Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1528158
09 opinjoni IL-ĦADD 20 TA' OTTUBRU 2024 • illum Kordinatur ta' Moviment Solidarjetà EDWIN VASSALLO Irridu politika li tiggarantixxi l-valur tad-dinjità tal-bniedem X 'fiha tajjeb il-poli- tika jekk ma tkunx politika li tiggarantixxi l-valur tad-dinjità tal-bniedem? Quddiem soċjetà li qatlet lil Alla biex iġġib fix-xejn id-dinjità tal-bniedem irridu issa mmorru pass 'il quddiem biex naraw li noffru politika li temmen fil-bniedem u mhux tkompli tiżvaluta d-dinjità tal- bniedem. Neħtieġu direzzjoni ġdida, politika ġdida li temmen fil- bniedem u mhux li tagħmel użu mill-bniedem u wara tarmih. L-iskop tal-politiku ma jistax ikun rebħa akkost ta' kollox … l-iskop tal-politiku ma jistax jibqa' jkun il-poter akkost ta' kollox … l-iskop tal-politiku ma jistax jibqa' jkun il-flus u dak kollu li jġibu magħhom. Kollox sar jiswa l-flus u l-bniedem spiċċa ma jiswa xejn. Qegħdin ngħixu f 'soċjetà lajka fejn qtilna l-valur ta' Alla fil-ħajja tal-bniedem u dan għamilnieh biex noqtlu d-dinjità umana tal-bniedem. Illum noqtlu d-dinjità umana tal-bniedem bil- faqar li qed jikber aktar ma nkissru l-familja; il-vjolenza kontra l-mara u l-mod ta' kif qed nirriduċu l-mara għal oġġett fil-pornografija u l-prostituzzjoni organizzata; qed noqtlu d-dinjità umana tal-bniedem bil-liberazzjoni tal- ħaxixa u tad-droga; qed noqtlu d-dinjità umana tal-bniedem bil-finanzjament organizzat tal-gwerra; qed noqtlu d-dinjità umana tal-bniedem bl-approvazzjoni tal-kultura tal-mewt, bl-abort, b'surrogacy, bl-ewtanasja, b'suwiċidju assistit, bl-ideoloġija tal-ġeneru, vjolenza diġitali, it-traffikar uman u l-indifferenza lejn il-kawża tal- imigrazzjoni u t-tbatija kollha fil-ħajja. Għandna nkunu politiċi f 'isem il-kultura tal-ħajja u mhux tal- mewt. "Id-dinjità umana hija bla limitu". Hekk isostni Papa Franġisku fid-dikjarazzjoni "Dignitas Infinita" li fiha jkun spjegat kif "ma nistgħux nifirdu l-fidi mid-diviża tad-dinjità umana, minn evanġelizzazzjoni għall-promozzjoni tal-ħajja dinjituża, u spiritwalità mill- impenn favur id-dinjità ta' kull bniedem." Din hija s-sejħa tal-politiku Nisrani fis-soċjetà tagħna. F'isem il-Moderniżmu bdejna nibżgħu ngħidu l-kelma "politiku Nisrani" iżda faħħarna l-politiku liberali. Meta bdew jitkellmu l-liberali bdejna nibżgħu u bdejna ngħidu li f 'soċjetà sekulari ma baqax post in-Nisrani fil-politika. Illum il-liberaliżmu x'soċjetà ħoloq? Nistgħu ngħidu li nafu aħjar min aħna? Nistgħu ngħidu li l-familja hija aħjar? Nistgħu ngħidu li t-tfal tagħna għandhom aktar serenità? Nistgħu ngħidu li l-mara hija trattata aħjar? Jew nistgħu ngħidu li għandna soċjetà aktar ġusta? Meta l-ġurnalisti liberali bdew jgħidu li Nisrani fil-politika huwa estremist, fundamentalist, xenofobiku, u kontra d-drittjiet ċivili, il-partiti politiċi bdew isiru wkoll aktar liberali, l-Università ta' Malta saret xellugija fil-politika tagħha, u l-kaos soċjali fil-pajjiż kotor. Beda jkollna politiċi li jgħidu li "għadda ż-żmien il-valuri" u x'ġara?" Meta warrabna l-valuri żvalutajna d-dinjità umana tal-bniedem. Dan huwa fatt. Meta twarrab x'joffri valur lid- dinjità umana tal-bniedem tibda tiżvaluta l-istess dinjità umana tal-bniedem. X'valur fih il-liberaliżmu