Illum previous editions

ILLUM 17 April 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1464864

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 23

05 illum • IL-ĦADD 17 TA' APRIL 2022 aħbarijiet It-tpoġġija ta' Malta fil-Lista l-Griża hija l-akbar kaġun għar-reputazzjoni ħażina ta' Malta... jaħsbu ħafna Maltin! Il-poplu fejn jara li tinsab ir-reputazzjoni ta' Malta? U għaliex? Imma Malta rilevanti fir-realtà tal-politika globali? U ma' liema pajjiżi għandna relazzjoni politika tajba? Il-Fakultà tal- Benesseri Soċjali fittxet it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ftit iktar minn tlieta minn kull 10 Maltin jemmnu li r-reputazzjoni ta' Malta barra mill-pajjiż hija ħażina jew saħansitra ħażina ħafna u bejn wieħed u ieħor l-istess persentaġġ ta' Maltin jemmnu li hija tajba jew tajba ħafna, bir-raġunijiet għal dan ivarjaw għalkemm l-fatt li Malta tpoġġiet fil-lista l-Griża, flimkien mar-reputazzjoni tajba u l-ekonomija kienu fost l-aktar raġunijiet li ssemmew. Ir-reputazzjoni ta' Malta kienet parti ċentrali minn narrattiva tal- Partit Nazzjonalista kemm wara li kienu ħarġu l-ismijiet fil-Panama Papers u li fihom kien hemm Konrad Mizzi u Keith Schembri, u ħraxet aktar wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia - qtil li spiċċa fuq l-aħbarijiet u l-gazzetti kważi kollha fl-Ewropa, l-Istati Uniti u lilhinn. Il-PN jisħaq fil-fatt li dawn iż-żewġ avvenimenti lagħbu parti importanti fl-iżvilupp li wassal biex Malta spiċċat fuq il-Lista l-Griża tal-FATF. F'eżerċizzju mill-Fakultà tal- Benesseri soċjali, li kien jinkludi sondaġġ xjentifiku, jirriżulta illi meta mistoqsijin biex jagħtu marka mill-1 sal-5 dwar ir-reputazzjoni ta' Malta barra mill-pajjiż, b'1 ifisser li pajjiżna għandu reputazzjoni ħażina ħafna u '5' tajba ħafna, kienu 13% taw marka ta' '5'. Mhux wisq aktar - 14.8% - jemmnu li pajjiżna għandu reputazzjoni ħażina ħafna u 16.7% ma' dawn jemmnu li r-reputazzjoni ta' Malta barra mill- pajjiż hija ħażina. Dan b'kollox jgħodd għal 31.5%. Huma 31.8% li jemmnu illi r-reputazzjoni hija tajba hekk kif 18.7% jemmnu li pajjiżna għandu reputazzjoni tajba (imma mhux ħafna) u allura taw marka '4'. Maġġoranza relattiva ta' 36.7% jemmnu li r-reputazzjoni ta' Malta la hija ħażina imma lanqas tajba. L-inqas pożittivi dwar ir- reputazzjoni ta' pajjiżna huma dawk b'edukazzjoni terzjarja li pparteċipaw fis-sondaġġ u li bħala medja taw marka ta' 2.85 minn ħamsa, dawk li jgħixu fil-Punent tal-Port (Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Birkirkara, Ħal Qormi...) fejn ingħatat marka ta' 2.66 u dawk li jaqilgħu l-aktar li taw marka ta' 1.97 biss. Skont dan is-sondaġġ xjentifiku li sar mill-kumpanija Sagalytics l-akbar persentaġġ ta' nies li taw marka '1', '2' jew inkella '3' u allura li huma negattivi jew inkella newtrali dwar ir-reputazzjoni ta' Malta semmew il-fatt li Malta tpoġġiet fil- Lista l-Griża bħala l-fattur ewlieni li qed iwassal biex titpoġġa f 'dawl ikrah ir-reputazzjoni Maltija. Kienu fil-fatt maġġoranza assoluta