MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 24 August 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1538813

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 15

08 aħbarijiet IL-ĦADD 24 TA' AWWISSU 2025 • illum opinjoni "Jekk qed tgħaddi minn żmien diffiċli, l-ewwel pass lejn l-għajnuna jista' jkun l-aqwa rigal li tagħti lilek innifsek. M'hemm xejn ħażin fit- tiftix ta' sapport, anzi, huwa pass ta' kuraġġ li jixraqlu rispett." Psikoterapista u attivist għas-saħħa mentali KYLE ATTARD B ħala psikoterapista, ħafna drabi niltaqa' ma' rġiel li jaslu tard fil-vjaġġ tagħhom tas- saħħa mentali, meta kollox ikun diġà qed jitmermer. Mhux għax ma jimpurtahomx minnhom in- fushom. Huma wlied, missirijiet, aħwa u sieħba li tgħallmu minn meta kienu żgħar li għandhom iżommu sod, jibqgħu siekta u jlaħħqu waħedhom, anke jekk dan ifisser li jinjoraw kif vera- ment qed iħossuhom. Ħafna drabi, l-irġiel jispiċċaw jiżvogaw f 'affarijiet li jagħmlu aktar ħsara milli ġid. Anke studji li saru aktar minn għoxrin sena ilu kienu diġà qed jindikaw dan. Infatti, Brownhill et al. (2005) sabu li ħafna rġiel jippruvaw jikkontrollaw jew jevitaw l-emozzjonijiet tagħhom billi jinjorawhom jew jaħarbu minnhom. Din is-soppressjoni, maż-żmien, twassal għal splużjonijiet ta' rabja, abbuż minn sustanzi, jew self-harm. F'ċerti każijiet, dan jista' jispiċċa f 'suwiċidju. Meta wieħed iqis dan kollu, kif is-soċjetà għadha tfalli lill-irġiel meta niġu għas-saħħa mentali? Kif nistgħu noħolqu ambjent fejn l-irġiel iħossuhom siguri biżżejjed biex jitkellmu qabel ma jikkrollaw? Mill-mument li nitwieldu, l-irġiel u n-nisa jiġu assenjati ċerti rwoli u jkun mistenni minnhom li jimxu magħhom. Dan jinkludi x'għandna nilbsu, x'xogħol nagħżlu, u anke kif nippreżentaw lilna nfusna. Riċerka wriet li rġiel li jaderixxu b'mod qawwi man- normi u l-valuri tradizzjonali tal-maskulinità huma aktar suxxettibbli li jagħmlu suwiċidju jew li jesperjenzaw ħsibijiet jew tentattivi suwiċidali (Galvez- Sánchez et al., 2025, p. 1). F'Malta, ir-rata ta' suwiċidju hija ta' 8.3 għal kull 100,000 persuna, kemxejn inqas mill- medja tal-Unjoni Ewropea ta' 11.3. L-irġiel għandhom kważi seba' darbiet aktar ċans li jmutu b'riżultat ta' self-harm meta mqabbla man-nisa. Fost dawk ta' aktar minn 65 sena, il-mewt minħabba self-harm tidher biss fost l-irġiel, u f 'din l-età, dawn il-każijiet huma aktar komuni minn fost dawk iżgħar minn 65 sena, b'rata ta' madwar darba u nofs aktar għolja (Il-Ministeru tas-Saħħa, 2020). Minkejja li ħafna rġiel ikollhom bżonn l-għajnuna, ir-rata ta' dawk li fil-verità jikkonsultaw is-servizzi hija ferm iżgħar minn dik tan-nisa. Naraw ukoll differenzi ċari bejn il-ġeneri meta niġu għat-tip ta' sfidi mentali li jaffaċċjaw. L-irġiel għandhom aktar tendenza li jidħlu fl-abbuż minn sustanzi, filwaqt li n-nisa huma aktar suxxettibbli għall-ansjetà u d-dipressjoni. Din id-differenza mhijiex każ ta' ċans, iżda turi b'mod ċar kif ġejna soċjalizzati biex nittrattaw l-emozzjonijiet tagħna u l-uġigħ li nġorru magħna. Il-problemi mentali ħafna drabi jibdew minn età żgħira. Skont stħarriġ, wieħed minn kull ħamsa tas-subien ta' 15-il sena f 'Malta, jgħidu li jħossuhom ħażin mentalment aktar minn darba fil-ġimgħa, u madwar 30% iħossuhom nervużi b'mod regolari. Dawn mhumiex numri li nistgħu ninjoraw (Inchley et al., 2016). Permezz tax-xogħol tiegħi, kemm fis-settur tas-saħħa mentali fil-komunità, kif ukoll bħala psikoterapista, nista' ngħid li l-isfidi relatati mas-saħħa mentali jaffettwaw kull aspett tal-ħajja ta' persuna. Smajt bosta stejjer ta' rġiel li bilkemm ikunu jistgħu jqumu