Illum previous editions

ILLUM 10 April 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1464182

Contents of this Issue

Navigation

Page 24 of 27

25 illum • IL-ĦADD 10 TA' APRIL 2022 rakkont Innoċenti – It-tieni parti minn erbgħa F it-triq lejn il-qorti kien ħassu kważi ser jaqta' nifsu. Issa x'kien ser jiġri eżatt? L-avukat kien fissirlu kollox b'mod kawt, kien ħallu biex iħalli f 'idejh, kien avżah li hu kien ser jagħmel kollox għalih. Iżda issa li kien wasal fuq in-naħa ta' wara ta' dak il-bini għoli, jara l-geġwiġija ta' ġurnalisti li kien hemm lesti għalih ħalli jġibulu wiċċu fuq il-faċċata tal-gazzetti, iħammġuh fuq l-aħbarijiet, iħarbtulu unuru…………..issa kien qabad iħoss l-istonku jaħarqu, il-pali ta' jdejh jixxarbu bl-għaraq u saqajh kważi tqal għal kollox. U hekk malli xiref barra minn ġol-karozza tal-pulizija, inħasad bil-kmamar tar-ritratti u dawk tal-vidjos jippuntaw kollha lejh agħar minn għoxrin pistola kkargati fuqu. "Kont inti li qtilt lil Angela Debono?" "Tammetti li inti l-assassin ta' martek Angela Debono?" "X'kien il-mottiv wara dan ir-reat?" "Għalfejn qtilt lil martek?" Demis għatta wiċċu kif seta' hekk kif ġie skortat għal ġewwa l-qorti, jimxi bl-addoċċ flimkien mal-pulizija b'idejh immanettjati, iħossu bla saħħa għal kollox. U hekk qabel daħal ġewwa l-awla, neħħewlu l-manetti, tawh daqqa t'għajn u sab ruħu quddiem il-maġistrat li kellu dehra kemmxejn serja żżejjed hemm fuq il-pedestall. U rahom kollha fil-ġenb. Qalbu għamlet tikk. Il-familja tagħha. Ommha kellha għajnejha vjola. Missierha kien jidher imkisser u bla espressjoni. U oħtha kienet qiegħda tħares lejh b'xufftejha jirtogħdu. Fil-bidu kienu ħabbewh. Fil-bidu kienu jadurawh. Kienu jsajrulu. Laqgħuh f 'darhom. Kien imur jistad flimkien mal-kunjatu, imur jixtri miegħu u jgħaddu s-siegħat jitkellmu fil- ġnien b'tazza birra kull wieħed fis-sħana tax-xemx. Iżda mbagħad……… L-affarijiet kienu nbidlu. Kienu qabdu jissusspettaw ħażin fih. Kienu umbrawh. Ftakar f 'meta kienu keċċewh minn darhom għax kien mar iħabbtilhom fis-sakra. Meta kienu ġew f 'daru u ma ħallihomx jidħlu għax kienu jridu jaraw lil Angela. Ja nies ħżiena! Kienu umbrawh għalxejn għax dak iż-żmien kien għadu lanqas biss iltaqa' ma' Michaela! Kienu ħallew lin-nies zekzieka jimlewlhom rashom! Ja qabda nies ingrati! U beda jiġri kollox hekk quddiemu. Is-silenzju li kien hemm fl- awla kont taqtgħu b'sikkina. U ma kien ser jinsa' qatt dak il-mument li l-avukat beda jitkellem dwaru, jiddefendih, jipprova jneħħilu l-isem imtappan li kien qed jiggranfa miegħu qisu ġifa. "L-imputat huwa nnoċenti. Ma kellux għalfejn joqtolha……… filfatt huwa għadu xxukkjat bl- akkadut s'issa!" kien qed jisimgħu jgħid Demis mingħajr ma għolla rasu minn mal-art. U f 'ħakka t'għajn sema' l-maġistrat jitkellem u ra lill-familja tagħha jippanikjaw. Ma kienx jaf x'kien qed jiġri. Ma kienx jaf għalfejn l-avukat tiegħu beda jitbissem. U dak il-ħin resaq lejh l-avukat tiegħu, fesfislu xi ħaġa f 'widnejh li ma tantx fehem u l-pulizija telqu bih 'il barra. U mbagħad kien ħareġ hemm barra fix-xemx tiżreġ quddiem il-qorti. In-nies kienu qegħdi jispekulaw fuqu u għalhekk ħaduh ikellem lill-avukat f 'post kemmxejn imwarrab. "Ingħatajt il-liberta proviżorja………..issa rridu nippruvaw illi inti