ta' 56.2% ta' dawk li taw marka waħda biss li semmew il- Lista l-Griża, kif semmewha 44.9% ta' dawk li taw marka '2' u 31.9% fost dawk aktar newtrali u allura taw marka '3'. L-FATF tissemma' wkoll minn 7.2% ta' dawk li taw marka '4' u allura li jħossu illi r-reputazzjoni ta' pajjiżna hija tajba. Raġunijiet oħrajn li jissemmew minn dawk li jħossu illi r-reputazzjoni ta' pajjiżna xejn mhi f 'qagħda tajba hija l-korruzzjoni, il-Gvern u anke l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, li iżda jissemma' minn persentaġġi pjuttost żgħar. Fost dawk li jemmnu li Malta għandha reputazzjoni tajba l-aktar li jissemmew huma r-relazzjoni tajba ta' Malta ma' pajjiżi oħrajn u l-ekonomija/turiżmu. Fil-fatt 13.5% ta' dawk li pparteċipaw u taw marka '4' qalu illi Malta għandha relazzjoni tajba ma' pajjiżi oħrajn, filwaqt li 13.5% oħrajn semmew l-ekonomija b'saħħitha ta' Malta. 24.4% ta' dawk li taw marka '5' sempliċiment qalu li Malta għandha reputazzjoni tajba, kważi 18% semmew l-ekonomija u t-turiżmu u 14% qalu li Malta għandha reputazzjoni tajba għax pajjiżna jinsab "fit-triq it-tajba." Iċ-ċokon ta' pajjiżna jagħmilna ineffettivi globalment - jaħsbu ħafna Maltin L-istess sondaġġ staqsa wkoll lin-nies x'jaħsbu dwar l-irwol politiku ta' pajjiżna fid-dinja, bil- maġġoranza relattiva tindika b'mod ċar illi ma jarawx li Malta għandha xi rwol partikolari fil-politika mondjali. 41% qalu illi Malta ma tilgħab ebda irwol fil-politika internazzjonali b'17.8% jgħidu li ma tilgħabx irwol u 23% jisħqu u jispeċifikaw li ma tilgħab ebda rwol. Minn naħa l-oħra 28.4% jaħsbu li għandha rwol, li minnhom 14.6% jemmnu li għandha rwol importanti ħafna. Interessanti wieħed jara wkoll li mill-ġdid f 'dan il-każ dawk b'edukazzjoni terzjarja huma l-iktar nies li jaħsbu illi Malta ma għandhiex irwol x'tilgħab fid-dinja politika globali u magħhom dawk li għandhom l-akbar dħul. L-aktar li jemmnu illi Malta għandha rwol importanti x'tilgħab huma l-anzjani u dawk li jaqilgħu l-inqas. Il-maġġoranza assoluta ta' dawk li taw Marka '1' - u allura li jemmnu illi Malta ma tilgħab ebda rwol politiku globali, jemmnu li ċ-ċokon ta' pajjiżna jikkontribwixxi għal dan. Fil-fatt kienu 76.3% minn dawn li semmew iċ-ċokon. L-istess kif 82.6% ta' dawk li taw marka '2' u allura ma jemmnux li Malta għandha rwol globali u anke 49.8% ta' dawk li taw marka '3' - u allura huma ħafna iktar newtrali - ukoll semmew id-daqs ta' Malta bħala raġuni ewlenija għall-fatt li pajjiżna ma għandux irwol importanti fid- dinja. Il-fatt li Malta reġgħet kienet fuq il-Grey List fil-fatt kienet imsemmija mill-ġdid hawnhekk kif issemmiet in-nuqqas ta' rilevanza, il-korruzzjoni u r-reputazzjoni ħażina. Fost dawk li kienu aktar newtrali issemma l-fatt li Malta hija pajjiż f 'nofs il-Mediterran, il- fatt li għandna ekonomija b'saħħita u anke li l-midja tgħin biex Malta tkun aktar magħrufa. L-ekonomija u l-ġeografija ta' Malta kienu tnejn mir-raġunijiet li ssemmew minn fost dawk li taw marki '4' jew '5'. Fil-fatt 21.3% ta' dawk li qalu illi Malta għandha rwol fid-dinja semmew il-fatt li pajjiżna jinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran u 16.3% semmew il-fatt li Malta hija magħrufa. 