Illum previous editions

ILLUM 3 October 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1416374

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 kotba illum • IL-ĦADD 3 TA' OTTUBRU 2021 Mark Vella jiskopri awtur li ma kienx jaf bih, u li x'aktarx huwa wkoll skoperta għaliex maħruġ minn dar tal-pubblikazzjoni li għażlet mogħdija partikolari għall-awturi li toħroġ. Il-kitba ta' Joe Camilleri taf tqarraq fit-tradizzjonalità apparenti tagħha, għax il-qari pjaċevoli tagħha jixhed maturità, profondità u għarfien tat-tradizzjoni tar-rakkont qasir. b'ruħi u ġismi, fejn dan il-kunċett kien ġie dibattut tul sajf fietel meta ħareġ Nbid ta' Kuljum ta' Ġużè Stagno, u qamu l-irwiefen għax intmessew il-baqar sagri. Għalhekk, anki biex ma nitkagħbarx, aktar ma nikber, fil-moffa li tant kienet tqażżiżni dakinhar f 'żgħożiti ta' pubblikatur ifittex il-mument ikonoklastiku, dil-kitba ta' kull ġimgħa sservi spiss biex nieqaf u naħseb dwar x'inhuma l-kotba, il-kitba u l-letteratura: lil hinn mid-djuq li writna fis-swali universitarji li paradossalment jaf kien il-bieb id-dejjaq li wieħed ikollu jgħaddi minnu anki biex jiem il-beraħ ta' madwaru. Issa, Camilleri x'aktarx mhux se jitla' sa fejn l-Azzopardijiet, iż-Żahriet u l-Mifsudijiet. Anki għaliex il-letteratura (li iktar ma żżidilha aġġettivi warajha, aktar tidħol f 'bir tas-skieken), il-kitba li togħla, li tibqa', prinċiplament hija dik li tħaddem il-lingwa b'tali mod li turik esperjenza kif qatt ma rajtha qabel. Nibqgħu hawn, għax anqas ħaqq immorru lil hinn f 'dan il-baħar bla qies: imma kittieb bħal Camilleri, li kieku ma kienx għal dar bħal Horizons, jaf lanqas kien ikollu ċ-ċans li jgħaddi minn dan l-għarbiel. Fid-dinamika kumplessa ta' kif tiżviluppa l-għoġba u l-fama tal-kotba, u anki jekk naħsbu dwar is-sitwazzjoni partikolari Maltija, il-bieb id-dejjaq tad- diwi Evanġeliku jaf jidjieq dejjem aktar, sew minħabba dawk li jgħassuh kif ukoll mil-limiti varji li nimponulu 'l dan id-dħul: is- suq, is-sillabu, is-suddizzjoni. Minkejja li Camilleri x'aktarx mhuwiex se jnaqqax wisq aktar minn ismu f 'librerija li mhux se jkollha għalfejn tagħmel xi wisa' kbir, xorta waħda dil-ġabra turi talent ta' novellier li jaħkem sew il-ġeneru sew l-għarfien tat-tradizzjoni. Ir-rakkont, almenu fi stili u tekniki, ma jurix devjazzjonijiet kbar jew ġodda, imma dan sewwasew għaliex l-iskop tal-awtur, bħal ta' bosta rakkontaturi ta' ħila Maltin kontemporanji, huwa t-twassil ta' storja minn perspettiva, x'aktarx riflessiva, li tinfed ir-realtà għal it mingħajr ma ċċarratha jew taqlibha ta' taħt fuq. Kull awtur għandu dmir, x'aktarx skont ħilietu, kif ukoll skop għal kollox tiegħu, li m'għandux għala jiddetermina minnufih id-destin ta' kitbietu minħabba xi parametri li jobbligaw u jillimitaw. It-tradizzjoni f 'Camilleri tinħass fil-mod kif rakkont jitwassal b'mod li jibqa' sempliċi imma dejjem ikkontrollat, u sikwit din il-ħeffa qarrieqa, kif kont ikkumentajt xi xhur ilu fil-każ ta' John Portelli, taf tiżgwida lill- kritiku. Għaliex fir-rakkont dirett, li fl-aħħar mill-aħħar lill-qarrej ma jħabbtux jew jimpenjah iktar milli jkun jixtieq, xorta waħda hemm il-wisa' għal effett li jista' jgħaddi mingħajr l-akrobaziji jew it-tlellix. Camilleri mhuwiex kittieb moralistiku, fis-sens tal- morali jew tat-tagħlima aħħarija li tagħlaq ir-rakkont u tħalli l-ħajja għaddejja kif kienet qabel. Aktarx huwa l-mod kif jiżviluppa