Illum previous editions

ILLUM 4 July 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1389767

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 27

13 intervista illum • IL-ĦADD 4 TA' LULJU 2021 minn idejna ... aħna tal-qniepen ordni u neżlin biċċiet fil-parti l-oħra li tagħti sal-kampar." "Għax aħna tal-qniepen, għax aħna ma ndoqqux vjolin jew xi strument ieħor, allura aħna tat-tieni klassi, daqslikieku mhux bħal mużiċisti jew il-bandisti qed nagħtu servizz," insista. "Ħadd ma jara s-sigħat twal li nagħmlu hemm fuq. Daqqa sħana kbira u daqqa kesħa u riħ." Apparti dan kollu, Bugeja fakkar li d-daqqaqa tal-qniepen huma l-ewwel li jibdew is-servizz u l-aħħar li jtemmuh. "Jekk fis-sitta hemm it-tranżlazzjoni, mal-ħamsa trid tibda l-erba' moti. Tispiċċa l-funzjoni, kulħadd jitlaq u aħna nibqgħu hemm indoqqu erba' moti. Il-Ħadd, nibdew mit-8:00am bil-moti għall-quddiesa tal-festa, wara jkollna l-moti ta' nofsinhar. Mal-4:00pm jibdew il-moti tal-għasar, indoqqu l-ħruġ u d-dħul tal-purċissjoni, il-barka u l-mota tal- aħħar. Għandek mit-8:00am sal-11:00pm. Id-donazzjoni li nitolbu hija miżera ħafna u xorta jkun hemm min jipprova jiġġebbidlek," kompla jisħaq. "Trid tkun tħobb u jkollok passjoni biex tidħol għaliha. Issa ilni 50 sena ndoqq u wasalt biex nibda nnaqqas." 'Nirrabja meta jkun hemm min jippretendi li l-qniepen jieqfu għax idejquh' La tkellimna fuq il-ħinijiet twal ma stajnix ma nidħlux xi it jew wisq fil-kontroversja. Ikun hawn min jgħidlek: "Hemm bżonn jagħmlu siegħa jdoqqu? Għaliex erba' moti. Waħda mhux biżżejjed?" X'jaħseb Bugeja dwar dan? Beda jispjega li meta jindaqqu erba' moti jfisser li hemm solennità kbira tant li ġeneralment, dawn jindaqqu biss fil-festi, jew inkella f 'xi solennità bħall-Milied jew l-Għid il-Kbir. Minkejja li l-qniepen huma ħajtu, Bugeja jemmen ukoll fil-bilanċ u l-prudenza. "Jiena nħobbhom il-qniepen, imma min joqgħod idoqq l-erba' moti fost is- sena, għalija ksuħat. Hawn min il-moti ta' nofsinhar, fil-festa, iġebbidhom sas-sagħtejn. Wisq. Iż-żejjed, bħan-nieqes. Hemm min jieħu gost imma hemm min ma jiħux gost," insista Bugeja. "Meta tesaġera mal-ħażin jeħel it-tajjeb." Minkejja dan, Bugeja saħaq li jirrabbjah ħafna l-fatt li jkun hemm persuni, inkluż barranin, li jmorru jgħixu viċin il-knisja u jippretendu li l-qniepen ma jindaqqux għax idejquhom. "Jekk se mmur noqgħod Paceville, naf li għandi ljieli ma norqodx. Imma jien inkun għażilt li mmur noqgħod hemm. L-istess min mar joqgħod ħdejn knisja. Il-knisja kienet hemm qabel," insista. "Din tirrabbjani ħafna, speċjalment meta jkun hemm parroċċi li jċedu." 'Tradizzjoni li qed taħrab minn idejna' Kien hawn li Bugeja fakkar ukoll li l-qniepen u l-mod kif jindaqqu, huma parti mit-tradizzjoni Maltija għax il-mod kif jindaqqu f 'Malta huwa uniku. "Din it-tradizzjoni qed taħrabilna minn idejna. Aħna stess qed nitilfuha. Jekk min qed imexxi se jċedi, aħna d-dilettanti ma nistgħu nagħmlu xejn," insista. Jogħġbu xi sett aktar minn ieħor? Qlibna s-suġġett, bil-gazzetta tistaqsi lid- daqqaq f 'kemm il-kampnar tela' jew inkella (għax forsi aktar faċli) jekk hemmx xi kampnar jew sett qniepen, li qatt ma daqq. Tant kemm dar u tant kemm daqq qniepen, li lanqas seta' jwieġeb din il-mistoqsija. "Naħseb li tlajt kullimkien, ħlief f 'xi kappelli. Jidhirli li fil-parroċċi tlajt kullimkien," qalilna. Staqsejnih ukoll jekk hemmx xi sett ta' qniepen li huwa jieħu gost ħafna jdoqq. Insista li f 'Malta hawn diversi settijiet sbieħ ta' qniepen u fost dawn semma dawk tas-Siġġiewi, tal-Gżira, ta' San Duminku tal-Belt Valletta, ta' Ħal Luqa, Ħal Lija, Ħal Qormi (San Bastjan), Stella Maris tas- Sliema u oħrajn. Insista li hu jħobb ħafna s-settijiet tal-qniepen li huma intonati, bħalma ġeneralment ikunu l-qniepen ta' Taylor jew Barigozzi (żewġ funderiji ewlenin tal- qniepen). "Gosti. Hawn min imbagħad iħobb il- qniepen Maltin li jkunu aktar ħarxa fil-ħoss tagħhom," kompla jispjega. "Imbagħad hemm min għandu qniepen sbieħ u ma japprezzahomx, anke kif idoqquhom. F'ħames minuti, jibdew u jispiċċaw mota bi kbir. Ma hemmx dik is-sbuħija li qed iddaħħal qanpiena wara l-oħra it it. Aħna, meta jkollna mota ta' nofsiegħa, ġieli ndumu kwarta biex indaħħlu ħamest iqniepen. Trid toħloq climax meta ddaħħal il-kbira." 