MaltaToday previous editions

ILLUM 3 July 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1472275

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 23

05 illum • IL-ĦADD 3 TA' LULJU 2022 aħbarijiet Tliet kwarti tal-Maltin jgħidu li ma jifilħux għal aktar żidiet fil-prezzijiet tal-ikel 74% tal-Maltin ma jifilħux għal aktar żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u anke jekk il-Gvern wiegħed li mhux se jżid il-kontijiet, 71% jgħidu li ma jkunux jifilħu għal żieda bħal din... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-ħajja qegħda togħla u dan huwa fatt, imma kważi tliet kwarti tal-poplu Malti - jew 74% - qalu li mhux lesti għal aktar żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, fid-dawl tal-invażjoni Russa fl- Ukrajna. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ippubblika ċifri li juru kif l-inflazzjoni kienet laħqet il-5.8%, l-ogħla rata fi snin. Il- Maltin fil-fatt huma ħafna iktar inkwetati mill-Ewropej dwar il-prezzijiet tal-ikel, hekk kif il- medja Ewropea ta' dawk li jħossu illi ma jifilħux għal aktar żidiet fil-prezzijiet tal-ikel kien ta' 59%. Dan jirriżulta minn sondaġġ tal- Ewrobarometru li kien ippubblikat f 'Ġunju li għadda. Fl-aħħar ġimgħat kienet innutata żieda fil-prezzijiet ta' diversi prodotti, l-aktar notevoli l-laħam taċ-ċanga, żejt tat-tisjir u prodotti ġejjin mill-ħalib. Dan huwa riżultat ta' żieda qawwija fl-għalf u l-ġwież, żieda li kienet diġà bdiet ferm qabel ma bdiet il-gwerra bejn ir- Russja u l-Ukrajna. Dan il-kunflitt affetwa bil-kbir l-esportazzjoni Ukrena ta' diversi prodotti bħal qamħ u qajjem diskussjoni sħiħa dwar kemm l-Unjoni Ewropea għandha ssir inqas dipendenti fuq pajjiżi terzi għall-ikel. Il-Bulgari, il-Griegi u ċ-Ċiprijotti huma l-inqas li qalu illi jifilħu għal aktar żidiet fil-prezzijiet tal-ikel b'10%, 11% u 11% oħra, filwaqt li l-aktar li qalu illi jifilħu huma d-Daniżi, l-Iżvediżi u l-Olandiżi b'83%, 77% u 72% rispettivament. Il-kontijiet f'Malta l-irħas... imma 71% qalu li ma jifilħux għal kontijiet ogħla Intant 71% tal-Maltin qalu li ma jifilħux għal żieda fil-prezz tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, filwaqt li 25% qalu li jifilħu għal dan. Mill-ġdid dan huwa ferm ogħla mill-medja ewropea, anke jekk fil-fatt il-prezzijiet tal-enerġija f 'Malta baqgħu pjuttost baxxi meta mqabbla ma' dawk fil-pajjiżi madwar l-UE. Fil-fatt b'indiċi ta' 96, il-prezzijiet domestiċi tal-enerġija f 'Malta skont il-Eurostat kienu l-inqas fl-UE kollha sa April u baqgħu stabbli, bl-ogħla prezzijiet jiġu rreġistrati fid-Danimarka fejn l-indiċi jitla' għal 416, in-Norveġja (316), il-Belġju (287) u l-Olanda (263). Iċ-ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw ukoll illi għall- aħħar xhur il-prezzijiet tal-enerġija baqgħu b'dan l-istess indiċi xhieda tal-politika tal-Gvern, li alloka €200 miljun din is-sena sabiex il- prezzijiet tal-enerġija ma jogħlewx. Mill-ġdid, l-inqas li huma lesti għal żieda fil-prezzijiet, skont dan is-sondaġġ, huma l-Bulgari, l-Griegi u ċ-Ċiprijotti b'9%, 11% u 11% oħra rispettivament. L-aktar huma