Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1471184
04 aħbarijiet IL-ĦADD 12 TA' ĠUNJU 2022 • illum 'It-triq tal-PN dwar l-IVF hija dik tan-nofs... li tirrispetta l-embrijun u lill-ġenitur' Il-Kelliem tal-PN għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM u jgħid għaliex l-Oppożizzjoni trid li jkun hemm għażla dwar l-ittestjar ġenetiku ta' embrijun, anke jekk il-Gvern qed jgħid li dik l-għażla diġà tinsab fl-Abbozz li ressaq... MARIANNA CALLEJA "It-triq tagħna hija it-triq tan- nofs, tal-komfort għall-koppji u għall-ġenituri li se jgħaddu mill- proċess tal-IVF." Hekk sostna mal- ILLUM il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri meta kien qed jirreferi għall-għażla bejn Polar Body Testing (PBT) - jiġifieri l-ittestjar tal-bajda biss jew il-Preimplantation Genetic Testing (PGT-M), proposta li l-Gvern qed jisħaq li fil-fatt diġà tinsab fil-Liġi kif ippreżentaha hu stess u allura ma hi proposta tal-Oppożizzjoni xejn. Ma jħossx Spiteri li meta l-Oppożizzjoni tkellmet kontra l-PGT-M - ittestjar ġenetiku biex ikun determinat hemmx problemi ta' mard li jista' jkollhom l-ulied mill-IVF minħabba mard rari ereditarju, qed tkun insensittiva? Li mhux tiem biżżejjed lill-koppji li se jkollhom tfal li jew imutu qabel it-twelid jew ikollhom tarbija li tgħix ħajja qasira u ta' tbatija kbira? Spiteri ma qabilx u sostna li l-Oppożizzjoni hija "sensittiva ħafna" għar-realtajiet ta' dawn il- ġenituri u qal illi l-PN irid bilanċ bejn l-embrijun u x-xewqa tal- ġenitur li jrid ikollu t-tfal. Huwa qal li l-Oppożizzjoni mhux vera ma taqbilx mal-iscreening u l-early detection sabiex ikun evitat il-mard u jitwieldu trabi b'saħħithom, imma sostna li fil- fatt hemm għażla oħra, jiġifieri li l-ittestjat isir fuq il-bajda. Huwa qal li mil-lista ta' disa' mard differenti li jissemmew fil-Protokolli fl-Abbozz tal- Gvern, tmienja minnhom jistgħu jiġu dijanostikati qabel il- formazzjoni tal-embrijun u allura t-test jista' jsir fuq il-bajda. Minkejja li l-Oppożizzjoni ma sejħitx Division fi stadju tat-Tieni Qari u allura sa issa qed tappoġġja dan l-abbozz (għad fadal l-istadju tat-tielet qari), Spiteri jgħid li l-proċess ta' PGT jista' jkun "invażiv fuq il-ħajja umana, selettiv għax qed jagħżel bejn embrijun u ieħor u distruttiv għax waqt l-intervent - anke jekk mhux b'intenzjoni - l-embrijun jista' ma jkomplix jikber, propju minħabba li jkun sarlu intervent." Huwa staqsa għaliex ma għandux jintuża l-proċess ta' PBT ladarba hemm din l-għażla. Fil-fatt Fearne, fil-Parlament, fakkar li l-abbozz isemmi l-PBT bħala għażla flimkien mal-PGT, bid-Deputat PM jagħmel l-istess argument: Għaliex ma għandhiex issir l-għażla favur tekonoloġija PGT ladarba din l-għażla hija disponbbli u toffri iktar ċertezza? 