tad-droga meta wieħed jara l-konsegwenzi fuq il-ħajja tal- vittma u l-familja tiegħu? X'valur fih l-abort meta tara l-konsegwenzi fuq it-tarbija mejta u fuq l-omm li ġgarrab l-abort? X'valur fiha l-ideoloġija tal-ġeneru meta qed tispiċċa ġġib fix-xejn id-differenza fis- sesswalità? Differenza bejn raġel u mara, li fl-umanità, ir-raġel u l-mara huma differenti minn xulxin għall-ġid tal-familja umana. Illum għandna politiċi li spiċċaw qerdu r-ruħ soċjali tal- pajjiż f 'isem il-liberaliżmu. Jien ngħid li persuna li jgħid li l-valuri għadda żmienhom, aħjar ma jidħol xejn għall- politika għaliex bniedem bla valuri m'għandux direzzjoni fil-ħajja u jispiċċa jisfrutta kull għażla għall-vantaġġ personali tiegħu. Politiku li jemmen fil- valuri umani huwa politiku li jivvalurizza d-dinijità umana; li jagħżel li l-familja hija l-qofol ta' kull tkabbir ekonomiku; li l-ekonomija hija għall-bniedem u mhux il-bniedem għall- ekonomija. Jagħżel li t-tkabbir ekonomiku li jkisser il-familja mhux tkabbir ekonomiku, anzi huwa tkabbir ekonomiku dak kollu li jgħin lill-familja tikber u tirnexxi. Jagħżel li l-kwistjoni taż-żieda fil-popolazzjoni trid tiġi solvuta fuq kemm kapaċi noffru kwalità tal-ħajja għal kull min jgħix f 'pajjiżna u mhux tibqa' tgħabbi l-pajjiż bin-nies biex tpaxxi lill- kbar fin-negozju. Jagħżel li jara li l-ħaddiema fil- faxxa t'isfel jibdew tilgħin 'il fuq u mhux jibqgħu maħkuma mill- ekonomija taċ-cheap labour. Dan huwa l-politiku li jemmen fil-bniedem, li l-qofol f 'kull għażla tkun il-promozzjoni tad- dinjità tal-ħajja umana. Dan huwa l-qofol ukoll tal-valur tal-Kristjaneżmu fil- politika. Neħtieġu l-kuraġġ li nagħmlu bidla f 'narrattiva politika. Favur narrattiva u kuxjenza soċjali, favur it-tisħiħ tad-dinjità tal- ħajja umana. Kif nistgħu nikbru bħala soċjetà jekk nibqgħu nfittxu dak li jiżvaluta d-dinjità umana minflok infittxu dak li jivvaluta d-dinjità tal-ħajja umana? Huma dawn il-valuri li jridu jiffurmaw il-moralità tas-soċjetà. Illum nafu li fis-soċjetà tagħna, kemm ilha li l-klassi politika warrbet il-valuri umani bħala r-riga tas-sewwa, is- soċjetà tagħna nħakmet minn amoralità. F'din l-amoralità kibret il-loġika tal-korruzzjoni iżda biex wasalna s'hawn, il- klassi politika tagħna l-ewwel m'għamlet kien li kkorrompiet il-valuri u wara bdejna nikkorrompu l-flus, il-familja, il-ħajja, l-ambjent, u t-tfal fl- iskejjel tagħna. Issa wasal il-waqt li naffaċċjaw il-verità u nuru li f 'pajjiżna kapaċi noffru direzzjoni ġdida. Kapaċi noffru politika b'soluzzjonijiet ġodda. Kapaċi noffru direzzjoni favur politika fejn il-bniedem mhux numru f 'linja ta' produzzjoni iżda l-bniedem jibqa' l-qofol tas-soċjetà. Dan ngħidu għaliex nemmen li fejn hemm valuri hemm direzzjoni, hemm għan, hemm min jimpurtah mill-bniedem. Fejn m'hemmx valuri hemm politiċi li l-għan tagħhom huwa huma nfushom. Dan l-egoiżmu u individwaliżmu politiku u soċjali qered soċjetà. Irridu noffru alternanza, alternattiva, tweġiba, bidla b'kuraġġ, b'onestà u b'konsistenza. Hekk noffru bidu ta' politika ġdida. Hekk insalvaw poplu mill-kaos soċjali li qed ngħixu fih. "Illum nafu li fis-soċjetà tagħna, kemm ilha li l-klassi politika warrbet il- valuri umani bħala r-riga tas-sewwa, is- soċjetà tagħna nħakmet minn amoralità"