Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1495664
15 opinjoni illum • IL-ĦADD 26 TA' MARZU 2023 Roderick Galdes huwa l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes Inwettqu għal Malta flimkien S ena minn mandat ieħor b'saħħtu. Sena minn meta l-poplu Malti u Għawdxi, b'konvinzjoni u għat-tielet darba konsekuttiva, għażel Gvern Laburista. Sena minn meta l-poplu għażel lill-Prim Ministru Robert Abela bħala l-kaptan ta' pajjiżna. Sena, li matulha, b'umiltà, iżda b'determinazzjoni, komplejna nbiddlu għall-aħjar lil Malta u Għawdex tagħna. Sena, li ppreżentat sfidi kbar, iżda għax bqajna nġibu lill-bajda u l-ħamra qabel kull ostaklu, ħriġna rebbieħa. Il-viżjoni tal- Gvern dejjem kienet waħda. Li NWETTQU GĦAL MALTA FLIMKIEN. Il-punt tat-tluq kienu mitt idea li xprunaw u welldu 1,000 proposta li ssawwru min- nies għan-nies. 1,000 proposta li nżergħu sena ilu u li fi it xhur konna diġà bdejna narawhom jittrasformaw f 'kisbiet importanti. Fl-aħħar 12-il xahar, komplejna nagħtu direzzjoni lil dan il-pajjiż. Mhux biss bil-miżuri li ta' kuljum qegħdin inwettqu u li jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies. Iżda għaliex aħna ma nibżgħux niddeċiedu, u nieħdu d-deċiżjonijiet kull fejn meħtieġ, anke quddiem ostakli li niżlu lid- dinja għarkubbtejha. Dan kapaċi nagħmluh għaliex pajjiżna u niesu dejjem kienu, għadhom u jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Ir-rebbiħin b'dan kollu huma l-familji tagħna, li għandhom Gvern li konsistentement se jsibuh spalla ma' spalla magħhom. Fis-sena u x-xhur, responsabbli mill-Ministeru għall-Akomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, komplejna noffru s-soluzzjonijiet lil koppji żgħażagħ u lil dawk l-aktar vulnerabbli biex il-ħolm tagħhom li jkunu sidien ta' darhom jew li jkollhom saqaf fuq rashom isiru realtà. Illum, b'wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li qegħdin noffru mrewħa ta' skemi, li ma jħallu lil ħadd jaqa' lura u li jindirizzaw lis- soċjal u l-affordabbiltà. F'sena, ħabbarna l-għotja ta' €1,000 fis-sena għal 10 snin lill-first-time buyers. Wegħda ewlenija mill-manifest elettorali li wettaqna fl-ewwel sena ta' din il- leġiżlatura, biex inkunu ta' spalla għall-first-time buyers fl-ewwel snin li jkunu qed iwettqu l-ħolma tal-ewwel dar. Fejn wara li nkunu frankajnilhom it-taxxa tal-boll, u tajnihom inċentivi qawwijin jekk jixtru fil-qalba tal-irħula tagħna, nassistuhom ukoll b'din l-għotja maħsuba biex ittihom nifs. Skema li tkopri l-10% depożitu fuq l-ewwel proprjetà, permezz ta' self bla interessi. Skema li matul dan ix-xahar emendajniha biex igawdu minnha aktar nies. Żidna l-valur ta' proprjetà, li dawk eliġibbli, setgħu jixtru taħt din l-iskema, minn €175,000 għal €225,000. Li jfisser li l-ammont ta' ħlas li se nkopru għall-10% depożitu żdied minn €17,500 għal €22,500. Estendejna l-iskema Sensability għal dawk il-familji li għandhom tfal b'diżabilità u jridu jagħmlu kamra multisensorjali fil-kumdità ta' darhom stess. Miżura li tixhed it-twessigħ fir-rwol tal-Awtorità tad-Djar. Rwol mhux biss soċjali iżda wkoll li toffri miżuri ta' affordabbiltà fis-settur tad-djar. Daħħalna l-iskema New Hope għal dawk il-first-time buyers li minħabba li kellhom kumplikazzjonijiet mediċi jew għandhom diżabilità ma kinux jistgħu jixtru proprjetà għax ma tinħarġilhomx polza tal- assigurazzjoni. Dawn illum qed nagħtuhom alternattiva b'garanzija apposta li qed tagħmililhom possibbli li jsiru sidien ta' darhom. Introduċejna l-iskema equity sharing, li wessajniha biex tilħaq aktar nies, b'dawk eliġibbli llum jrid ikollhom 30 sena jew aktar. Skema li għaliha l-applikant irid ikopri mhux anqas min- nofs il-prezz tal-proprjetà u l-Gvern ikopri n-nofs l-ieħor, li jitħallas lura lill-Awtorità tad-Djar wara 20 sena. Skema miktuba mill-esperjenzi tan- nies – fosthom dawk li għaddew minn separazzjoni u li minkejja li kellhom ammont ta' assi ma setgħux isiru sidien ta' darhom mingħajr l-għajnuna tal-Gvern. Matul din il-leġiżlatura, din l-iskema se nkomplu nwessgħuha aktar biex żgħażagħ ta' 25 sena 'l fuq jibdew jaċċessawha. Apparti dawn l-iskemi, daħħalna skema ta' Self Soċjali għal min għandu dħul ta' inqas minn €20,000. Għaliex anke jekk ikollna persuna waħda li tkun teħtieġ l-għajnuna tal-Gvern biex tagħmel il-pass li ssir sid ta' darha – se ssib lilna lesti biex nisimgħu u nwettqu. Id f 'id ma' dawn il-miżuri, irridu nsemmu l-investiment soċjali ta' kważi €2 biljun li se jkun allokat għal din is-sena. Lill- pensjonanti tagħna li għal sena oħra investejna fihom u tajnihom żieda ta' €12.50 fil-ġimgħa. Meta affaċċjati biż-żidiet fil-prezz tal- enerġija, ħloqna xibka ta' sussidji biex nipproteġu lill-poplu Malti u assumejna aħna l-piż ta' dawn iż-żidiet. Dan kollu ksibnih għaliex il-poplu għandu fiduċja fina u għaliex aħna dejjem emminna fil- bżulija ta' kull ċittadin. Il-fiduċja tinbena permezz tad-djalogu kontinwu fl-ibliet u l-irħula tagħna. U meta tinkiseb din il-fiduċja, tirrenja l-istabbiltà. Dawn huma l-ingredjenti li llum jagħmlu lil pajjiżna suċċess. Dawn huma l-ingredjenti li se jkompli jsawwru l-politika tagħna. Politika li għad għandha l-entużjażmu u l-enerġija li sservi lill-poplu Malti u Għawdxi, li lkoll jifformaw parti minn Tim Malta. Politika li se nkomplu nwettqu flimkien.