Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1531842
intervista illum • IL-ĦADD 26 TA' JANNAR 2025 07 MARIANNA CALLEJA MOMENTUM ĦALLA L-BIEB MIFTUĦ GĦAL KOALIZZJONIJIET MA' PARTITI ŻGĦAR OĦRA. KIF QED TIPPJANAW LI ŻŻOMMU L-IDENTITÀ U L-PRINĊIPJI TAL- PARTIT F'KOLLABORAZZJONIJIET BĦAL DAWN, SPEĊJALMENT FUQ KWISTJONIJIET KONTROVERSJALI BĦALL-ABORT JEW RIFORMI EKONOMIĊI? Aħna lesti naħdmu ma' partiti u għaqdiet li jħaddnu l-istess valuri bħal tagħna. Bħalissa l-prijorità hi li nistabbilixxu l-identità tagħna man-nies, u li nsaħħu l-organizzazzjoni interna. Biex verament nirnexxu aħna jew eventwalment xi xorta ta' koalizzjoni, irridu nkunu organizzati sew. L-organizzazzjoni tajba tagħna wasslet għas-suċċess tal- kampanja tal-MEPs billi fiha kkonvinċejna 22,000 votant mal-aħħar għadd. Nemmnu li l-istatut tagħna jagħti gwida sew kif għandna nimxu fuq kwistjonijiet ta' kuxjenza, ngħidu aħna l-abort, billi l-kandidati jkollhom vot ħieles skont il-kuxjenza tagħhom. QED TIIFFUKAW FUQ 100,000 VOTANT LI FL-ELEZZJONIJIET PASSATI ASTJENEW, IŻDA ĦAFNA MINNHOM HUMA DIŻILLUŻI BIL- POLITIKA GĦALKOLLOX. X'MIŻURI KONKRETI SE TIEĦDU BIEX TIKKONVINĊUHOM LI MOMENTUM HUWA DIFFERENTI, LI JISWA GĦALL- FIDUĊJA TAGĦHOM, U LI SE JASAL BIEX VERAMENT IWETTAQ DAK LI HUMA JIXTIEQU? Mill-esperjenza tagħna u mill-kuntatt dirett man-nies nafu li dawn il-100,000 ruħ għandhom tħassib serju fuq il-partiti PL u PN. Biċ-ċar li dawn in-nies mhumiex lesti jafdawhom iktar, anke jekk fil-passat dawn iż-żewġ partiti kienu importanti ħafna għall- iżvilupp ta' pajjiżna. Realtà oħra hi li jidher li dawn il-100,000 ruħ ma rawx il-partiti ż-żgħar bħala partiti kredibbli. Naħseb li għalkemm in-nies qed jaraw Momentum bħala partit ġdid, b'bosta uċuħ ġodda, diġà qed jaraw id-differenza fil-politika tagħna u fl-operat tagħna. Sforz importanti ħafna għalina huma l-Vision Circles. Din hija opportunità unika għan-nies minn kull sfera tal-ħajja li lesti jpoġġu madwar mejda u niddiskutu temi speċifiċi. Kulħadd ikollu ċans jitkellem u l-punti li joħorġu mid- diskussjonijiet tematiċi jiġu ddokumentati. Diġà għamilna erba' Vision Circles ta' diskussjoni u għal dawn attendew mijiet ta' nies. Min irid jirreġistra għall-Vision Circle li jmiss jista' jagħmel dan minn fuq is-sit elettroniku tagħna https://partitmomentum. org/vision-circles IL-FINANZJAMENT TAL-PARTITI SPISS TKUN KWISTJONI FIL-POLITIKA MALTIJA. TISTA' TIMPENJAW RUĦKOM GĦAL TRASPARENZA FINANZJARJA SĦIĦA, INKLUŻ L-IŻVELAR TA' DONATURI EWLENIN, U KIF SE TIŻGURAW RESPONSABBILTÀ FIL-FINANZJAMENT TAL-KAMPANJI FUTURI? Aħna nemmnu li, biex nevitaw kemm jista' jkun abbużi, għandu jkun hemm finanzjament mill-istat. Pereżempju, €6 fis- sena għal kull vot fl-elezzjoni nazzjonali u fl-elezzjoni għall-MEPs u €3 għal kull vot fil- Kunsilli Lokali. Donazzjonijiet mill-privat li jaqbżu l-€5000 għandhom ikunu illegali. Kull donazzjoni fuq €3000 għandha jkollha wkoll muri l-isem tad-donatur. It-trasparenza importanti immens, u aħna nikkommettu li nosservaw ir-regoli, kif ukoll l-etika madwar t-trasparenza, li nissottomettu l-accounts tal-Partit u nippubblikaw ir-rapporti tat- trasparenza kif għamilna fil-kampanji preċedenti ta' Arnold. L-ISTIL TA' TMEXXIJA U L-ISTORJA POLITIKA TA' ARNOLD CASSOLA HUMA MAGĦRUFIN, IŻDA XI WĦUD IQISUH BĦALA FIGURA LI TIFRED. KIF SE TIBBILANĊJAW IT-TMEXXIJA TIEGĦU MAL-GĦAN TAL-PARTIT LI JKUN INKLUSSIV U ĊENTRIST? Arnold Cassola ġab l-ogħla vot