'Jiena nirrispetta t-tradizzjoni tal- lokalità ... ara ma ddoqqx tokk inqas' Minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, bejn raħal u ieħor jew belt u oħra hemm ħafna tradizzjonijiet differenti, inkluż anke fejn jidħol id-daqq tal-qniepen. Pereżempju, il-moti kif jindaqqu l-Belt Valletta huwa differenti minn kif jindaqqu fil- Kottonera. "Meta mmur indoqq f 'parroċċa, l-ewwel ħaġa li nagħmel huwa li niċċekkja t-tradizzjonijiet tagħhom. Jiena nirrispetta t-tradizzjoni tal-lokal. Fil- Kottonera hemm tradizzjoni partikolari kif jindaqqu l-qniepen u n-nies iħobbuhom u allaħares jekk iddoqq ħames minuti inqas," kompla jispjega. "Kont parroċċa fil-Kottonera, mingħalija li l-moti ta' nofsinhar sas-1:15pm, tlaqna lejn id-dar u mlewni messaġġi jistaqsuni għaliex waqafna qabel. Jeħduha bi kbira." Spjegalna ftit differenzi fil-moti. Pereżempju l-Belt, il-moti jibdew kollha mill-qanpiena ż-żgħira sal-kbira. Fil- Kottonera mhux hekk. L-ewwel mota tibda mill-qanpiena żgħira sal-kbira, it- tieni waħda mill-kbira saż-żgħira, it-tielet waħda jibdew it-tlieta l-kbar u ż-żgħar jidħlu f 'salt u jerġgħu jaqtgħu f 'salt u tibqa' l-kbira waħedha u r-raba' mota tkun bħall- ewwel waħda. Bħal kull ħaġa f 'Malta jkollok ukoll il- pika li ddeffes denbha, speċjalment fejn ikollok parroċċi li jiċċelebraw żewġ festi. Ħoll xagħrek u ġib iż-żejt, spjegalna, jekk iddoqq xi tokk żejjed. "Saħanistra hemm parroċċi fejn fil-festa sekondarja triq iddoqq mod u fit-titular mod ieħor. Trid toqgħod b'seba' għajnejn," insista. 'L-inkwiet tiegħi huwa li dawn tradizzjonijiet li se jinqatgħu' Bdejna nikkonkludu, b'Bugeja jisħaq li anke jekk illum sar diffiċli biex issib nies iddedikati li jdoqqu l-qniepen, l-interess għadu hemm speċjalment minn dilettanti f 'lokalitajiet fejn it-tradizzjoni tal-festa hija waħda qawwija. "Jieħdu gost jisimgħu l-moti. Jagħrfuna meta mmorru f 'lokalità u jgħidulna li jieħdu gost meta mmorru aħna. Tinsix, meta qanpiena qed tindaqq minn fuq il- kampnar, tkun qed tieħu t-temp tagħha, għax l-ilsien qed jaħbat ma' naħa u oħra u għalhekk tinstema' isbaħ. Minn isfel, meta qed tiġbed biss ħabel, se tindaqq skont it- temp li jagħżel id-daqqaq," spjega. L-inkwiet ta' Bugeja huwa li se jiġi żmien fejn ħafna tradizzjonijiet, mhux biss id-daqq tal-qniepen imma anke l-armar fil-knejjes, se jinqatgħu. "Mhux se nidħol fl-ispiritwalità, għalkemm anke hemm tinkwetani l-bruda, imma ninkwieta għax ma tantx issib nies. Anke biex narmaw il-knejjes. Nies tampari jinżlu l-knisja kuljum u jħossu r-responsabbilità. Iż-żgħażagħ differenti. Ftit issib li jkunu responsabbli u jidħlu għal biċċa xogħol b'ruħhom u ġisimhom," insista. Appella liż-żgħażagħ biex ma jiddejqux mill-volontarjat. "Għax tkun volontarju, ma jfissirx li ma tkunx kommess għal xi ħaġa. Jekk dħalt għal xi ħaġa, għandek tagħmilha sew. Jekk mhux se nieħdu ħsiebhom aħna dawn it-tradizzjonijiet, mhux se jżommuhom il-barranin jew uliedna li ġejjin warajna. Se nispiċċaw nitilfu kollox. Se nispiċċaw bi knejjes ma jintramawx, qniepen bl-imrietel, bil- kompjuter u bla gost ta' xejn," insista. Kien għalhekk li temm jappella wkoll lil min imexxi l-parroċċi biex japprezzaw din it-tradizzjoni u almenu fil-ġranet tal- festa, jassiguraw li l-qniepen jindaqqu kif suppost.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 July 2021