Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1522935
15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 23 TA' ĠUNJU 2024 • illum Daniel Cossai jiskopri għadd ta' ilħna Maltin Minn Xtut in-Nil grazzi għall-antoloġija ta' novelli mitbugħa minn SKS Publishers fl-2023. Mill-pinna tal-Malti emigrant Hija komuni l-idea li l-kitba bil-Malti toħroġ biss minn dawn il-gżejjer f 'qalb il-Mediterran, iżda din mhix sewwasew preċiża. Bħal kull ġens ieħor, il-Maltin tul is-snin infirxu mal-erbat irjieħ. Minbarra l-komunitajiet li kulħadd jaf bihom fir- Renju Unit, l-Awstralja, il-Kanada, u iktar riċenti, fi Brussell u l-Lussemburgu, fi tmiem is-seklu dsatax u l-bidu tas- seklu għoxrin kien hemm ukoll ħafna emigrazzjoni lejn il-pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq. Fosthom kien hemm ukoll diversi kittieba. Forsi l-iktar magħruf huwa l-Għawdxi Laurent Ropa, li għex il-biċċa l-kbira ta' ħajtu fl-Alġerija. Għalkemm Ropa kien jikteb bil-Franċiż, għamel ħafna sforzi biex jippromovi l-identità ta' Malta fil-letteratura u biex jiġbed l-attenzjoni tax- xena internazzjonali lejn il-kitba Maltija, fost oħrajn permezz tat-traduzzjoni. Kien hemm oħrajn, iżda, li baqgħu jiktbu bil- Malti. Fl-1936, fl-Eġittu, twaqqfet ix-Xirka għat-Tixrid tal-Qari Malti. Kif jimplika isimha, din l-għaqda ħadmet qatigħ biex tippromovi l-qari tal-letteratura Maltija fost il-komunità tal-emigranti fl-Eġittu, pereżempju billi kienet twassal lejn l-Eġittu l-kotba ppubblikati f 'Malta. Iżda għamlet iktar minn hekk. Il-Maltin, li kienu jiktbu u jippubblikaw ħafna gazzetti fl-Eġittu, kienu qegħdin joħorġu diversi xogħlijiet letterarji ta' kull tip. Konxja ta' dan, fl-1937 ix-Xirka ħarġet ġabra ta' tnax-il storja miktuba bil- Malti minn awturi differenti fl-Eġittu, bl-isem Minn Xtut in-Nil. Din il-ġabra reġgħet inħarġet f 'edizzjoni ġdida fl-2023 minn SKS, bl-għajnuna tal-Fond Malti tal- Ktieb. Għandna tmien awturi b'kollox; uħud kitbu iktar minn storja waħda, speċjalment Ivo Muscat Azzopardi, wieħed mill- fundaturi tal-għaqda, li mhux biss huma inklużi erba' stejjer oriġinali minn tiegħu, iżda wkoll ittraduċa jew ikkotraduċa tliet kontribuzzjonijiet oħra. It-tmien kontributuri huma varjati, kemm fl-istil, kif ukoll fil-maturità tal-kitba. Dan għaliex l-imħuħ wara l-ġabra ma fittxewx biss li jwasslu xogħlijiet minn kittieba stabbiliti, iżda ħeġġew ilħna ġodda. Jispikka fost dawn Salem Ħassan, li fil-fatt ma kienx Malti, iżda tgħallem jikteb bil-Malti. Notevoli wkoll huma ż-żewġ kittieba nisa, Marie Greck u Mary Said. Tal-ewwel, ta' nisel Malti iżda li ma kinitx tikteb bil-Malti (iż- żewġ stejjer tagħha fil-ktieb huma tradotti), kienet kittieba pjuttost prolifika, u għadd ta' kitbiet tagħha kienu kisbu popolarità fil-Greċja. Tal-aħħar hija waħda mill-ilħna ġodda mħeġġa mix-Xirka, li ttraduċiet storja tagħha stess miktuba bil-Franċiż. Ir-ripubblikazzjoni ta' dan il-ktieb fi żmien ta' interess dejjem jikber, fl-istudji letterarji madwar id-dinja, fir-rwol tan- nisa fil-letteratura tal-imgħoddi, mela, iġib għall-attenzjoni tagħna żewġ figuri minsija. Marie Greck u Mary Said huma kittieba Maltin kontemporanji, bejn wieħed u ieħor, ta' Mary Meylak, normalment meqjusa bħala l-unika kittieba mara prominenti ta' żmienha. Il-qagħda tan-nisa, fil-fatt, hija wieħed mill-aspetti rikorrenti f 'dawn l-istejjer, stejjer li, minkejja li nkitbu minn nies differenti, xorta jidher li għandhom ħajta komuni