Illum previous editions

ILLUM 15 May 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1467733

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 kotba illum • IL-ĦADD 15 TA' MEJJU 2022 Mark Vella ilu intrigat mill-biċċiet li jaqra regolarment ta' xogħol Charles Xuereb. Mhux Frankofilija għamja, imma stħarriġ attiv tal-memorja kollettiva, b'ħarsa proġettwali lejn il-futur demm. Xogħol simili bħal dan, maħsub biex jiddubita mit, sar ġa minn Mark Camilleri fil-każ tal-ġrajja fundamentali tal-miġja ta' San Pawl (Il-Mit Pawlin u l-abbuż tal-istorja Maltija, SKS 2013), għal darb'oħra ġrajja dwar kif l-istorja tul iż-żmien tintuża mis-setgħat biex twassal għal għanijiet oħra, essenzjalment l-ideoloġija u l-għarfien falz li jsir sens komun li qatt ma jiġi ddubitat. Ix-xogħol ta' Xuereb isemmi ħafna l-memorja, u mill- bidu jipproponi li bosta mill-miti storikament impreċiżi dwar dan il-mument storiku għandhom jiġu miuqa bl-iskapell kirurġiku għaliex għandhom effett fuq il- mod kif naraw lilna nfusna llum. Niakar f 'anedottu ċkejken ta' meta lejn l-aħħar tad-disgħinijiet, kont ipproduċejt flimkien ma' tliet kollegi oħra, dokumentarju għall-PBS li qatt ma ra d-dawl (minħabba li tlesta mal-bidla fil- gvern u allura f 'Malta nerġgħu lura għall-annu żero), imma li ssibu liberament fuq YouTube. Kwartakollox kien analiżi tal- aħħar kwart tas-seklu Malti qabel il-bidu ta' millennju ġdid u, entużjasti nispjegaw il-proġett tagħna lid-diriġenti tax-xandir nazzjonali, ġurnalist ewlieni kien iffriżana b' qawl tat-tip 'History, hux...ismu miegħu', fis- sens li l-istorja ġrat u daqshekk, mingħajr bżonn ta' studju u interpretazzjonijiet. Ktieb moqri, magħluq, u mħolli għal dejjem fuq l-ixkaffa. L-istoriku vera ta' maġenbi kien beda jbiddel il- kuluri, imma almenu rnexxielna ntiru minn fuq din il-banalità u x-xogħol sar kif ridna. Hija attitudni li Xuereb irid jaffrontaha bir-ras u bis-sieq, kif ngħidu, u f 'dan il-volum ta' suċċess iħares lejha minn diversi angoli: mhux biss mill-aspett tad-dokumentazzjoni storika tal- ġrajja politika, imma anki mill- effetti sussegwenti tar-rakkont, in-narrattiva u r-riproduzzjoni. Hemm taqsima lejn l-aħħar li tinteressani li wkoll tħares lejn l-istoriċiżmu tal-kittieba tar- rumanz storiku-romantiku Malti li spiss is-servew bil- Franċiż bħala antagonist utli għall-intreċċ u l-għan politiku tal-ġrajja tagħhom. Din mhijiex biss ħaġa tal-imgħoddi, għax kif juri Xuereb, in-narrattiva dwar dan il-perjodu (bħan-narrattivi dwar kull perjodu storiku ieħor, wara kollox), iwasslu għal manipulazzjonijiet, anki fi żmienna, li jiġu pperpetwati mid- diversi mezzi tax-xandir. Fl-introduzzjoni, Xuereb jelenka lista ta' miti li, imqiegħdin kif inhuma, isiru stalletti għall- konxju edukat Malti li ma jiblax kollox kif ġieb u laħaq. Il-ħerba u s-serq mill-knejjes, l-Imblokk, imma anki l-miti dwar ix-xabla ta' La Vallette li rriduha lura akkost ta' kollox. L-awtur għalhekk jerġa' jżur dak li jsejjaħ '(I)mkejjen tal-memorja' fejn il-verità, jew almenu parti sostanzjali minnha, ġiet mgħawġa b'modi inkredibbli. Fuq livell minnhom, dan jaf ikun rumanz tal-biża', speċjalment għal min għandu ċ-ċertezzi kbar: anki s-sempliċi fatt li l-famuża rewwixta kontra l-Franċiżi setgħet kienet ribelljoni ta' bdiew u raħħala injoranti mmexxija minn konfoffa bejn il-Knisja u l-Maltin Anglofili f 'ġieh li nibdlu kollox biex ma nibdlu xejn, taf tolqot fil-laħam il-ħaj u tneżżagħlek is-saffi li bihom tlibbist tul is-snin u li ħarsuk mill- element li jisfidawlek iċ-ċertezzi. Tant hu hekk, li s-suppożizzjoni ta' Xuereb hija fil-fatt li l-Malti jaf qed ibati minn 'marda storika': il-memorja tiegħu hija waħda misduda, jew inkella mibnija paradossalment fuq in-nisi, u għalhekk dan jaf ikollu effett fuq ir-relazzjoni soċjali bejn l-esperjenza tal-imgħoddi u l-istennija tal-ġejjieni. Kull storiku fl-aħħar mill-aħħar huwa/għandu jkun storiċista, jekk insejsu l-mestier fuq premessi bħal dawn, imma Xuereb bir-raġun jinsisti li jkun magħruf b'dan il- 'laqam' akkademiku għall-fatt li xogħlu huwa essenzjalment li jipproblematizza r-rakkont, in- narrattiva u l-mod kif ngħidu l-istejjer dwarna nfusna, lilna nfusna.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 May 2022