MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 6 October 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1527557

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 15

09 opinjoni IL-ĦADD 6 TA' OTTUBRU 2024 • illum Rappreżentant tas-sezzjoni studenteska fi ħdan l-NGO Solidarjetà MARK MIZZI L-Isfidi tal-istudenti Għawdxin fis-suq tal-kera I l-prezz veru tal-edukazz- joni ogħla għall-istudenti Għawdxin imur lil hinn mill-istudji tagħhom. Għal ħafna, l-akbar sfida mhix il-ħin fuq il-kotba, iżda t-tiftix għal post fejn jgħixu waqt li jkomplu l-istudji tagħhom. Kull sena, 'il fuq minn elf student Għawdxi jaqsam il-fliegu lejn Malta, mimli bit-tama li l-edukazzjoni tiftaħlu bibien ġodda. Iżda dan il-vjaġġ spiss ikun mimli ostakli inviżibbli: prezzijiet tal-kera li kull ma jmur jitilgħu, sfrutta- ment minn sidien bla skrupli, u inċertezza dwar kif jistgħu jsibu post fejn jgħixu b'dinjità. Mhuwiex sigriet li l-maġġoranza tal-istudenti Għawdxin li jagħżlu edukazzjoni ogħla jispiċċaw f 'istituzzjonijiet f 'Malta. L-istudenti Għawdxin jammontaw għal madwar 10% tal-istudenti universitarji, u mijiet oħra jattendu l-MCAST u l-ITS. Dawn l-istudenti jaffaċċjaw għażla diffiċli: jew iqattgħu sigħat jivvjaġġaw kuljum bejn Għawdex u Malta, jew jikru appartament flimkien ma' sħabhom qrib l-iskola. Għalkemm l-għażla tal-kiri tidher aktar prattika, ir-realtà għall-istudent Għawdxi f 'Malta hija ħafna iktar ikkumplikata. L-istudenti jiltaqgħu ma' kera għolja u sidien li jaraw lill- istudenti bħala għajn faċli ta' profitt. Dak li suppost ikun żmien eċitanti ta' indipendenza u tkabbir ta' spiss jinbidel fi ġlieda biex jgħixu b'dinjità. Minħabba dan, aħna bdejna kampanja favur l-istudenti Għawdxin u qegħdin niġbru l-esperjenzi tagħhom f 'survey qasir biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar minn xiex inhuma għaddejjin. Studenta partikolari li qasmet l-esperjenza tagħha magħna fis-survey spjegat kif is-sid tal-post kienet tidħol ta' sikwit fl-appartament mingħajr permess. Meta hi u sħabha tal-appartament wrew ix- xewqa li jitilqu, is-sid allegat li għamlu ħsarat. Meta rrifjutaw li jħallsu għal dawn il-ħsarat li kienu wear and tear – u allura responsabbiltà tas-sid – ġew attakkati fiżikament minn żewġha. Ir-raġel tas-sid waddab lil wieħed mill-inkwilini mal-ħajt u tah daqqtejn bil-ponn ġo sidru. Wara, xeħitlu l-affarijiet tiegħu barra mill-appartament, u imbuttah biex joħroġ. Sfortunatament, din hija biss waħda minn ħafna stejjer ta' studenti li jibżgħu jirrappurtaw dawn l-inċidenti minħabba l-biża' li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Filwaqt li l-Gvern joffri għajnuna fil-kera – żewġ sussidji li jammontaw għall-€266 fix-xahar – dawn l-ammonti ħafna drabi ma jkunux biżżejjed. Barra minn hekk is-sussidju ma japplikax fix-xhur tas-sajf, minkejja li t-tul minimu ta' kuntratt huwa ta' sena. Minħabba dan, kif ukoll biex ma jkollhomx iħabbtu wiċċhom mal-battikata li jfittxu post ġdid fis-sena skolastika ta' wara, ħafna studenti jispiċċaw iħallsu l-kera sħiħa minn buthom fis-sajf. Ir-realtà hija li ħafna sidien li jikru lill-istudenti Għawdxin ma jirreġistrawx il-kuntratt mal-Awtorità tad-Djar, l-entità tal-Gvern li tirregola s-suq tal- kera. F'ċerti każijiet anqas ikun hemm kuntratt bil-miktub, iżda