minn fuq is-sodda filgħodu, u xorta ma jemmnux li jistħoqqilhom kura u sapport, biss għax jibżgħu juru kif tassew qed iħossuhom. Dan kollu jsir piż fuq il- komunitajiet tagħna, fejn ħafna diġà qed ibatu ekonomikament u soċjalment. Jekk ma nindirizzawx il-problema fil- qalba tagħha, is-saħħa mentali, l-irġiel fil-komunitajiet tagħna se jibqgħu jsofru, u magħhom is-servizzi li darba kienu jgħinu biex jinbnew komunitajiet b'saħħithom. Din mhijiex biss kwistjoni tal-irġiel, iżda problema li taffettwa lill-komunità kollha. Aktar għarfien dwar ir-realtà tas-saħħa mentali jista' biss isaħħaħ l-ispazji li ngħixu fihom, u jgħinna nibnu soċjetà aktar b'saħħitha u sostenibbli. Il-fejqan jeħtieġ vulnerabbiltà. U biex persuna tħossha sigura tkun vulnerabbli, hemm bżonn ta' fiduċja. In-narrattivi li jdawruna, bħalma huma "l-irġiel ma jibkux", iżommu ħafna rġiel lura milli jfittxu l-għajnuna minn kmieni. L-espressjoni emozzjonali hija rigal li għandna bħala bnedmin, iżda ħafna drabi tiġi meqjusa bħala sinjal ta' dgħufija. Għalhekk, il-ħtieġa għal spazji siguri qatt ma kienet daqshekk evidenti. Hemm bżonn ta' bidla fil-kultura fil-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel, fid-djar tagħna. Aħna rridu nkunu dawk li jmexxu din il-bidla. Hemm bżonn li nitkellmu, li nippromovu edukazzjoni dwar is-saħħa mentali sa minn età żgħira, bħalma nitgħallmu dwar is-saħħa fiżika tagħna. Meta tkun parti minn komunità li timek, tonqos ħafna l-mistħija u s-solitudni li ħafna drabi jiġu ma' dawn l-isfidi. Għaliex it-terapija spiss għadha meqjusa bħala l-aħħar għażla? Bħalma mmorru għand it-tabib għal check-up annwali, għaliex ma nagħmlux l-istess għas-saħħa mentali tagħna? F'dan il-qasam, organizzazzjoni bħall-YMCA Malta toffri servizz ta' terapija b'xejn lil kull min għandu bżonn. Fl-ewwel nofs tal-2025, il-YMCA kienet diġà offriet iktar min 895 sessjoni ta' psikoterapija, b'41.9% tal-klijenti kienu rġiel. F'realtà fejn ħafna ma jaffordjawx kura privata, qed naħdmu biex is- servizzi tas-saħħa mentali jkunu aċċessibbli għal kulħadd, bla esklużjonijiet. Għandna wkoll servizzi residenzjali għal dawk li m'għandhomx saqaf fuq rashom, u ħafna drabi l-problemi ta' saħħa mentali jkunu fil-qalba ta' din is-sitwazzjoni. Bħala parti mill-programm residenzjali, dawn il-persuni jingħataw ukoll sessjonijiet ta' terapija. Huwa meta noffru appoġġ sħiħ li jolqot lill-persuna kollha, li nistgħu tassew ngħidu li qed ngħinu. Dawn il-fatti juru li hemm għajnuna kunfidenzjali, effettiva, u aċċessibbli li tilħaq lil min verament għandu bżonnha. Dan kollu jirrifletti l-missjoni globali tal-YMCA: li nibnu soċjetà aktar ġusta, inklużiva, u b'saħħitha. Il-messaġġ hu ċar. Jekk qed tgħaddi minn żmien diffiċli, l-ewwel pass lejn l-għajnuna jista' jkun l-aqwa rigal li tagħti lilek innifsek. M'hemm xejn ħażin fit-tiix ta' sapport, anzi, huwa pass ta' kuraġġ li jixraqlu rispett. B'dan il-pass, tista' tkun parti minn bidla akbar fil-mod kif nitkellmu dwar is-saħħa mentali. Il-familji, il-ħbieb, u n-nies ta' madwarna għandhom rwol importanti wkoll. Billi jinħlqu spazji fejn l-irġiel iħossuhom jistgħu jitkellmu bla biża' u bla ġudizzju, nistgħu nibdlu din ir-realtà. M'għandniex inħallu aktar nies ibatu fis-skiet. Ejjew nagħrfu l-valur li hemm fil-kura lejn xulxin, u naħdmu għal komunitajiet aktar siguri u aktar umani. Għax hemm fejqan. Hemm tama. U fuq kollox, hemm futur li jista' jkun differenti. Kemm-il raġel għandu jkun wasal fit-tarf biex finalment jitkellem? Il-problemi mentali ħafna drabi jibdew minn età żgħira

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 24 August 2025