Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1464864
Funded by the European Union Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta. 07 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 17 TA' APRIL 2022 Proposta għal servizz ta' interpretazzjoni bla ħlas u korsijiet tal-lingwa speċjali għal studenti Ukreni Eluf kellhom jitilqu minn djarhom fl-Ukrajna. Eluf ta' nies vulnerabbli, l-aktar it-tfal. Il-gazzetta ILLUM tanalizza r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il- protezzjoni tat-tfal Ukreni li qed iħallu pajjiżhom... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-gwerra tal-Ukrajna għandha diversi uċuħ, wiċċ minnhom huwa dak ta' eluf kbar ra' refuġjati tfal u nisa li huma meqjusin ħafna aktar vulnerabbli tant li l-Parlament Ewropew stess ressaq u għadda riżoluzzjoni li permezz tagħha qed jitlob lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-protezzjoni u għajnuna meħtieġa lil dawn. Fost oħrajn, il-Parlament jgħid li għax jirrikonoxxi l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri fl-integrazzjoni tal-istudenti fis- sistemi tal-edukazzjoni hemm bżonn li dawn jingħataw servizz ta' interpretazzjoni bla ħlas, korsijiet tal-lingwa speċjali u programmi speċjali oħra għar-reklutaġġ ta' għalliema Ukreni. Dan hekk kif numru ta' studenti Ukreni qed jispiċċaw fi skejjel ewropej mingħajr iżda il-ħiliet meħtieġa biex jikkomunikaw, xi ħaġa li qed tagħmel l-integrazzjoni ta' dawn ir-refuġjati waħda diffiċli. Ir-riżoluzzjoni li għaddiet dan ix-xahar stess tisħaq illi hemm bżonn li jkun hemm tagħlim formali u anke informali li jipprovdi appoġġ speċjalizzat speċjalment lil studenti Ukreni li jkunu ġejjin minn komunitajiet diġà vulnerabbli fl-Ukrajna bħar- Rom. B'hekk ikun limitat it-tluq bikri mill-iskola u tkun miġġielda s-segregazzjoni fl-iskejjel. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew qed tħeġġeġ lill- Kummissjoni Ewropea sabiex tuża bl-aħjar mod l-għodod u t-tagħmir edukattiv diġitali eżistenti, speċjalment dawk żviluppati fl-Ukrajna, "biex tiżgura li t-tfal kollha jkunu jistgħu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom." Qed tappella wkoll biex il- Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi u lill-iskejjel jiffaċilitaw l-aċċess għal kura psikoloġika li kapaċi jiffaċċjaw u jitkellmu ma' persuni li għaddew mill-esperjenza kerha tal-gwerra. Dawn ukoll jgħinu sabiex jagħtu appoġġ lill-għalliema u dawk kollha li jiġu f 'kuntatt dirett ma' tfal trawmatizzati. Garanzija ta' xogħol, edukazzjoni u taħriġ liż-żgħażagħ Ukreni Ir-riżoluzzjoni qed tipproponi wkoll li fid-dawl tal-famuża Garanzija għaż-Żgħażagħ dawk ir- refuġjati kollha Ukreni ta' 15-il sena jew aktar għandhom jingħataw impjieg, edukazzjoni, taħriġ jew apprentistat fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jieqfu mill-edukazzjoni formali. Il-Parlament Ewropew qed iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaċċertaw illi l-offerti li jingħataw dawn iż-żgħażagħ ikunu ta' kwalità għolja u bi protezzjoni soċjali, li ma jħallux - per eżempju - lil dawn il-ħaddiema jaħdmu b'kuntratti abbużivi. Ir-riżoluzzjoni tkompli tisħaq ukoll dwar l-importanza li jkun żgurat illi f 'dan il-proċess kollu jiġu meqjusa l-bżonnijiet kollha tat-tfal u żgħażagħ LGBTIQ+, "b'mod partikolari billi