'Aħna nemmnu li dan it- testing għandu jsir imma biss f'eċċezzjonijiet' Spiteri mal-ILLUM, f 'eku wkoll ta' dak li qal Bernard Grech fil- Parlament, sostna illi l-eċċezzjoni mil-lista ta' mard rari hija l-Huntington's Disease f 'liema każ jista' jidħol il-bżonn tal-PGT minħabba li hemm 50/50 ċans li l-marda tkun ġejja jew mill-mara jew inkella mir-raġel. Mill-ġdid iżda Fearne ma qabilx ma' dan u sostna fil-Parlament nhar il-Erbgħa li b'dan il-proċess xorta tkun qed tevalwa biss mard rari ereditarju li ġej mill-mara u mhux mir-raġel u għalhekk - meta jsir ttestjat fuq il-bajda biss - huwa biss fit-twelid li l-koppja jew persuna tkun taf dik it-tarbija wirtitx dak il- mard rari jew le. "Aħna nemmnu li dan it- testing għandu jsir imma biss f 'eċċezzjonijiet," saħaq il-Kelliem għas-Saħħa tal-Oppożizzjoni. "Hekk nevitaw stockpiling ta' embrijuni għax it-testijiet isiru qabel il-formazzjoni tal-ħajja umana." Imma din il-kritika mhux diġà smajniha mill-PN? Din il-gazzetta nnutat ukoll illi fl-2018 il-PN ukoll kien għamel kritika qawwija fuq l-istess linji u kien qal illi ladarba l-Gvern kien se jdaħħal il-kunċett li l-embrijun se jkun jista' jibda jiġi ffriżat dan se jwassal għal telf ta' ħajja. Dan mhux talli ma ġarax, talli Chris Fearne żvela li ma ntremiex embrijun wieħed u li issa embrijuni ffriżati qed jiġu adottati wkoll. Allura dik kienet kritika fiergħa? U kif jista jkun krebiddli l-PN jekk beżża' b'xi ħaġa li ma ġratx? Huwa beda billi qal illi kif innutat il-gazzetta wkoll l-ewwel liġi li rregolat l-IVF fil-fatt saret minn Gvern Nazzjonalista filwaqt li mbagħad kompla jispjega kif it-tħassib tal-Partit Nazzjonalista fl-2018, meta kien qed jikkritka l-iffriżar, saret għax l-Oppożizzjoni riedet illi tevita siitwazzjoni fejn jintremew ħafna embrijuni, li jwassal biex jintremew il-ħajjiet. Minkejja dan, Spiteri għamilha ċara illi l-iffriżar tal-embrijun tagħti aktar sigurtà lill-koppja jew persuna li se tagħmel użu minn dan il-proċess, filwaqt li jfakkar ukoll li dan jevita li mara terġa' tgħaddi minn ċiklu ta' stimulazzjoni, u allura l-proċess ikun aktar effiċjenti. Mistoqsi mill-ġdid iżda dwar il-kritika li kienet saret fl-2018 il- Kelliem tal-PN saħaq illi "llum qed naraw li hemm domanda qawwija għall-IVF... u tajjeb ukoll li nitkellmu dwar il-kawżi tal- infertilità, bħalma wara kollox nindirizzaw diversi fatturi li jwasslu għal mard ieħor, bħal tal-qalb, per eżempju," temm isostni Stephen Spiteri ma' din il-gazzetta. X'inhi l-PGT-M? L-Awtorità Maltija responsabbli mill-embrijuni u l-IVF, b'konsultazzjoni mal-professjonisti, ħejjiet abbozz ta' protokolli għad-dijanjosi preġenetika tal-embrijuni u ġie stabbilit tmien mard li jista' jiġi identifikat għall-għażla tal-embrijuni. Dan ifisser li ġenituri prospettivi li jagħmlu użu mill-IVF, qabel l-impjantazzjoni fl-utru ikunu jistgħu jagħżlu jekk jaċċettawx embrijun b'mard ereditarju jew le. Dawn il-mard huma: Finnish Nephrotic Syndrome Gangliosidosis Huntigton Disease Joubert Syndrome Maple Syrup Urine Syndrome Spinal Muscular Atrophy Tay-Sachs Disease Walker Warburg Syndrome Stephen Spiteri