Illum previous editions

ILLUM 20 November 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1484585

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 23

06 aħbarijiet IL-ĦADD 20 TA' NOVEMBRU 2022 • illum Il-Gvern jipproponi li tinħoloq lista ta' dawk li jsejjaħ 'razzez ta' klieb perikolużi' ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Emendi għall-Att dwar it- Trattament Xieraq tal-Annimali li qed ikun diskuss fil-Parlament bħalissa u li fil-fatt jinsab fi stadju tat-Tieni Qari jipproponi li l-Ministru jkollu l-jedd li jipprovdi lista ta' ċertu razez ta' klieb "li huma kkunsidrati perikolużi nkluż il-mod kif għandhom ikunu regolati." F'kummenti li għaddiet fuq il-programm Mill-Kamra is- Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif din l-emenda hija ibbażata fuq id- Dangerous Dogs Act tar-Renju Unit u li tfakkar illi għandha l-għan illi toħloq qafas ta' regolamenti li jipproteġu kemm ir-razza nnifisha imma anke lill- pubbliku in ġenerali. Mistoqsija jekk dan ifissirx li s-sidien ta' klieb li forsi ġejjin minn razza meqjusa aktar "aggressiva" għandhom jinkwetaw li l-Gvern se jieħu passi kontra l-annimali tagħhom, Bugeja Said wieġbet fin-negattiv. "Żgur li le. U tajjeb li ngħidu wkoll illi hemm diskussjoni wkoll fir- Renju Unit dwar l-użu tal-kelma perikoluża u jekk għandhiex tintuża jew le," kompliet tgħid - anke jekk fil-fatt huma l-emendi tal-Gvern stess li jużaw il-kelma "ikkunsidrati bħala perikolużi." Hija qalet li l-għan tal- Gvern huwa li jaċċerta illi jkun hemm il-prekawzjonijiet neċessarji meta s-sid ikun barra b'kelb li huwa meqjus perikoluż jew minn razza aktar aggressiva. Mistoqsija waqt l-istess programm għaliex tressqu dawn l-emendi hija qalet illi l-għan tal- Gvern huwa li jkompli jixpruna aktar protezzjoni, fid-dawl ta' nuqqasijiet fil-liġijiet kif inhuma sa issa li forsi ma jagħmlux l-implimentazzjoni daqstant faċli. Bugeja Said fil-fatt issemmi kif sal-lum id-Direttorat għat- Trattament Xieraq tal-Annimali irid dejjem jagħti avviż ta' 24 siegħa qabel jagħmel spezzjoni. "Dan ifisser allura li qisu qed jingħata ċans li tinħeba l-evidenza ta' moħqrija qabel ma ssir l-ispezzjoni. Issa qed naraw li ma nagħtux dan iċ-ċans aktar u li d-Direttorat ikun jista' jmur bil-pulizija u jieħu azzjoni dak il-ħin," spjegat is-Segretarju Parlamentari ma' Mill-Kamra. Fil-fatt l-emenda tgħid illi anke jekk il-preavviż jibqa' japplika f 'xi każi, dan ma japplikax meta "d-Direttur innifsu - u mhux kwalunkwe uffiċjal ieħor li qed jaġixxi bl-awtorità tiegħu - ikollu suspett raġonevoli fuq bażi ta' evidenza sostanzjali li twettaq reat taħt dan l-Att." Tgħid ukoll illi f 'każi fejn is-sid tal-proprjetà privata ma jkunx jista' jiġi identifikat minkejja dak li l-emendi jsejħu "sforzi raġonevoli", l-uffiċjal jista' jidħol permezz tal-forza u mingħajr il- kunsens jew twissija minn qabel tas-sid." Multi ħafna eħrex u reġistru Meta jkun hemm xi każ ta' moħqrija, dan jispiċċa fuq il- midja soċjali u jkollok baraxx ta' kummenti ta' kundanna. Dan kollu tajjeb, imma bil- kundanni biss mhux se naslu. X'qed jipproponi l-Gvern fejn jirrigwarda pieni? Se jħarrax il- ġlieda kontra l-moħqrija? Hija bdiet billi qalet illi l-eluf ta' kummenti huma riflessjoni pożittiva ta' kemm il-poplu sar aktar sensittiv fejn jirrigwarda l-annimali u l-importanza li dawn ikunu protetti. Hija qalet illi l-Gvern se jħarrax il-pieni bil-qawwi sabiex il-multi kontra l-moħqrija se jkunu qed jitilgħu saħansitra sa €60,000 għall-ewwel darba li jsir reat ta' dan it-tip u sa €80,000 jekk l-abbuż jerġa' jirrepeti ruħu. Apparti minn hekk l-emendi tal-Gvern qed jisħqu wkoll li l-Qorti tista' - meta tħoss li dan huwa xieraq - apparti l-piena, tiddeċiedi li żżomm persuna ħatja milli żżomm annimali f 'darha. Alicia Bugeja Said temmet tfakkar illi l-Gvern qed jipproponi wkoll li jkun hemm reġistru ta' nies ħatja ta' moħqrija li jinżamm mill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali sabiex b'hekk dawn ma jkunux jistgħu jrabbu annimali. Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tispejga li l-għan huwa l-protezzjoni tal-klieb infushom u l-pubbliku wkoll waqt li tfakkar li l-Gvern se jħarrax il-ġlieda kontra l-moħqrija tal-annimali Alicia Bugeja Said

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 November 2022