jiġu pprovduti arranġamenti sikuri u xierqa ta' akkoljenza jew kura u jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fil-punti ta' qsim tal-fruntieri." Ir-riżoluzzjoni tfakkar fid- diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom tfal ta' koppji LGBTIQ+ u s-sogru li dawn jiġu separati minn mal-ġenituri, apparti wkoll id- diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom nisa trans meta jkunu qed jaqsmu l-fruntiera. L-importanza li t-tfal jibqgħu dejjem qrib il-ġenituri jew ma' familja Il-Parlament Ewropew jenfasizza ħafna f 'din ir- riżoluzzjoni dwar l-importanza li t-tfal jibqgħu mal-ġenituri, ma' aħwa u fejn possibbli fl-ambjent ta' familja. "It-tfal għandhom id-dritt u ħtieġa li jkunu qrib il-ġenituri tagħhom jew persuna li tieħu ħsiebhom b'mod kostanti," ifakkar il-Parlament li jkompli jisħaq fuq l-importanza li l-aħwa ma jiġux separati u għalhekk fuq l-importanza li t-tfal mhux akkumpanjati jiġu ospitati f 'familja u fil-komunità. Fil-każ ta' tfal Ukreni mhux akkumpanjati allura qed jipproponi li tingħatalhom prijorità għall- foster care. Il-Parlament Ewropew permezz ta' din ir-riżoluzzjoni - li fil-fatt tiġi fid-dawl ta' bosta oħrajn li jitrattaw l-Ukrajna u l-gwerra hemmhekk - qed jipproponi kontinwità fil-kura. Dan billi jkun assigurat li tiġi pprovduta mediċina essenzjali għall-pazjenti bl-HIV, bil-kanċer u b'mard rari, fost oħrajn. Traġedja Umana: Miljuni ta' nies jaħarbu, ħafna tfal bla ċittadinanza l-aktar vulnerabbli Ir-riżoluzzjoni tibda billi tfakkar fit-traġedja umana kbira li qed isseħħ minħabba l-gwerra fl-Ukrajna b'aktar minn 2.2 miljun immigrant Ukren imorru l-Polonja, 579,000 ir-Rumanija, aktar minn 379,000 il-Moldova, kważi 343,000 l-Ungerija u aktar minn 545,000 lejn pajjiżi oħra, inkluż numru li ġew Malta. Tfakkar ukoll li skont statistika huwa stmat li meta bdiet il-gwerra kien hemm madwar 265,000 mara li kienet tqila bi 80,000 minnhom li mistennijin iwelldu fit-tliet xhur li ġejjin - xi ħaġa li tagħmilhom ħafna aktar vulnerabbli huma u jaqsmu l-fruntiera u jfittxu ħajja aħjar. Tagħmel referenza għall- Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda li qal illi fl-2021 kien hemm mill-inqas 35,875 persuna minn pajjiż terz jew inkella bla ċittadinanza fl-Ukrajna, inkluż ħafna mill-grupp Rom. Ir- riżoluzzjoni tfakkar ukoll li 55% tat-tfal imwielda f 'Donetsk u Luhansk u 88% tat-tfal imwielda fil-Krimea ġew irrappurtati li ma għandhomx ċertifikati tat-twelid jew dokumenti personali Ukreni. Kollha fatturi li qed jikkumplikaw id-dħul ta' dawn il-persuni fl-UE u l-integrazzjoni tagħhom fis- soċjetà. Il-Parlament Ewropew ifakkar ukoll illi kienu b'kollox 378 istituzzjoni tal-edukazzjoni sekondarja li nqerdu minħabba l-bumbardamenti. Ir-riżoluzzjoni ttemm tirrakkomanda "bil-qawwa" li l-uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal u servizzi kritiċi oħra jkunu preżenti u disponibbli fil- fruntiera "sabiex jidentifikaw il- vulnerabbiltajiet tat-tfal, b'mod partikolari billi jidentifikaw u jirreġistraw b'mod preċiż in- nazzjonalità mal-wasla tagħhom, u jirreferuhom għas-servizzi adegwati inklużi l-appoġġ psikosoċjali, l-appoġġ għas- saħħa tal-ommijiet, il-protezzjoni kontra l-vjolenza abbażi tal- ġeneru, it-traċċar tal-familja u l-appoġġ għar-riunifikazzjoni tal- familja."