Illum previous editions

ILLUM 26 March 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1495664

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 23

aħbarijiet 05 illum • IL-ĦADD 26 TA' MARZU 2023 ANTHEA CACHIA Il-Gvern mhux qed jeskludi li jfittex lil Steward Health Care Malta għad-danni, minħabba l-fatt li dawn ma wettqux l-investimenti u l-proġetti li kienu marbutin u kommessi li jwettqu skont il-kuntratt iffirmat, fost raġunijiet oħra. Hekk qalu sorsi qrib il-Gvern mal-gazzetta ILLUM meta mistoqsi x'inhu l-pass li jmiss għat-tliet sptarijiet li kienu taħt idejn il-kumpanija barranija, jiġifieri dak ta' St Lukes, ta' Karin Grech u dak Ġenerali ta' Għawdex. Dawn issa reġgħu ittieħdu lura mill-Gvern. Dan apparti li l-istess sorsi qalu li l-Gvern se jkun qiegħed jevalwa kull kuntratt li sar mill-VGH/ Steward u ma jeskludix li jieħu azzjoni, fejn ċertu kuntratti ma jkunux saru kif suppost jew fl- interess tal-poplu. Huma indikaw fost oħrajn kuntratti bħal dawk mogħti lit-Technoline. Dan fid-dawl tal-fatt illi l-Gvern ħabbar, aktar kmieni din il- ġimgħa, 'control step-in' biex jieħu f 'idejh l-operat tal-isptarijiet. Dan għamlu proprju wara li Steward ħabbret illi se tittermina l-konċessjoni, l-għada li din ressqet l-appell tagħha kontra d-deċiżjoni tal-Qorti. Steward qalet li dan għamlitu minħabba li kien hemm ksur kummerċjali fil-ehim għall- konċessjoni tal-isptarijiet. Intant il- Gvern ma aċċettax din in-notifika ta' terminazzjoni u mal-ewwel ħa f 'idejh l-isptarijiet. Dakinhar id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament sostna li diġà qed jiġu diskussi pjanijiet biex jiġu immodernizzati l-binjiet tal-isptar ta' Għawdex u ta' Karin Grech. Din id-deċiżjoni ma ntlaqgħet xejn tajjeb minn Steward – u mhux b'sorpriża – hekk kif insistiet li t-terminazzjoni tal-Gvern ma kellha ebda bażi legali leġittima. Tant hu hekk illi hedded li se tkun qed tieħu azzjoni legali u saħansitra titlob il-protezzjoni tal-Korp tal-Pulizija. Dan filwaqt li qalet li se tkun qed iżżomm lill- Gvern responsabbli tad-danni u l-flus li tilfet fid-dawl li l-Gvern jibqa' jinsisti għal terminazzjoni. Għal dan il-Gvern irrisponda li din l-istqarrija hija barra minn lokha u li se jibqa' jżomm il-pożizzjoni legali soda "favur l-interessi tal- Maltin u Għawdxin." Min-naħa tiegħu, sorsi ta' din il- gazzetta saħqu li bħalissa Steward qiegħed fl-istadju li jgħaddi l-informazzjoni kollha, inkluż xi kuntratti, lill-Gvern. Minħabba l-fatt li l-Gvern għadu qiegħed jevalwa dawn il-fatturi kollha, għad mhemmx tragward fiss ta' meta t-tranżizzjoni tintemm kompletament. L-avukati taż-żewġ partijiet qegħdin jiddiskutu propju dwar dan. Intant din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll li minn meta l-Isptarijiet ittiħiedu lura taħt amministrazzjoni pubblika ma kien hemm ebda komplikazzjonijiet f 'dak li għandu x'jaqsam mas- servizzi kliniċi. Fil-fatt is-sorsi qalu li on the ground "lanqas tinduna li kien hemm tibdil daqstant sostanzjali fit-tmexxija." X'għamlu (jew m'għamlux) Steward? Bħalma għidna diversi drabi qabel, dan il-kuntratt tal-VGH/ Steward, mill-bidu tiegħu kien imptappan b'kontroversji, nies dubjużi u ovvjament, ħafna u ħafna miljuni. Li kompla tappan dan l-episodju ikrah huwa l-fatt illi minkejja l-miljuni li ħarġu mit- taxxi tal-poplu, din il-kumpanija prattikament ma għamlet xejn minn dak mistenni minnha. "Null" u "frawdolenti" kemm il-darba smajniha? Imma għaliex qal hekk l-Imħallef Francesco Depasquale madwar xahar ilu? Nibdew mill-fatt illi bħal kull proġett ieħor, ikun xi jkun, għandu t-tragwardi tiegħu u skont ma' qal l-Imħallef, lanqas dawn ma ġew rispettati mill-kumpanija. Mhux talli ma ntlaħqux it-tragwardi inizzjali, iżda lanqas estensjoni wara oħra li tahom il-Gvern ma ġew irrispettati. Iżda Steward ma tantx ħabblek rasha, għaliex legalment ma kellha xejn li twaqqaom milli tagħmel dan. Mhux talli hekk, talli kellhom klawżola fil-kuntratt illi fiha jingħad li jekk ma jżommux ma' dawn it-tragwardi, il-multi ma japplikawx għalihom u setgħu jingħataw estensjoni oħra. Fil-fatt dawn ingħataw 18-il xahar bħala estensjoni. Depasquale irrimarka li Steward ma ġabet ebda prova li sar ix- xogħol fuq 50 sodda fl-Isptar Karin Grech, ebda prova ta' 80 sodda li Steward għamlu fl-Isptar San Luqa, ix-xogħol ta' bini ġdid fl-Isptar ta' Għawdex ma tlestiex u t-Tourism Beds – għal turisti li jiġu Malta għal skopijiet ta' saħħa – lanqas biss kienu diskussi. Apparti minn hekk m'hemmx bżonn ta' ħafna għerf biex wieħed jinduna bl-istat ta' abbandun li jinsab fih l-Isptar ta' San Luqa, li kważi qed jaqa' biċċiet. Infakkru li kien Fearne stess li qal fil-Qorti li kien iddiżappuntat li l-obbligi ma kinux qed jintlaħqu u li skont hu, li kieku ma kienx għalih, lanqas il-it xogħol li sar ma kien isir. Ta' min insemmu wkoll - u importanti, ma ninsewx – il-famuż ehim tal-€100 miljun li ħadd ma jaf kif u għaliex sar. Dan il-ehim jistipula illi jekk il-Gvern tannulla l-konċessjoni, kif sar, il-Gvern irid iħallas. Għax ma ħallas biżżejjed fl-aħħar snin! Madankollu irridu nirrimarkaw illi minħabba l-furur kbir u r-rabja li nħoloq, mhux biss fuq il-konċessjoni iżda speċjalment dwar dan il-ehim, jista' jagħti l-każ illi l-Gvern qiegħed jevita milli jħallas din il-"multa" permezz tat-terminu tan-notice u tal-istep- in. Hekk jew b'hekk, kien Abela stess li qal li l-Gvern "se jkun qiegħed jagħmel dak kollu possibli biex jevita milli jħallas il-€100 miljun." 'Mhux eskluż li l-Gvern ifittex lil Steward għad-danni'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 March 2023