MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 6 October 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1527557

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 15

10 aħbarijiet IL-ĦADD 6 TA' OTTUBRU 2024 • illum opinjoni President tal-grupp 'Il-Kollettiv' JEANETTE BORG Ir-rispett lejn ir-riżorsi komuni I ssa li għadda s-sajf u l-arja ffriskat bl-ewwel xita, Malta tieħu xejra differenti. Din is-sena kienet fuq fomm kulħadd li qed ikollna sajf agħar minn ieħor. Mhux biss fejn jidħlu t-temperaturi biss, iżda wkoll minħabba l-umdità għolja li taf- fettwa kif tinħass l-arja. Kull min seta', stkenn mill-qilla tax-xemx. Iżda dan mhux possibbli għal kull min jaħdem fuq barra, u bit-tbatija jqatta' ġranet sħaħ ibati s-sħana. Id-diskors fuq it-tibdil tal-klima m'għadux xi ħaġa li tissemma biss fl-istudji u r-riċerka, iżda saret xi ħaġa li nesperjenzaw. It-temperaturi estremi wasslu wkoll għal għargħar mhux tas-soltu f 'ħafna pajjiżi fl-Ewropa, fejn saru ħsarat kbar lill-irħula u fl-għelieqi. Diversi riċerki juru li s-saħħa hija marbuta mal-klima; spiċċa ż-żmien li nitkellmu fuq il-klima biss bħala kwistjoni ambjentali. Issa nafu fiċ-ċert li t-temperatura taffettwa s-saħħa tan-nies, tbiddel l-istil ta' ħajja tagħhom u tirrikjedi bidliet fl-oqsma kollha li huma ta' importanza għall-bniedem, bħall- ikel, il-bini, u r-rikreazzjoni. F'Malta għandna bżonn urġenti li nilqgħu l-isfida taż-żieda fit- temperaturi. L-esperti jsostnu li waħda mill-ħafna affarijiet li għandna nagħmlu hija li nħawlu iktar siġar. Dan għaliex is-siġar jilqgħu r-raġġi tax-xemx minn li jaslu fl-art u jarmu l-ossignu. F'pajjiżi oħra, fi ibliet Ewropej, id-dell tas-siġar wassal għat-trazzin fit-temperaturi qliel tas-sajf, b'impatt pożittiv fuq in-nies li jgħixu fil-madwar. Nistaqsu aħna; fejn se nħawlu iktar siġar jekk l-irqajja' bil-ħamrija dejjem jonqsu? Is-soluzzjonijiet mhumiex faċli. Minkejja li l-art f 'Malta hija limitata, il-kostruzzjoni għadha għaddejja bla kontroll. Mal-bini ġdid jinbtu toroq ġodda; iktar tarmak ifisser iktar sħana tielgħa mill-art. Li l-bini kien u baqa' settur ewlieni tal-ekonomija Maltija huwa fatt, imma dan ma jawgura l-ebda pozittività għall-ġejjieni meta nqisu kollox fuq il-miżien. In-nies ta' kuljum isemmu li f 'kull rahal, u f 'ħafna mit-toroq sar hemm xi sit ta' kostruzzjoni, li apparti d-dħaħen ta' ingenji u storbju, jinħoloq trab li jorqod biss meta jitlesta l-bini. Apparti skumdità lejn ir-residenti, dan għandu effett negattiv fuq il-but taċ-ċittadin. Il-mard respiratoru żdied, kemm minħabba t-trabijiet, kif ukoll minħabba żieda sostanzjali ta' vetturi fit-toroq. Il-mard respiratorju m'għandux limiti tal-età, jaffetwa lil kulħadd, però bħat-temperatura, l-anzjani u t-tfal huma l-iktar suxxettibbli. Huwa tip ta' mard li jeħtieġ kura medika, bosta visti għand speċjalisti. Skont l-għaqda Il-Kollettiv, il-kawża ewlenija mhux qed tigi indirizzata biżżejjed mill-awtoritajiet. Sfortunatament li nikkuraw il- mard mhux biżżejjed jekk is-sors tal-problema qed jikber u mhux jonqos. Spiss jiġi rrakkomandat li nqattgħu ħin fejn il-baħar jew fil-kampanja biex ingawdu arja tajba. Il-kwalità tal-arja hija ferm aħjar fiż-żoni rurali u mal-kosta, għalkemm jiddependi minn fejn ikun ir-riħ. Hawn ukoll insibu diversi ostakli. Mal-kosta ġieli nsibu għadd ta' stabbilimenti li nfirxu max-xatt kollu u qegħdin jillimitaw liċ-ċittadin milli jgawdi l-kosta. Tant inħasset il-ħtieġa għal ġonna f 'kull raħal li l-gvern ħejja diversi inizjattivi. Kien hemm minnhom ta' suċċess bħal Ġnien Victor Calvagna li huwa fost l-isbaħ mill-proġetti riċenti. Min iżur dal-ġnien jinduna kemm ġie rispettat il-masġar li kien hemm qabel u kemm sar tisbiħ li jilqa' lill-kbar u liż-żgħar. Kien hemm progetti ta' inqas suċċess li ħolqu diżappunt fost il-pubbliku, speċjalment meta wieħed jikkunsidra kemm intefqu miljuni mill-fondi pubbliċi. Dan it-tħassib kien jew minħabba t-tisbiħ fqir li sar, jew għaliex iż-żona ddedikata għal dawn il-proġetti kienet żgħira wisq. Meta nitkellmu fuq l-arja, il-klima, u fatturi oħra li jagħmlu parti mill-ambjent ta' madwarna, ma nistgħux nagħtuhom valur bl-istess mod bħalma nagħtu lill- oġġetti jew lis-servizzi. Ma jfissirx li l-ilma, l-arja, u r-riżorsi naturali l-oħra ma għandhomx valur, anzi, peress li huma ġid komuni ta' kulħadd, il-valur tagħhom għandu jitqies b'tali mod li jigi ppreservat bir-reqqa. Hemm bżonn li nirrealizzaw li r-riżorsi naturali huma ta' kulħadd u meta dawn jiġu mhedda, jiġi mhedded ukoll l-interess ta' kulħadd. Huwa d-dmir taċ-ċittadini li jieħdu ħsieb ir-riżorsi li għandna, iżda l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jirregolaw l-użu jew immaniġġjar ta' dawn ir-riżorsi. Jidher biċ-ċar li ħafna mir-riżorsi li għandna f 'Malta, bħalma huma l-ilma, l-art u l-arja, għandhom bżonn impenn iktar qawwi u urġenti sabiex jiġu ppreservati. "Li l-bini kien u baqa' settur ewlieni tal-ekonomija Maltija huwa fatt, imma dan ma jawgura l-ebda pożittività għall-ġejjieni meta nqisu kollox fuq il-miżien"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 6 October 2024