MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 4 August 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1524835

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 15

intervista illum • IL-ĦADD 4 TA' AWWISSU 2024 07 'Jien dejjem iddefendejt bil-kbir lil kull mexxej li kellu l-PL u hekk għandu jkun' GĦALFEJN IKKUNSIDRAJT LI TOĦROĠ GĦAL DIN IL-KARIGA? Qabel ikkunsidrajt li nikkontesta għal din il-kariga, lanqas biss kelli l-iċken ħsieb, u dan sa riċenti. Kien biss wara intervista li saritli fuq F Living daqs ġimgħa u nofs ilu li bidlitli x-xenarju kollu. Immedjatament bdew jikkuntattjawni ammont mhux żgħir ta' delegati tal-Partit Laburista li komplew jiżdiedu kuljum. Magħhom imbagħad, żdiedu wkoll xi ministri u deputati. Kien bl-insistenza ta' dawn il-ħafna li mbagħad staqsejt lili nnifsi "għalfejn?", "x'kien qed jiġri eżatt?" Wara li ħsibt u xtarrejt fil- fond, tkellimt sew mal-familja, u nies oħrajn qrib tiegħi, iddeċidejt li nilqa' s-sejħa li kienu qed jagħmluli dawn in- nies tal-"Partit". JIDHER ĊAR LI GĦANDEK BACKING MID-DELEGATI. JOSEPH MUSCAT QED ITIK L-APPOĠĠ UKOLL, VERU? Fil-politika qatt ma jkun hemm xejn ċar qabel ma jivvutaw in-nies. F'dan il-każ, id-delegati. Hemmhekk imbagħad tkun tista' titkellem biċ-ċar kif jitħabbar ir- riżultat. Joseph Muscat ma naf li ddikjara mkien lil min se jkun qed jappoġġja fl- elezzjonijiet interni tal-Partit Laburista u hekk għandu jibqa' jagħmel sa meta jaslu dawn l-elezzjonijiet, f 'nofs Settembru li ġej. JIDHER ĊAR UKOLL LI L-MEXXEJ TAL-PARTIT LABURISTA ROBERT ABELA MHUX EĊITAT BL-INTERESS TIEGĦEK F'DIN IL-KARIGA. KIF TIMMAĠINA LI TAĦDEM MA' ABELA JEKK M'INTOMX 100% KOMPATIBBLI? Bil-kontra. Minn fejn toħroġ li l-mexxej tal-PL Robert Abela mhux eċitat bil- kandidatura tiegħi? Allaħares naslu f 'punt fejn il-mexxej juri, biex nuża kliemek, xi eċitament għal kandidat u mhux għall- kumplament tal-kandidati l-oħrajn kollha. L-interess tal-Partit Laburista ma jitlobx dawn l-affarijiet u allaħares isir hekk. Qatt ma rajt nuqqas ta' kompatibbiltà mal- mexxej tal-PL Robert Abela u għaldaqstant m'hemm l-ebda kwistjoni fuq hekk. Li kieku kien il-każ, ma kienx ikun hemm dawk il-ħafna li semmejtlek iħeġġuni biex nikkontesta. X'TIXTIEQ TBIDDEL FIL-PARTIT? Aktar milli tibdil, jien insejjaħlu tiġdid. Kull partit politiku jgħaddi minn fażijiet ta' tiġdid skont iċ-ċirkostanzi. L-aħħar tiġdid sostanzjali li sar fil-PL kien fl- 2008 u l-2009-10 meta l-PL kien għadu fl-oppożizzjoni. Issa, wara 11-il sena ta' Gvern Laburista, jinħass ċar li l-PL għandu bżonn jiġġedded, jimtela b'aktar enerġija, iżomm aħjar il-kuntatt mal- fergħat kollha tiegħu, jagħti aktar widen lid-delegati tal-konferenza, u joħloq aktar diskussjoni fl-istrutturi kollha tiegħu li permezz tagħhom il-partit joħloq politika ġdida għall-bżonnijiet ġodda, reali tal-lum, fosthom, imma mhux biss, il-kwistjoni tal-over population li jistħoqqilha diskussjoni serja fit-tul ibbażata fuq riċerka ta' esperti apposta li mbagħad tmur għad-diskussjoni fl- eżekuttiv nazzjonali tal-PL. L-istess diskussjoni trid issir fuq pjan ta' viżjoni għal pajjiżna għall-5/10 snin li ġejjin fuq bosta oqsma importanti għal pajjiżna, fosthom is-saħħa, l-enerġija, u l-ambjent. Dan hu parti mit-tiġdid li għandu bżonn bħalissa l-Partit Laburista. HAWN MIN QED JGĦID LI L-ELEZZJONI TIEGĦEK TWASSAL GĦAL TELFA SIGURA GĦALL-PL. X'TIRRISPONDI? B'kull rispett. Jien għal kariga waħda qed nikkontesta ta, mhux għall-karigi kollha f 'daqqa tal-PL. IL-PARTIT LABURISTA MHUX UĊUĦ ĠODDA GĦANDU BŻONN? Il-Partit Laburista ma jarax uċuħ. Dik inħalliha għall-Partit Nazzjonalista, jiddilettaw ħafna biha. Sadanittant, il-PL għandu bżonn lil kulħadd. Għalija ħadd mhu għar-rimi. INTI SEMMEJT LI L-POŻIZZJONI TA' CEO TAL-PARTIT GĦANDHA TIĠI MIBDULA GĦAL DIK TA' SEGRETARJU ĠENERALI. GĦALFEJN? M'għedtx hekk. Għedt li wasal iż-żmien li l-PL jerġa' jkollu l-post ta' Segretarju Ġenerali. In-nuqqas ta' din il-kariga issa qed jinħass sew, anzi ħafna. X'EFFETT ĦALLEW IL- KORRUZZJONI, L-ISKANDLI TAL- VITALS, TAL-PANAMA, U L-QTIL TA' CARUANA GALIZIA FUQ IL-PARTIT LABURISTA? Taqta' l-inkjesta Vitals, il-każijiet l-oħrajn li semmejt kollha ġew qabel l-elezzjoni ġenerali. Dawk l-elezzjonijiet ġenerali kollha ntrebħu mill-PL b'maġġoranzi kbar ħafna. Anzi, l-akbar fl-istorja mill-Indipendenza 'l hawn. GĦALFEJN TIDDEFENDI LIL JOSEPH MUSCAT? Jien dejjem iddefendejt bil-kbir lil kull mexxej li kellu l-PL u hekk għandu jkun. Joseph Muscat wieħed minnhom. Jien konsistenti dejjem u kullimkien. X'INHUMA L-VEDUTI TIEGĦEK FUQ ROBERT ABELA? Robert Abela hu l-mexxej tiegħi, u lejh għandi stima u rispett. Tant, li nittama li wara dawn l-elezzjonijiet, u jekk inkun elett, inkunu nistgħu naħdmu eqreb ta' xulxin fl-interess tal-Partit Laburista u l-pajjiż kollu kemm hu. Jason Micallef L-eks Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef ippreżenta uffiċjalment il- kandidatura tiegħu biex jirritorna f'pożizzjoni ta' tmexxija, u jikkontesta għall-kariga ta' deputat mexxej għall-affarijiet tal- partit. L-ILLUM titkellem ma' Micallef dwar il- kandidatura, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Robert Abela.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 4 August 2024