ġrajjiet sempliċi imma simboliċi ta' qagħdiet umani familjari: ir- rakkont li jidher għeri għax ċar, anki f 'sens ta' realiżmu fil-kitba, u li ma jittaqqal qatt b'xi forma ta' indħil li jfixkel lill-qarrej milli jasal għall-konklużjonijiet emottivi tiegħu. Bħala osservatur li qed jiġbor mill-ħajja biex imbagħad jittraduċiha għall-kitba, Camilleri għandu kontroll tajjeb fuq il-materja prima tiegħu. Taf titqarraq mill-età tal-awtur, anki għaliex tieħu s-sens li forsi qed jara bl-għajnejn u jitkellem bil-leħen ta' ġenerazzjoni oħra, forsi anki estranja għal kif nimmaġinaw li għandha tkun il- kitba tal-lum. Anki l-kontenuti tan-novelli, fejn preokkupazzjoni universali tinżera' f 'ħamrija lokali għalkollox, jafu jkunu potenzjalment tentazzjoni għal xi ġudizzju. Id-divorzju, l-ewtanażja, id-diżappunti fl-imħabba, ir- relazzjoni tal-ġenituri mat-tfal: kważi monotoni jew serji wisq fit- tematiċità tagħhom biex iwiegħdu xi forma ta' pjaċir letterarju, imma l-awtur qatt ma jiġġudika jew jaqa' fin-nasba li suġġetti jew ambjenti bħal dawn jistgħu jwasslu għaliha. Inbid tajjeb fi flixkun ġdid? Fil-każ ta' Camilleri u postu fit- tradizzjoni, jintiegħem tajjeb xorta, jew jekk t-togħma varjat xi it, huwa għall-aħjar. Jew forsi nbejjed mhux imtiegħma? Hemm pjaċir fil-qari tar-rakkonti ta' Camilleri għaliex taħt l-istar tal- istorja diretta u lineari mingħajr wisq lok għal xi esperimentazzjoni bin-nisġiet u l-forom, hemm sfumaturi ta' ilħna u toni, kif ukoll indħil narratorjali mkejjel li lill- qarrej jaf iġiegħlu jimmedeżima ruħu b'kumdità f 'dawn il-ġrajjiet tant familjari. Fil-fatt, saħħa ewlenija ta' din il-kitba li impressjonati hija l-identità Maltija tagħha, u għalhekk ir-rabta mat-tradizzjoni. Bħan-novellieri tal-bidu jew dak taħt id-dell ta' Temi Zammit, ħafna mill-ambjentazzjoni tar-rakkonti, u mhux biss dik fiżika jew konkreta, hija f 'realtajiet Maltin, fis-sens ta' kif jarawhom għajnejn l-awtur u kif jirreċtawhom il-karattri, sakemm naslu għall-identifikazzjoni u l-adozzjoni finali tagħhom mill- qarrej. Dan iseħħ ukoll bl-użu partikolari immens tal-lingwa Maltija: Camilleri Għawdxi, u sikwit jikteb b'mod mill-aktar naturali u mhux sfurzat jew deliberat, b'dik li hi x'aktarx l-ewwel lingwa tiegħu. Mhux biss kwistjoni ta' kliem li mill-ewwel nidentifikawh ma' Għawdex, jew inkella l-mumenti fejn l-awtur jirriproduċi d-djalett fid-diskors dirett, imma xi ħaġa li donnha tiskula fil-bqija tal-kitba. Il- Malti użat minn Camilleri mad-dieher jista' jidher arkajku (bejn ħafna virgoletti) imma jinstema' kontemporanju u mhux diffikultuż anki għaliex huwa espressjoni ġeo-lingwistika ħajja. 'Arkajiżmi' jew inkella kliem li m'aħniex imdorrijin narawh jew nużawh, iżda li xorta jwessgħu l-vokabolarju potenzjali tal-kittieb Malti mingħajr ma joqgħod jibża' jbill subgħajħ fil-baħar imqalleb tad-dizzjunarju. Fl-aħħarnett, Camilleri ħaqqu l-qari u l-attenzjoni xierqa anki minħabba attitudni low-key li xorta mhijiex timida fil-mod kif tesprimi ruħha permezz tal-kitba. Id-deskrizzjonijiet u x-xbihat, kif ukoll l-insiġ tar-riflessjonijiet issuġġeriti mill-iżvilupp tal- ġrajja, huwa ndħil ġentili ta' awtur empatiku u profond li kapaċi jinterpeta s-sitwazzjonijiet b'maturità li xxaqleb bejn il- kiebi u l-irrassenjat, imma xorta b'passjoni mqanqla u tħeġġeġ għall-istħarriġ tal-misteri tal- ħajja. Joe Camilleri

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 October 2021