snin 1879 u 1898, Stoker kien il-maniġer tan- negozju tat-Teatru Lyceum f 'Londra, post imsemmi ma' kullimkien, fejn hu kien jaqla' aktar flus billi jikteb numru kbir ta' novelli sensazzjonali. Naturalment, l-aqwa kitba tiegħu hi Dracula li giet ippubblikata l-ewwel darba fis- 26 ta' Mejju 1897. Partijiet minn din in-novella jseħħu fil-belt ta' Whitby, f 'Yorkshire ta' Fuq, qrib il-baħar, fejn l-awtur kien jgħaddi l-vaganzi tas-sajf. F'dak l-istess żmien, awturi famużi oħrajn bħal H. Rider Haggard, Rudyard Kipling, Robert Louis Stevenson, Arthur Canon Doyle u H. G. Wells kitbu ħafna ħrejjef ukoll sensazzjonali. Il-qarrejja tal-epoka Vittorjana ħadu pjaċir jaqraw Dracula bħala avventura eċitanti bħall-ħafna oħrajn. Il-leġġenda tal-Konti Vampir laħqet l-istatus fantastiku tagħha ħafna snin wara fis- seklu għoxrin meta bdew jidhru verżjonijiet ċinematografiċi dwarha. Qabel ma beda jikteb Dracula, Stoker għadda seba' snin ifittex dwar folklor Ewropew u stejjer tal-vampiri, waqt li kien influwenzat l-aktar bil-kompożizzjoni ta' Emily Gerard tal-1885, Transylvanian Superstitions. Ironikament, Dracula ma kenitx l-ewwel storja tal-vampiri. Qabilha kien hemm Camilla tal-1871 ta' Sheridan Le Fanu, dwar vampira lesbjana li tfittex nisa żgħazagħ li jkunu weħidhom. Minn fuq din in- novella, il-Kumpanija Brittanika Hammer Films fis-snin sebgħin tal-bidu ħadmu tliet xogħlijiet "sexy", The Vampire Lovers, Lust For A Vampire u Twins Of Evil, bit-tewmin ikunu Madeleine u Mary Collinson, imwielda hawn Malta. (Ikompli nhar il-Ħadd li ġej ...)

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 May 2020