Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1470552
11 storja illum • IL-ĦADD 12 TA' LULJU 2022 Ġunju 1919: pajjiżna (2) Is-sitwazzjoni kienet tant ħażina li bilfors kienu se jisħnu l-irjus. Fuq dan ma kienx hemm dubju. Ħdax-il xahar qabel, f 'Jannar 1918, f 'ittra lis-Segretarju tal-Istat għal-Kolonji, il-Gvernatur kien informah li l-massa l-kbira tal-poplu ftit li xejn kellha x'tiekol. Irrapporta li anki l-pitrolju ma setax jinkiseb għax kien skars u dan kien ifisser li l-Maltin lanqas setgħu jsajru l-ftit ikel li kellhom. Fi kliemu, numri kbar ta' nies kienu f 'riskju serju li jmutu bil-ġuħ. Il-Gvern mhux talli ma kellux flus, imma kien qed isofri min defiċit qawwi u l-faqar tan-nies żgur li ma kienx jippermetti żieda fit-taxxa. Fl-istess perjodu, żdiedu fin-numru u fl-insistenza tagħhom, il-petitizzjonijiet għal riforma politika li tagħti lil Malta gvern rappreżentattiv. F'Novembru 1918 ukoll, l-avukat Filippo Sciberras, persuna meqjusa mill-Gvernatur bħala persuna ta' veduti moderati, sejjaħ biex l-għaqdiet kollha kostitwiti jiltaqqgħu f 'Assemblea Rappreżentattiva biex tiġi mfassla kostituzzjoni ġdida għal Malta. Din is-sejħa qajmet moviment kbir fil-gżira u l-għaqdiet wieġbu għas-sejħa bi ħgarhom. Bħallikieku li l-Gvern ma kellux diffikultajiet biżżejjed, kien huwa stess li żied mal-ferment meta ħarġet l-aħbar li l-Gvernatur kien ta' żieda fis-salarju lill-Kapijiet tad-Dipartimenti li kienu jpoġġu fuq il-Kunsill tal-Gvern u lill-Assistent Segretarju tal-Gvern. Ma setax jonqos li r-reazzjoni tal-iskrivani taċ-Ċivil tkun waħda ta' rabja kbira. Diżgustati b'dan l-aġir, kienu lesti jieħdu sehem fl-Assemblea Nazzjonali ta' Sciberras u waqfu biss milli jagħmlu dan fuq ordni, maħruġa fl-aħħar mumenti, mill- Gvern. Madankollu, skont gazzetta ta' dak iż-żmien, ħadd minn dawn l-iskrivani ma neħħa ismu minn riżoluzzjoni tal- Assemblea li kienet titlob għall-kostituzzjoni rappreżentattiva. Għal dawk iż-żminijiet din kienet azzjoni kuraġġjuża, għax membru taċ- Ċivil seta' jitlef l-impjieg tiegħu jekk jieħu sehem f 'attivitajiet politiċi. Kien f 'Mejju 1919 li l-iskrivani tal-Gvern waqqfu l-ewwel għaqda tal-impjegati magħrufa bħala Malta Civil Service Association. Biex tkompli titħawwad il-borma, tmiem il-gwerra ġab miegħu numru kbir ta' sensji fit-Tarzna u mill-qawwiet militari u navali Ingliżi. Sitt Maltin mejta Il-prezz tal-ikel baqa' jogħla u l-poplu it kien għad fadallu fejn jistkenn. Folol ta' nies bdew deħlin il-Belt ifittxu risposta. Ħafna minnhom kienu f 'qagħda ta' disperazzjoni. Id-dibattitu jaħraq li kien għaddej fost movimenti politiċi, gazzetti u l-istess nies fit- toroq fl-aħħar ħa in-nar u fis-7 ta' Ġunju 1919 seħħu l-irvellijiet li ħallew sitt Maltin mejta. L-Aġent Gvernatur, il-General Hunter-Blair, waqt li rraporta dak kollu li kien seħħ lis- superjuri tiegħu f 'Londra, stqarr li issa l-bidla kostituzzjonali għal Malta hija inevitabbli. Stqarr li wara dak li ġara dan l-iżvillup kien sejjer jitqies bħala dgħjufija fil-konfront tal-irvellijiet, imma ma kellux dubju li din kienet l-aħjar triq. Londra qablet miegħu u fl-1921 Malta kellha l-ewwel kostituzzjoni bi Gvern Responsabbli minkejja li kien hemm ħafna materji li baqgħu riżervati għall-Gvern Brittaniku. Għeluq F'dan l-artiklu, iktar min kollox, tajna ħarsa lejn is-sehem li lagħbet is-sitwazzjoni ekonomika ta' Malta sabiex inħmiet il-qiegħa għall-irvellijiet tas-Sette Giugno. L-artiklu juri biċ-ċar li d-diffikultajiet tal-poplu Malti kienu bdew ferm qabel din id-data storika u li ħafna nies kienu ilhom isofru l-ġuħ u l-għaks. Rajna wkoll li kważi kull attentat ta' riforma falla u, fejn ittieħdu passi, dawn impattaw ħażin fuq gruppi oħra, bħal per eżempju l-iskrivani tal- Gvern u taw lok għal militanza ġdida. Rajna li, saħansitra, lanqas Kummissjoni Rjali ma kellha daqshekk suċċess. wIktar ma ħżienet is-sitwazzjoni ekonomika, iktar żdiedet il-militanza tal- ħaddiema. Din il-militanza ġiet mogħtija aktar urġenza mill-gwerra u tul is-sena ta' wara t-tmiem tagħha. Ma' dawn kollha kellek il-ħidma politika tas-soċjetà Maltija. Fl-aħħar il-porvli splodew f 'daqqa. (Tmiem) Il-Monument tas- Sette Giugno