n-nordiċi, id-Daniżi (85%) u l-Iżvediżi (79%) flimkien mal- Olandiżi (73%). Minkejja dan kollu 55% tal- Maltin qalu illi l-kunflitt affetwa l-livell ta' għixien tagħhom u jistennew li jkompli jiġri hekk, ħafna iktar mill-40% tal-popli Ewropej li jaħsbu l-istess. Il- folja tinqaleb xi ftit meta niġu għall-futur hekk kif 47% tal- Ewropej jaħsbu li għalkemm din il-gwerra għadha ma affetwatx il-livell ta' għixien tagħhom jistennew li dan iseħħ fiż-żmien li ġej. Huma 41% tal-Maltin li jaħsbu l-istess. Dawk il-Maltin li jaħsbu illi l-gwerra mhi se taffetwa xejn il- livell ta' għixien tagħhom huma verament ftit, 2% biss. Dan is-sondaġġ juri wkoll illi f 'kull każ kien hemm kważi unanimità fost impjiegi differenti ta' nies li jħossu li din il-gwerra impattat jew se timpatta l-livell ta' għixien tagħhom, ħlief f 'każ wieħed, dawk li ma għandhomx impjieg (50%). Dawk kollha li jaħdmu għal rashom u li pparteċipaw f 'dan is-sondaġġ esprimew il- ħsieb li din il-gwerra se tkun qed taffetwa l-livell tal-għixien tagħhom. B'mod ġenerali maġġoranza assoluta ta' 51% tal-Maltin ma huma xejn kunfindenti li ħajjithom mhux se tkun qed tinbidel minħabba l-gwerra. Dawn filwaqt li 47% huma kunfidenti li l-gwerra mhux se tbiddel il-livell ta' għixien tagħhom. B'33% il-Maltin huma l-aktar kunfidenti (ħafna), bil-persentaġġ ikun ħafna inqas fil-pajjiżi kollha l-oħrajn. Għalkemm f 'ħafna pajjiżi oħrajn in-nies kienu pjuttost kunfidenti. Fil-fatt, 50% tad-Daniżi kienu pjuttost kunfidenti filwaqt li 11% kienu kunfidenti ħafna, 45% tal- Irlandiżi kienu pjuttost kunfidenti filwaqt li 7% kienu kunfidenti ħafna u 46% tat-Taljani kienu pjuttost kunfidenti, filwaqt li 3% kienu kunfidenti ħafna. L-inqas popli kunfidenti huma l-Islovakki (12%), il-Griegi (13%), iċ-Ċeki (17%) u ċ-Ċiprijotti (20%). Interessanti li Malta huwa wieħed mill-it pajjiżi fejn dawk li għandhom aktar minn 55 sena huma aktar kunfidenti miż-żgħażagħ. Fil-fatt hekk kif 56% ta' dawk 'il fuq mill-55 sena huma kunfidenti, huma 42% ta' dawk il-Maltin bejn il-15 u l-24 sena li jaħsbu l-istess. Din l-istess xejra teżisti f 'Ċipru, l-Olanda, id-Danimarka u l-Ungerija, fost oħrajn. Il-but l-ewwel imbagħad il-valuri tal-libertà u d-demokrazija... Il-parteċipanti f 'dan is-sondaġġ tal-ewrobarometru kienu mistoqsija dwar il-gwerra fl- Ukrajna fid-dawl ta' żewġ fatturi: Il-valuri Ewropej tal-libertà u d-demokrazija min naħa u l-konsegwenzi tal-gwerra, fosthom l-għoli fil-prezzijiet minn naħa l-oħra. Il-Maltin kienu fost l-aktar fl- UE li qalu illi l-priorità għandha tkun l-istabbilità tal-prezzijiet, fuq konsiderazzjonijiet oħrajn ta' valuri. Fil-fatt kienu b'kollox 63% li jaħsbu hekk, komparabbli mal-Bulgarija (70%), l-Ungerija (67%) u r-Rumanija 62%. Huma 32% biss tal-Maltin li jemmnu illi l-valuri tad-demokrazija u l-libertà għandhom ikunu prijorità. L-aktar nazzjonalitajiet li jemmnu illi l-valuri għandhom jkunu prijorità akbar mill-istabilità tal-prezzijiet kienu d-Daniżi b'85%, l-Iżvediżi b'85% ukoll u l-Finlandiżi b'80%.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MaltaToday previous editions - ILLUM 3 July 2022