Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1275146
09 illum • IL-ĦADD 2 TA' AWWISSU 2020 aħbarijiet 'Hemm bżonn kulħadd jieħu pass lura' Din il-ġimgħa l-pajjiż ħa daqqa f'dak li jirrigwarda l-Covid-19. Philip Fenech jgħid illi l-kunfidenza żejda għax ksibna riżultati pożittivi ħafna kien żball u jappella għal "pass lura" ALBERT GAUCI CUNNINGHAM "Hemm bżonn inżommu mal-protokolli u għalhekk bosta qed jieħdu pass lura sabiex jkunu konformi, wara dak li nistgħu nsejħu pass lura wkoll bin-numri tal-Covid-19 jerġgħu jgħollu rashom." Hekk sostna mal-ILLUM Philip Fenech li jmexxi t-Taqsima tat-Turiżmu u Divertiment fi ħdan il- GRTU meta kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 u ż-żieda fin-numri li esperjenza pajjiżna fl-aħħar ġimgħa u nofs - b'diversi każi lokali li kienu ġejjin minn attivitajiet tal-massa; kemm marċi tal-festa u anke parties. Din il-gazzetta staqsiet lil Fenech x'se jkun l-impatt jekk mill-ġdid - u matul il-jiem li ġejjin - jibqgħu jiżdiedu l-każi. Fenech qal li naturalment in-numri ta' din il- ġimgħa mhumiex aħbarijiet pożittivi. "Ejja nieħdu pass lura, mhux inwaqqfu kollox. Ejja nieħdu pass lura u nagħmlu assessjar tas-sitwazzjoni u nerġgħu mmorru lura għall-protokolli li konna fasslana," qal Fenech, li ammetta li filwaqt illi kien hemm ħafna li bdew isegwu dawn il-protokolli kien hemm oħrajn li ma kinux. Huwa jgħid iżda li din ma kinitx problema tas-sidien biss. "Inħoss li kulħadd beda jħossu kunfidenti żżejjed, mhux l-istabbilimenti biss. Jekk inti għaddejt flixkun u l-klijenti qagħdu jixorbu mill-flixkun, mhux tort tas-sid." Huwa qal li filwaqt li jirrikonoxxi li n-numri mhumiex inkoraġġanti, jisħaq li "ma messna qatt tlaqna mill-użu tal-protokoll." Il-protokolli kienu maħruġin mill-Gvern u kienu intenzjonati biex jiggwidaw lin-negozji kollha - x'miżuri ta' saħħa kellhom jittieħdu kif ukoll il- limitu ta' nies li jistgħu jidħlu fi stabbiliment biex ikun irrispettat il-kunċett ta' ddistanzjar soċjali. "Kien hemm ħafna min qagħad attent imma kien hemm min ma qagħadx. Iridu nitgħallmu ngħixu bil-Covid-19 imma mhux bin-normal l-antik, imma bin-normal il-ġdid," saħaq Fenech. Il-Gvern ġie taħt pressjoni kbira din il-ġimgħa wara li n-numru ta' każi ta' Covid-19 komplew jiżdiedu biex mit-tliet każi attivi li Malta kellha nhar is-17 ta' Lulju dawn telgħu għal 112 f 'nofs din il- ġimgħa. Sitta u sittin minn dawn kienu immigranti li ddaħlu fil-pajjiż matul il-ġimgħa. Il-Gvern kien fl-għajn ta' kritika qawwija talli ppermetta attivitajiet tal-massa u marċi tal-festi kif ukoll - u b'mod speċjali - minħabba li daħlu 94 immigrant Malta nhar it-Tlieta u 33 oħra nhar il- Erbgħa. Fil-fatt, il-Ħamis, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar linji gwida ġodda għall-organizzazzjoni ta' attivitajiet tal-massa. Fost dawn, għal attività tal-massa li tkun se tattira aktar minn 100 persuna, irid ikun sottomess risk assessment mill-organizzaturi u l-permess jingħata biss jekk ikun possibbli li jinżammu l-miżuri ta' mitigazzjoni kollha, inkluż id-distanza soċjali. Malta ma gawdietx mill- kanċellament lejn Spanja Intant sorsi differenti mill-industrija qalu lil din il-gazzetta illi Malta ma gawdietx mill-fatt li r-Renju Unit għalaq l-ivjaġġar lejn Spanja. "Minkejja li hekk kien hemm min ħaseb - li se nesperjenzaw żieda," sostnew, "minflok żieda kien hemm tnaqqis, għaliex naqsu l-bookings mir-Renju Unit bin-nies fil-fatt jieħdu pass lura meta l-awtoritajiet ta' pajjiż jieħdu miżuri, bħall-għeluq ta' destinazzjoni." Huma temmew jgħidu li żieda fil-każi se jaffetwa kemm isiefru nies u li dan "ovvjament" se jaffetwa lil Malta ukoll. Matul il-ġimgħa diversi DJs u anke kumpaniji li jorganizzaw parties ħabbru l-kanċellament tal-attivitajiet tagħhom "għalissa", fosthom il-G7 li organizzaw il-party fil-lukanda Radisson li ra diversi nies jirriżultaw fil-pożittiv għall-coronavirus u d-DJ J Joy. Inħoss li kulħadd beda jħossu kunfidenti żżejjed, mhux l-istabbilimenti biss. Jekk inti għaddejt flixkun u l-klijenti qagħdu jixorbu mill-flixkun, mhux tort tas-sid Philip Fenech