innoċenti…….." qallu l-avukat. Kien ħareġ xi somma flus u ngħata l-liberta taħt diversi kundizzjonijiet. Skont l-avukat ma kellhomx provi biżżejjed. Ma kienux ċerti jekk kienx inċident sfortunat jew inkella jekk kienx intenzjonat. Imma minħabba d-drittijiet umani, ma setgħux iżommuh imsakkar jekk ma kienx hemm provi ta' ħtija. Iżda xħin daħal f 'daru. Xħin ra l-kċina vojta. Xħin mar fil-kamra tas-sodda. Xħin dalam…….. Dar iħares lura fl-entratura tal-bieb u donnu sema' l-passi. "Demis, jiena ġejt lura……….." beda donnu jismagħha tgħidlu. Dak il-leħen tagħha li kien daħal fit-tanbur ta' widnejh. Kien inħasad. Ħass ġismu jqum xewk xewk. Imbagħad kien ordna xi ħaġa tal-ikel u qagħad bilqegħda fuq is-sufan waħdu, jaħseb f 'dak li kien għadda mingħalih wara li kien ħa xawer tajjeb u kien qagħad iħoss l-ilma nieżel minn fuq moħħu għal fuq sidru, jittama li ma kienx ser jerġa' jispiċċa maqful ġewwa. Issa x'kien ser jaqbad jagħmel? Il-grillu li kien qed isaffar hemm barra fil-ġnien ta' wara d-dar tiegħu, kien qabad idejqu wkoll, kien qabad jagħtih fastidju. Issa x'kienu qegħdin jaħsbu n-nies fuqu? Hu kien innoċenti. Hu żgur kien innoċenti. Taħbita żgħira mal-bieb. Bħal tifel żgħir li kien jibża' mill- babaw, Demis tgħatta taħt il-gverta l-blu li kien hemm fuq is-sufan, iħares minn taħt, donnu imwerwer b'dak li kien ser isib jistennieh wara l-bieb. Tgħid kienu reġgħu ġew għalih? Tgħid…………. "Demis, Demis, naf li qiegħed hawn!" sema' leħen familjari wara l-bieb. Dik! Dik x'kienet ġiet tagħmel hawn? Dik…………. Qam malajr minn fuq is-sufan u telaq iħaffef lejn il-bieb, jiftħu beraħ b'għajnejh imberrqin mhux ftit, il-kaxxa tal-pizza li kien qiegħed jiekol ftit qabel mormija bl-addoċċ fit-tarf tas- sufan. "Int? Kif ġejt hawn?" staqsieha jħoss id-demm tiela' f 'rasu. Allaħares jindunaw li kellu oħra, għax aktar kienu ser jissusspettaw ħażin fih! "Ma stajtx noqgħod mingħajrek! Ma stajtx………….Demis!" qaltlu Michaela hekk kif intefgħet tgħannqu u tbus fih. Qabad ġibidha 'l ġewwa, ta daqqa t'għajn lejn l-inħawi, assigura ruħu li ma kien hemm ħadd u sakkar il-bieb sew. Ma kienx innota li wara l-bieb kien hemm dell moħbi wara l-kantuniera. Dell ta' xi ħadd li kien qiegħed għassa tiegħu. Dell ta' raġel li kien xi ftit twil iżżejjed u li kien liebes nuċċali fuq il-ponta ta' mnieħru. Ir-raġel kemmex moħħu u telaq 'l hemm. Resaq lejn il-karozza li kellu pparkjata mal-bankina u telaq malajr. Daħal f 'daru, fejn kellu persuna mimduda fuq sodda li ftit qabel kien sabha kważi bla ħajja, tissielet mal-mewġ u li kien salvaha kif seta'. "Jiena Dottor Seguna," kien qalilha meta kien ġabha għandu, wara li kienet għamlitlu premura biex ma jeħodhiex l-isptar. "Irrid favur kbir mingħandek," kienet qaltlu din il-persuna xi jiem qabel. U hu kien għamel eżatt kif kienet qaltlu. L-istorja tagħha kienet messitlu qalbu u kien ried jgħinha. "Jiena innoċenti…………." Demis kien qiegħed jgħid lil Michaela fuq is-sufan, jaqbdilha jdejha t-tnejn u bid-dmugħ nieżel minn m'għajnejh. "Ir-raġel tiegħi jrid ipatti ta' kollox…………..ir-raġel tiegħi mhux innoċenti," kienet qiegħda tgħid dik il-persuna lit-tabib Seguna, hekk kif qamet ftit 'l fuq fuq iż-żewġ kuxxini li kien qegħdilha wara daharha, bi ftit tbatija. Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 April 2022