Illum previous editions

ILLUM 6 November 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1483498

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 27

09 Baġit2023 illum • IL-ĦADD 06 TA' NOVEMBRU 2022 progress kbir mill-2020... Iżda fl-ekonomija u fl-ambjent? Minkejja dan kollu, d-diskors ta' Grech xorta kien għaqli li ċċentra mal-aktar ħaġa li bħalissa qed jiddiskutu u qed jitkellmu dwarha in-nies u dan kien definittivament pass tajjeb minn naħa ta' Grech għax għamel id-diskors tiegħu ħafna aktar rilevanti għal dawk li qed isegwu u li forsi la jappoġġjaw partit u lanqas partit ieħor. 'Arahom x'jidħku' Diversi drabi Grech beda jgħid lit-telespettaturi illi d-Deputati tal-Gvern qed jidħku. Huwa għamel dan darbtejn, b'mod pjuttost effettiv. Darba meta kien qed jitkellem dwar il-faqar u l-għoli tal-ħajja, mill-ġdid u darba oħra meta kien qed jirreferi għal madwar €37 miljun f 'VAT li Steward għadhom ma ħallsux, "filwaqt li il-Gvern jagħmel ħajjet tal-laħam u tal- grocer infern." Dan ikompli mal-ewwel punt u allura kif Grech kien kontinwament qed jipprova jikkomunika mat-telespettaturi - li wieħed jassumi li kienu jlaħħqu ftit eluf ta' nies - biex ikompli joħloq din ir-rabja ta' setturi differenti ta' nies lejn il- Gvern f 'dan il-mument fejn qed naraw inflazzjoni għolja, pero' apparti minn hekk f 'mument fejn jidher ċar li r-rabja u d-diżilluzjoni lejn il-politika in ġenerali, speċjalment il-mod kif qed ikun trattat l-ambjent qed tilħaq livelli għolja. Grech huwa konxju ta' dan u għalkemm ma kkwotahomx, din il-gazzetta riċentement ppublikat żewġ sondaġġi: Wieħed li juri kif 64.5% tal- poplu huwa "inkwetat ħafna" bir-rata li biha qed isir il-bini u jingħataw il-permessi u ieħor li juri kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jemmnu li wasal iż-żmien li jkun hemm partit ġdid. Diversi sondaġġi oħrajn jirriflettu wkoll dan is-sens ta' diżillużjoni u rabja, speċjlament fuq l-ambjent u b'mod speċjali fost votanti żgħaħagħ. Metro, traffiku u aktar... Grech kien b'saħħtu wkoll meta tkellem dwar it-traffiku. U kien b'saħħtu fid-dawl tal- fatt li dan il-baġit bilkemm kien rikonoxximent xieraq tal-fatt li fl-aħħar ġimgħat kien hemm ħafna traffiku f 'ħafna żoni madwar il-pajjiż - inkluż f 'toroq li għadhom kif saru. Ir-realtà hi li dan il-Gvern - bħal ta' qablu - kompla bil- politika li tinċentiva ix-xiri u l-użu tal-karozza privata fuq kull għażla jew mezz ta' trasport ieħor u llum qed naqtgħu l-frott ta' din il-politika Nazzjonalista u Laburista fl-istess ħin. Naturalment Grech ma setax ma jagħmilx referenza għall- kumment tal-Ministru Aaron Farrugia dwar traffiku ikkawżat minħabba l-festi. Anke jekk dan il-kumment kien ittieħed barra mill-kuntest li fih intqal u anke jekk hija realtà li numru ta' toroq magħluqin minħabba l-festi jikkawżaw inkonvenjent, dan il-kumment tħalla jinfirex fuq il-midja soċjali, sar ċajta komuni fost ħafna li jtellgħu ritratti maqbudin fit-traffiku u għamel ħsara lill-immaġini tal- Ministru Farrugia u lill-Gvern. Il-fatt li l-baġit huwa kompletament nieqes mill- pjani u soluzzjonijiet għall- futur, apparti bini ta' toroq, u l-fatt li ma jsemmix il-Metro jew trasport tal-massa ta lill- Kap tal-PN l-ispazju kollu biex jimraħ fuq din l-isfida. Il-problema ta' Grech kien li apparti l-botti politiċi f 'waqthom ma fetaħx biżżejjed l-argument tiegħu dwar x'soluzzjonijiet qed joffri għal dak li qed joffri l-Gvern fil-qasam tat-trasport, speċjlament dak pubbliku u dak alternattiv. Imma x'inhi l-alternattiva? Filwaqt illi f 'dan id-diskors Grech kellu ċerta kritika inċiżiva u filwaqt li tjieb fit- tonalità u anke fil-mod kif jgħaddi l-messaġġ (delivery) - definittvament