Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1532461
08 aħbarijiet IL-ĦADD 16 TA' FRAR 2025 • illum opinjoni "Din l-arroganza u s-sens ta' impunità lejn nies li huma fil-poter li donnu ħadd ma jista' jmisshom se tiġi msaħħa aktar. Kull min se jkun fil-gvern se jkollu inqas kontabilità ta' għemilu u jista' jikser il-liġi kif irid." Serving korruzzjoni F ilwaqt li Malta kollha kienet qed tiddiskuti u titbaqbaq fuq il-mes- saġġ wara l-kanzunetta 'Kant', ġejna moqdija kelma oħra li tibda bil-K bil-Malti: korruzzjoni. Infatti, Transparency International ikklassifikat lil Malta fil-65 post wara pajjiżi bħall-Arabja Sawdija u r-Rwanda. Filwaqt li ħafna kienu qed jagħmlu body shaming lill-kantanta Miriana Conte, u jitkażaw għall-catsuit trasparenti li l-kantanta "x'għarukaża" fettlilha tilbes, din l-istess trasparenza tinstab nieqsa fl-istituzzjonjiet tagħna u t-tkażar min-nies kien ferm anqas. U din inkwetanti! Il-korruzzjoni saret parti minn kif jgħix il-pajjiż. Apparti n-nies tas-soltu li qed jiġġieldu kontriha, inkluż il-partit tiegħi ADPD, il-korruzzjoni saret xi ħaġa li ndrat min-nies, kważi mistennija li tmissna. Transparency International iddeskriviet is- saltna tad-dritt f 'Malta bħala waħda fi stat ta' ħsara kbira. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar ikun mistenni n-nuqqas ta' infurzar. Inutli jkollok ir-regoli u l-liġijiet jekk ħadd mhu jinfurzahom. Dawn l-istess liġijiet qegħdin hemm biss għad-dehra u m'hemm l-ebda motivazzjoni reali biex fil-fatt jiġi żgurat li jiġu infurzati. Il-liġijiet qegħdin hemm għad- dekorazzjoni: faċċata meħtieġa biex nagħtu l-idea li aħna taparsi pajjiż demokratiku u ċċivilizzat. Fir-realtà qed ninbidlu f 'pajjiż awtokratiku. Il-ħruġ ta' Yorgen Fenech mill-ħabs wara ħames snin u meta għad mhux konkluż il-ġuri tiegħu, juri kif is-sistema ġudizzjarja tagħna taħdem bis-slow motion. F'dawn is-snin kollha ħadd ma azzarda jipproponi riforma biex jitħaffu każijiet importanti bħal dan li għadu jidwi mad-dinja kollha. Minflok sistema li tipproteġi lill-vittmi u tiggarantilhom ġustizzja, għandna sistema li tagħmilha aktar faċli għall-kriminali biex jevitaw il-ġustizzja. Id-dewmien fil-qrati tagħna jwassal għal nuqqas ta' ġustizzja u jidher li l-gvern preżenti huwa komdu b'din is-sistema u m'għandu l-ebda intenzjoni li jbiddilha. Anzi qed jagħmilha aktar diffiċli għal min irid jikseb ġustizzja. Bħalissa infatti, il-Gvern qiegħed jipprova jgħaddi mill-Parlament l-abbozz ta' liġi numru 125. Meta dan l-abbozz ikun approvat, ikun ifisser li kwalunkwe ċittadin ma jkunx jista' jitlob li ssir investigazzjoni fuq korruzzjoni (bħalma għadu jista' jagħmel s'issa) sakemm ma jkollux provi sodi f 'idejh. Jekk l-inkjesta tonqos milli jkollha xi ħatja, min talab l-inkjesta jkollu jħallas il-kont. B'hekk qed ikun inkoraġġit li, jew taqta' qalbek, jew tfalli, jew tagħlaq għajnejk u ma tagħti kas ta' xejn. Din l-arroganza u s-sens ta' impunità lejn nies li huma fil-poter li donnu ħadd ma jista' jmisshom se tiġi msaħħa aktar. Kull min se jkun fil-gvern se jkollu inqas kontabilità ta' għemilu u jista' jikser il-liġi kif irid. Jekk inti vittma ta' korruzzjoni, wara li jgħaddi dan l-abbozz, se tkun kważi impossibbli tikseb ġustizzja. Dan l-abbozz ħareġ minn gvern li sa it xhur ilu kien qiegħed jitkellem dwar Malta ġusta. X'ironija! Neħtieġu riforma li twassal għal ġustizzja li tipproteġi l-vittmi u tittratta lil kulħadd bl-istess mod. Dan huwa pledge li jien bħala kap tal-partit lesta nagħmel mal-elettorat u nwiegħed li se naħdem fuqha. Ma jistax ikollna membri parlamentari 'l fuq mil-liġi speċjalment f 'pajjiż bħal Malta li meta titla' fil-gvern ikun pass 'il bogħod minn dittatorjat għax il-partit rebbieħ ikollu kollox f 'idejh u għall-bqija lanqas il-frak ma jħalli. Li tkun responsabbli għall-azzjonijiet u jkun hemm mezzi ta' skrutinju fuq min imexxi, għandu jkun il-pedament u l-mod ġdid ta' kif għandha ssir il-politika f 'Malta. Se jkun vjaġġ twil u diffiċli iżda jien u t-tim tiegħi lesti għalih. Wasal iż-żmien li nagħtu sens ta' ordni lill-pajjiż u niggarantixxu liċ-ċittadini tagħna standards u ġustizzja. Ma nistgħux niġu bbuljati milli jkollna pajjiż ċivili u demokratiku. Ma nistgħux niġu bbuljati biex nisktu u nkunu beżżiegħa. Irridu niġġieldu kontra min irid jeqred il-pilastri ta' dak li jagħmilna demokrazija. Irridu nipproteġu l-ġurnalisti, inġeddu u nirriformaw il-ġudikatura u nneħħu minn fuq it-tron lil dawn li jippretendu li ma tistax tmisshom, u li bl-aġir tagħhom kissru pajjiż. Issa aktar minn qatt qabel irridu naġixxu! Chairperson tal-ADPD – The Green Party SANDRA GAUCI Miriana Conte waqt il-Malta Eurovision Song Contest