jintlaħaq ftehim informali biss. Dan jista' jkun għall-bosta raġunijiet ngħidu aħna jew ħabba injoranza fuq il-liġijiet tal-kera, jew biex jevadu t-taxxa, jew biex is-sidien ikollhom iktar flessibbiltà. Minn fuq, hemm sidien li saħansitra joħorġu bl-iskuża illi biex jirreġistraw il-kuntratt iridu jgħollu l-kera. Studenti li jikru b'kuntratt li mhux irreġistrat isibu ruħhom mingħajr protezzjoni legali, u ta' spiss jispiċċaw vittmi ta' abbuż mingħand is-sidien tagħhom. Minkejja l-illegalità serja ta' dawn l-abbużi, ħafna studenti ma jirrapportawhomx lill-pulizija għaliex ma jixtiqux jispiċċaw mingħajr post fejn jgħixu matul l-istudji tagħhom. Barra minn dan, studenti li m'għandhomx kuntratt tal- kera rreġistrat iħallsu d-dawl u l-ilma b'rata ogħla, u ma jistgħux japplikaw għall-wieħed mis-sussidji msemmija li jkopri €100 fix-xahar. Ċerti inkwilini studenti qatt ma jaraw kont uffiċjali tad-dawl u l-ilma, iżda jħallsu l-ammont li jitlobhom is-sid, li ħafna drabi ma jkunx ibbażat fuq ARMS meter. Hemm ukoll inkwilini li ma jirċevux irċevuta tal-pagamenti tagħhom. Skont il-liġi Maltija, inkwilin m'għandux obbligu jħallas għad-dawl u l-ilma mingħajr ma jara kont uffiċjali, u għandu dritt jingħata rċevuta. Bħala trade union li tirrappreżenta l-inkwilini u l-ħaddiema, Solidarjetà ma tistax tħalli dawn l-abbużi jkomplu. Dan kollu qanqal il-kampanja tagħna, f 'kollaborazzjoni mal-Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL), il- Gozo University Group (GUG), u Moviment Graffitti, ħalli niddefendu d-drittijiet tal- istudenti Għawdxin. Qegħdin inħeġġu lill-istudenti Għawdxin biex jinfurmaw ruħhom dwar id-drittijiet tagħhom, speċjalment dwar l-importanza li jkollhom kuntratt tal-kera rreġistrat u l-klawżoli illegali li jinstabu f 'ħafna kuntratti. Nixtiequ wkoll niġbdu l-attenzjoni tal-Gvern għad- diffikultajiet tal-istudenti Għawdxin, u nipproponu riforma tal-għajnuna fil- kera, sabiex is-sussidji jkunu marbutin mal-prezz fis-suq, japplikaw matul is-sajf, u biex il-limitazzjonijiet fuq l-ammont ta' studenti li jistgħu jikru flimkien jirriflettu r-realtà. Biex nifhmu aħjar l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-istudenti Għawdxin, qed niġbru stejjer tagħhom permezz ta' survey aċċessibbli mill-QR code. Jekk inti student Għawdxi illi kellek esperjenza li għaddejt minnha waqt li kont qed tikri u li tixtieq taqsam magħna, nitolbuk timla dan is-survey qasir. Dawn l-esperjenzi personali jgħinuna niffukaw il-kampanja tagħna u niżguraw li, flimkien, nistgħu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-għejxien tal-istudenti Għawdxin u nippreservaw it-trattament ġust li jistħoqqilhom. Din il-kampanja hija mibnija fuq stejjer ta' ġlied u tama, il-ġlieda ta' student Għawdxi, 'il bogħod mill-familja tiegħu, jitħabat mhux biss mal- istudji, iżda wkoll mal-biża' li jista' jispiċċa bla saqaf. Dawn mhumiex biss problemi ta' kuljum, imma ostakli li jistgħu jkissru ħolm sħiħ. Permezz ta' din il-kampanja, nistgħu nagħtu lil dawn l-istudenti l-paċi tal-moħħ u d-dinjità li jistħoqqilhom. "Ir-realtà hija li ħafna sidien li jikru lill-istudenti Għawdxin ma jirreġistrawx il-kuntratt mal- Awtorità tad-Djar, l-entità tal- Gvern li tirregola s-suq tal-kera"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 6 October 2024