14.3% ta' dawk li taw marka '5' u allura jemmnu li pajjiżna għandu rwol importanti ħafna, fakkru li kull pajjiż għandu rwol politiku u strateġiku x'jilgħab filwaqt li preċiżament l-istess ammont semmew l-ekonomija. 10.2% ta' dawk li taw l-ogħla marka qalu illi Malta għamlet progress fl-aħħar snin, filwaqt li ssemmiet ukoll il-pandemija u l-mod kif il- Gvern tratta din il-kwistjoni. Minn naħa l-oħra iżda 75.6% tal-Maltin u Għawdxin jemmnu li Malta għandha rwol x'tilgħab fil-Mediterran, b'dan l-irwol ikun importanti (25.6%) jew saħansitra importanti ħafna (52%). L-Italja, il-Libja u r-Renju Unit: L-aktar pajjiżi li magħhom Malta għandha relazzjoni tajba Il-Fakultà staqsiet ukoll liema pajjiżi jemmnu li Malta għandha relazzjoni tajba magħhom. L-aktar li ssemmew u allura l-aktar pajjiżi li l-Maltin jemmnu li għandna relazzjoni tajba magħhom huma l-Italja u l-Libja, segwiti mir-Renju Unit - li minn marka ta' 1 (ma għandniex relazzjoni tajba) u 5 (relazzjoni tajba ħafna) kollha ġabu punteġġ ta' bejn 3.5 u 4. L-inqas punteġġ ingħata lir- Russja b'2.6 u dan minkejja li meta sar dan is-sondaġġ lanqas biss kienet għadha bdiet il-gwerra mal- Ukrajna. Li jfisser illi probabbilment il-perċezzjoni diġà mhux daqstant tajba dwar ir-relazzjoni Malta - Russja, kompliet tiggrava. Kważi 60% jemmnu li huwa importanti ħafna li Malta jkollha relazzjoni tajba mal-Unjoni Ewropea, 37% jaħsbu li r-relazzjoni ta' Malta mal-Istati Uniti hija tajba u 57.2% jaħsbu li Malta għandha relazzjoni tajba mar-Renju Unit. Fil-każ tar-Russja huma biss kważi 18% li qalu illi Malta għandha relazzjoni tajba ma' dan il-pajjiż - iżda minn naħa l-oħra dan il- persentaġġ jaqbeż 'il fuq għal 69.2% fil-każ tal-Italja. Huma 64.4% dawk li jemmnu li Malta għandha relazzjoni tajba mal-Libja, iżda dan jinżel għal 26.4% fil-każ tat-Turkija. Il-Ministeru tal- Affarijiet Barranin xi rwol jilgħab? Ta' sikwit issir il-mistoqsija dwar kemm il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej jista' jagħmel differenza illum, fir-realtà ta' Malta imsieħba fl-Unjoni Ewropea. Fil- fatt - ħafna drabi - dan il-Ministeru huwa meqjus minn uħud bħala xi ftit ta' daqqa ta' sieq, hekk kif il-Ministru jispiċċa jinqata' mill- kostitwenza. Imma l-Maltin jaħsbu li għandu rwol jew le x'jilgħab dan il- Ministeru biex ir-reputazzjoni ta' pajjiżna tkun imsaħħa? 84.5% wieġbu fl-affermattiv u allura - iva - jaħsbu li dan il- Ministeru huwa importanti jew importanti ħafna biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni tal-pajjiż. L-aktar li jaħsbu illi għandu jsir huwa djalogu ma' pajjiżi oħrajn, li jissemma minn 19.2%, ħidma biex Malta titneħħa mil-lista l-griża tal-FATF li tissemma minn 12.1% u 12.1% oħra jsemmu kif dan il-Ministeru jista' jgħin biex ikun hawn politika aktar nadifa.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 17 April 2022