fl- elezzjonijiet nazzjonali għal kandidat indipendenti mill-1950, l-ogħla vot fl-istorja għal kandidat ta' tielet partit (2004) u ta' indipendenti (2024) fil-104 snin li ilhom isiru l-elezzjonijiet. Huwa naturali li nies normali li jaħsbu b'moħħhom jikklexxjaw ma' oħrajn ta' konvinzjonijiet oħra. Arnold qatt ma kien f 'partit fejn jobdi b'mod agħmi dak li jordna l-mexxej/kap, fejn ma jkollokx diskussjonijiet sħan basta ma tistaqsi xejn u tobdi dak li jgħidlek il-leader. Momentum ma jagħmilx dawn ir-restrizzjonijiet – u Arnold, minkejja li chairperson, ma jistax jimponi l-veduti tiegħu. Qabel kull policy, l-ewwel niddiskutu, imbagħad noħorġu b'policy kif maqbula bejn il-maġġoranza … u mhux kif jiddetta l-leader. Fuq materji ta kuxjenza, dejjem inħallu l-vot ħieles. IL-PRINĊIPJI EWLENIN TAL- PARTIT GĦADHOM PJUTTOST MIFTUĦIN. IN-NIES, META SE JIRĊIEVU PROPOSTI TA' POLITIKA DETTALJATI, PARTIKOLARMENT DWAR SUĠĠETTI KONTROVERSJALI BĦAR-REGOLAMENTAZZJONI TAL- KOSTRUZZJONI, IR-RIFORMA TAL- EDUKAZZJONI, JEW IL-PROTEZZJONI AMBJENTALI? S'issa ppubblikajna sett ta' proposti dettaljati dwar it-trasparenza u d-demokrazija. Fil-jiem li ġejjin se nippubblikaw sett ieħor dwar l-ekonomija. Il-politika tagħna mibnija fuq djalogu mal-komunità. Nemmnu li l-esperti huma essenzjali biex jgħinuna nfasslu proposti b'saħħithom. Għalhekk nistednukom tattendu l-Vision Circles ħalli fihom tkunu tistgħu tikkontribwixxu intom ukoll. L-IDEA TA' VISION CIRCLES TENFASIZZA L-INVOLVIMENT TA' BOSTA PERSUNI, IŻDA L-KRITIĊI JISTGĦU JARAWHA BĦALA KLIEM FIERAGĦ MINGĦAJR AZZJONI. DAWN ID-DISKUSSJONIJIET KIF SE JISSARRFU F'POLICIES LI JOLQTU MAT-TĦASSIB TAL-MALTIN? Nies minn kull sfera tas-soċjetà jattendu l-Vision Circles u jikkontribwixxu b'mod strutturat. Il-moderaturi tagħna jniedu sett ta' mistoqsijiet u jagħtu l-opportunità lil kull parteċipant jitkellem u jaqsam l-ideat tiegħu. Dawn l-ideat jinġabru u minnhom infasslu l-proposti tagħna. Lil hinn minn kliem fieragħ, dan diġà sar f 'erba' Vision Circles u l-ammont ta' nies li jattendu dejjem qiegħed jiżdied. XI MEMBRI TAL-MOMENTUM, FOSTHOM CASSOLA, GĦANDHOM GĦERUQ F'PARTITI OĦRA. KIF SE TINDIRIZZA L-PERĊEZZJONIJIET LI MOMENTUM HUWA BISS REBRANDING TAL-ADPD JEW ĠABRA TA' ATTIVISTI DIŻILLUŻI AKTAR MILLI FORZA TASSEW FRISKA? Il-politika ċentrali, il-vot ħieles fuq materja ta' kuxjenza, l-istil tat-tmexxija u tal-organizzazzjoni, il-Vision Circles, il- preżenza b'saħħitha tagħna online u man- nies waqt kampanji elettorali, id-diversità tat- tim u tal-membri tagħna, kollha jagħmluna partit differenti għal Malta tal-lum; partit li verament jirrappreżenta d-diversità tan-nies f 'Malta. IS-SISTEMA POLITIKA TA' MALTA KIENET STORIKAMENT IDDOMINATA MINN ŻEWĠ PARTITI EWLENIN. X'INHI L-ISTRATEĠIJA TAGĦKOM BIEX, MHUX BISS TEŻISTU BĦALA PARTIT, IMMA TIRNEXXU F'DAN L-AMBJENT POLARIZZAT? Il-100,000 ruħ għandhom iċ-ċans jibdlu dan kollu. F'elezzjoni nazzjonali, prattikament qed nitkellmu dwar tlettax-il elezzjoni differenti, fuq livell distrettwali. Għalkemm mhix ħaġa faċli, lanqas hija ħaġa impossibbli. F'kull distrett hemm madwar 25,000 votant. Kulma hemm bżonn huma 2,500 vot fuq distrett mal- ewwel għadd. Nemmnu li f 'numru ta' distretti hemm almenu 10% tal-votanti li għandhom tama qawwija li jiktbu paġna politka ġdida li vera tirrappreżenta l-aspirazzjonijiet tagħhom, u għalhekk issa ċ-ċans biex inwettqu dan. '100,000 ruħ għandhom iċ-ċans jibdlu s-sistema politika ta' Malta'