li tgħaqqadhom. F'dawn l-istejjer ambjentati – ħlief f 'żewġ każijiet – barra minn xtutna, l-emanċipazzjoni tan-nisa tidher li kienet iktar avvanzata milli kienet f 'Malta fl-istess żmien. Fi stejjer bħal 'Nisa!', 'Fuq it-Tramm' u 'Rosette', naraw nisa ħaddiema li jaqilgħu huma stess dak li għandhom bżonn u jiksbu indipendenza finanzjarja. Diversi stejjer imbagħad jittrattaw il-qagħda tan-nisa minn lenti oħra, dik tas-soppressjoni fil-konfront tal- patrijarkija u b'mod partikolari permezz tal-istituzzjoni taż-żwieġ. Din tispikka l-iktar f ''Nisa!', fejn nibqgħu ma nsirux nafu sewwasew x'inhi l-biċċa, imma wkoll f ''Qerq!', sa ċertu punt, li tittratta l-bidla fix-xorti ta' mara popolari mill- ħajja tax-xalar bħala żagħżugħa għall-ħajja miżżewġa lill-Baruni Vom Stonberg, li kien jgħir jaraha tiddieħak ma' ħaddieħor, għira li toħloq propju kawża għall-għira hekk kif l-issikkar li tħoss iwassal biex titħaddan ma' ħaddieħor. Imbagħad għandna wkoll stejjer fejn in-nisa, b'diversi modi, jegħlbu l-forza tal-irġiel u joħorġu rebbieħa: mill- ġdid 'Nisa!', u wkoll 'Fit-eżżiża ta' Malta tas-Sena 1887 u 'Il-Għażla ta' Klara'. L-istejjer kollha għandhom xeħta tal- istil li l-kittieba kienu mdorrijin jaqraw f 'xogħlijiet Maltin minn Malta. Hemm ċertu sens ta' familjarità fil-mod kif jiġu deskritti l-postijiet li għadhom komuni fostna l-Maltin, qisu għalina huwa ovvju, minħabba ċ-ċokon tagħna, li dak li jkun jaf fuq fejn qed nitkellmu. Madankollu dan l-element tal-familjarità hawn huwa applikat għall-infamiljari, anki bejn l-emigranti fl-Eġittu stess, minħabba l-kobor ta' din il-komunità mifruxa tul l-itwal (jew it-tieni l-itwal, skont lil min tistaqsi) xmara fid-dinja. Minn 'Is-Sarraf ', pereżempju: "kienu waslu f 'dak l-isqaq li hemm sew sew taħt Kom-in-Nadura". U l-awtur konxju ta' din l-infamiljarità; fil- fatt, jiaħ proprju bis-sentenza: "Għal min ma jafx, għax qatt ma għex f 'Lixandra, din il-belt hija miżgħuda bi ħwienet żgħar li jbigħu s-sigaretti." Bħala storja, 'Is-Sarraf ' b'mod ġenerali hija waħda mill-iktar li tambjentana fil-post. U l-post huwa kważi dejjem barrani, ġeneralment fl-Eġittu. Għalhekk, minkejja li l-istejjer huma pjuttost universali, fit- temi li jittrattaw u l-affarijiet li jiġru, l-esperjenza personali tal-kittieba bħala emigranti jew tfal ta' emigranti f 'kolonja hija riflessa dejjem. Ir-rabta bejn l-ambjent fejn issir il-kitba, u l-kitba nnifisha, ma nistgħux naħarbu minnha. Fid-daħla, l-edituri oriġinali jiktbu li l-kontributuri "għandhom aktar ħeġġa minn ħila; u, għal xi wħud minnhom, il- kitba li se taqraw hija bidu tal-istħarriġ tagħhom fis-sengħa tal-kitba Maltija." F'ċerti mumenti, din tinħass. 'Id-Dmir' tispiċċa bi klixè li qisu ħareġ mill-pitazzi tal-iskola. Il-ġabra b'mod ġenerali tispiċċa fuq nota dgħajfa; tnejn mill-aħħar tliet stejjer, 'L-Imherwel' u 'Il-Għażla ta' Klara', huma bil-qabda l-aktar tnejn dgħajfa, fil- fehma tiegħi. Iżda b'mod ġenerali, għal kitbiet minsija, huma tajbin. F'kull storja hemm sens ta' misteru li jħallilek kurżità dwar x'se jiġri, element essenzjali f 'kitbiet tant qosra fejn hemm inqas lok għall- iżvilupp tal-karattri. Fi żmienha, ix-Xirka kienet popolari anki f 'Malta. Biż-żmien ix-xogħlijiet li ħarġet intesew, u ħasra. Din l-edizzjoni ġdida tagħtina l-opportunità niskopru mill-ġdid din il-parti tal-wirt letterarju tagħna, u nagħtu lill-kitba Maltija l-ġieħ li jistħoqqilha bħala letteratura usa' milli naħsbu.