progress qawwi meta mqabbel mal-ewwel diskors bħala reazzjoni għall- Baġit lura fl-2020 - baqa' jonqos f 'punt kruċjali. Huwa veru li għadna 'l bogħod ferm minn elezzjoni ġenerali u wieħed ma jistenniex li kap ta' partit jikxef il-karti kollha minn qabel. Pero' f 'mument fejn hawn diżilużjoni fil-politika - speċjalment fuq il-kwistjoni tal- ambjent - wieħed kien jistenna li Grech se jkun ħafna iktar b'saħħtu u konvinċenti fuq din il-kwistjoni. Kif seta' kien aktar konvinċenti fuq x'riċetta fiskali kien jadotta kieku hu kien fil- Gvern, biex jilqa' għall-għoli tal- ħajja. Liema miżuri kien jieħu, iħalli barra jew itejjeb? Li tgħid "innaqqsu l-ħela" mingħajr ma tidentifika settur, settur fejn hija dik il-ħela u allura minn fejn se taqta' u kemm se taqta' mhux argument ekonomiku b'saħħtu biżżejjed. Apparti l-fatt li l-qtugħ tal-ħela - nobbli kemm huwa għan nobbli - huwa għan kważi impossibbli li tilħqu kollu u mhux se jgħin direttament lin-nies u l-konsumatur fl- immedjat, meta ffaċċjat b'inflazzjoni rekord. Filwaqt li l-kritika tiegħu dwar il-Bidla fil-klima u kemm Abela semmieha barra mill-pajjiż, iżda ma ngħatatx importanza fil-baġit, jew inkella kemm qed jiżdiedu dawk li jemmnu li l-iżvilupp qed ikerrah lil pajjiżna, speċjalment iċ-ċentri urbani tradizzjonali, tmiss ma' pjaga reali, l-alternattiva għal dan għadha sal-lum qatt ma kienet indirizzata bi proposti ċari li jmorru lilhinn mill-kliem fieragħ. "L-ambjent fil-qalba tal- politika... pjan fit-tul" qal Grech. Imma għal dawk li qed jarawh u jaqblu miegħu dwar l-istat tal-ambjent din l-istqarrija ma tfisser assolutament xejn. X'inhu l-pjan fit-tul? Liema policies irid ibiddel? Grech lanqas biss imqar elenka dak li kien wiegħed il-PN fl-aħħar elezzjoni f 'dan il-qasam, li nfakkruh illi l-maġġoranza enormi tal-poplu insiet kemm għax ma toqgħodx issegwi l-politika reliġjożament u anke għax ġeneralment il-programm politiku ta' min jitlef elezzjoni, ma jibqax daqstant rilevanti f 'għajnejn ħafna. Huwa xogħol il-PN li jżomm ir-rilevanza tal- Manifest Elettorali ħaj. "Nipproteġu l-pajsaġġ Għawdxi" qal Grech - u mill-ġdid l-Għawdxin jaqblu ħafna ma' dan, hekk kif is- sondaġġ ippubblikat fil-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd 23 ta' Ottubru juri kif 80% tal-Għawdxin huma inkwetati bl-iżvilupp. Iżda r-risposta ta' Grech x'inhi? Kif se jnaqqas l-iżvilupp f 'Għawdex? Billi jsir moratorju? Billi jinbidlu l-policies tal-ippjanar f 'Għawdex? U jekk Grech lanqas biss esprima ruħu kontra jew favur il-mina f 'dan id-diskors (semmieha biss biex jikkritika lill-Gvern) - proġett li jwassal biex żgur u mhux forsi jiżdied l-iżvilupp - kif jista' jkollu argument b'saħħtu kontra l-iżvilupp f 'Għawdex? X'viżjoni differenti għandu l-PN għal dawk il-koppji u anke individwi li qed isibuha dejjem aktar diffiċli jekk mhux kompletament impossibbli li jixtru dar? Iktar housing? Iktar skemi? U finalment, il-mistoqsija ta' dejjem: Liema formola ekonomika li tmur lilhinn mit- tkabbir li rajna fl-aħħar snin u li wasslet biex żdiedu l-ħaddiema barranin għandu l-PN? Innaqqsu t-tkabbir biex jonqsu l-barranin? Minkejja li Grech kien b'saħħtu fil-kritika u effettiv fl-identifikar ta' dak li qed idejjaq lin-nies bħalissa, ħalla wisq ħin limitat u fil-fatt kien limitat ħafna f 'dak li jitratta l-viżjoni alternattiva għal dik tal-Gvern. Problema rikorrenti fil-PN sa mill-2013, fejn ħlief għall-governanza, il- PN baqa' ma kienx konvinċenti biżżejjed illi dak li qed joffri hu huwa ekonomikament aħjar minn dak li qed joffri l-Labour. Xi ħaġa kkonfermata f 'kull elezzjoni minn dakinhar!

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 November 2022