Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1540706
niltaqgħu mas-sindki IL-ĦADD 26 TA' OTTUBRU 2025 • illum 16 Bħala sindku, x'inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X'inhi l-ikbar sfida għall- kostitwenti tiegħek? L-akbar tħassib tiegħi hu li nsibu bilanċ bejn il-bżonn li r-Rabat ikompli jiżviluppa u jiġġedded, u fl-istess ħin ma nitilfux il-karattru uniku tiegħu. Il-Belt Victoria kienet minn dejjem iċ-ċentru tal-ħajja soċjali, kulturali u amministrattiva ta' Għawdex. Irridu nkunu belt moderna, imma b'qalb tradizzjonali. Dik hi l-isfida l-kbira: li nkomplu ntejbu mingħajr ma nħassru dak li jagħmilha unika. Il-problema ta' nuqqas ta' parkeġġ, tat-traffiku u l-pressjoni fuq l-ispazji pubbliċi huma fost l-aktar li jinħassu. Għandna bżonn aktar postijiet fejn in-nies jistgħu jieħdu nifs u jqattgħu ħin ta' kwalità. Fl-istess ħin, irridu noħolqu aktar opportunitajiet ekonomiċi u kulturali, biex il-belt tibqa' ħajja u attraenti, kemm għall-Għawdxin, kif ukoll għal dawk li jżuruna. Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità? Aħna nemmnu fl-iżvilupp responsabbli u b'viżjoni. Kull proġett li jaffettwa ż-żona urbana għandu jiġi eżaminat, mhux biss fuq il-bażi ta' profitt jew funzjonalità, imma wkoll fuq kif se jaffettwa l-wirt, il-pajsaġġ u l-kwalità tal-ħajja. Ma nistgħux inħallu l-belt tagħna tinbidel f 'ġungla ta' konkrit. Ir-Rabat trid tibqa' belt li tirrappreżenta lil Għawdex kollu u waqt li trid tkompli tiżviluppa, qatt m'għandha titlef ir-ruħ tagħha. Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar- residenti? Onestament, le. Għandna bżonn aktar spazji ħodor u postijiet fejn familji, tfal, u anzjani jistgħu jqattgħu ħin barra mingħajr pressjoni tat-traffiku. Qegħdin nidentifikaw żoni li jistgħu jiġu rriġenerati u maqluba f 'żoni ta' mistrieħ jew attivitajiet komunitarji. Qegħdin f 'taħdidiet biex noħolqu żoni pedonali għal ċertu tul ta' ħin fiċ-ċentru ta' Beltna. Fis-snin li ġejjin, x'għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin? Nixtieq nara l-Belt Victoria bħala mudell ta' sostenibbiltà u ħsieb fit-tul. Il-fatt li l-Belt Victoria hija kandidata għall-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura tpoġġina f 'pożizzjoni li jekk nirbħu n-nominazzjoni nkunu kapaċi nwettqu dak li għedt. Għalhekk irridu niffukaw fuq mobilità intelliġenti, aktar effiċjenza fl-enerġija, titjib fit-toroq u aktar investiment fil-kultura, fl-edukazzjoni u l-isports biex insemmu xi oqsma minnhom. F'ħames snin, nixtieq li meta tgħid "Victoria", in-nies jaħsbu f 'belt moderna, organizzata, li teċċella fil-qasam kulturali u fl-istess ħin sabiħa f 'dak li għandu x'jaqsam estetikament. Dan kollu però mingħajr ma nitilfu l-identità tagħna ... dik tal-Belt Kapitali tal-gżira Għawdxija. Xi proġetti pjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib? Hemm diversi. Qed inħarsu lejn titjib fit- traffiku madwar iċ-ċentru, modernizzazzjoni ta' toroq u pjazez, proġetti ta' restawr f 'bini storiku u titjib fil-postijiet rikreattivi li għandna. Qegħdin ukoll inħarsu lejn aktar spazji għar-residenti u attivitajiet kulturali, biex inkomplu nsaħħu l-identità ħajja tal-Belt Victoria bħala belt ċentrali u kulturali. Żgur li x-xogħol kbir li qed isir fl-applikazzjoni għall-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura, Victoria31 huwa ċentrali fil-proġetti li qed nippjanaw. Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir- residenti? Nixtieq aktar faċilitajiet għaż-żgħażagħ, kemm f 'attivitajiet sportivi u edukattivi, kif ukoll f 'opportunitajiet ta' taħriġ u parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika. Għandna ħafna talent lokali li jixraqlu aktar spazju u appoġġ biex juri l-potenzjal tiegħu. U, fuq kollox, nixtieq li naraw aktar spazji fejn il- familji jistgħu jgawdu flimkien. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b'kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X'miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b'saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji? Il-Kunsill tal-Belt Victoria jopera b'kontabilità stretta u trasparenti. Nippjanaw kull proġett bil-għaqal u nżommu bilanċ bejn dak li rridu nagħmlu u dak li nifilħu għalih. L-aktar ħaġa importanti hi li l-flus pubbliċi jintużaw b'responsabbiltà u b'benefiċċju dirett għar-residenti. Dan huwa d-dover tagħna lejn il-poplu. Fundamentali huma fondi li l-kunsill jakkwista mill-Gvern Ċentrali jew mill-Unjoni Ewropea. Mingħajr din l-għajnuna qajla jistgħu jsiru proġetti kapitali, speċjalment f 'lokalita bħalma hi dik tagħna. X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar it- tqassim propost tal-lokalitajiet fid- distrett skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta' benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa' kif inhu? Naħseb li kull tibdil għandu jsir b'konsultazzjoni u b'evidenza ċara. Jekk il- bidla ttejjeb ir-rappreżentanza u s-servizzi, mela l-bidla hija tajba, imma jekk toħloq frammentazzjoni jew tgħawweġ il-bilanċ, allura jkun aħjar li kollox jibqa' kif inhu. L-aktar ħaġa importanti hi li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-interess tan-nies, mhux tal-partiti. X'kienet l-aktar parti li tatek sodisfazzjon fl-irwol tiegħek bħala sindku s'issa? Kull darba li tara attività tirnexxi u tisma' kelma ta' ringrazzjament mingħand resident, tħoss li l-ħidma tiegħek verament tagħmel differenza. Li tkun Sindku tal-Belt Victoria hu unur kbir, imma wkoll responsabbiltà li nieħu b'umiltà u b'dedikazzjoni. M'hemmx sens ta' sodisfazzjon akbar milli tara l-belt twelidek pass wara pass, tgħaddi għall-aħjar. 'Nixtieq li jkun hemm aktar trankwillità fejn jidħol it-traffiku u l-parkeġġi' Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta' artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F'din il-ġimgħa, dan il- ġurnal ipoġġi ma' Brian Azzopardi, is-sindku tar-Rabat Għawdex. Il-Belt Victoria, magħrufa wkoll bħala r-Rabat, hija l-belt kapitali ta' Għawdex u tħaddan fiha storja u kultura rikka. F'nofs il-belt tinsab iċ-Ċittadella, fortizza storika li toffri veduti panoramiċi tal- gżira u fiha hemm il-Katidral ta' Għawdex u diversi mużewijiet. Il-Belt Victoria hija wkoll iċ- ċentru amministrattiv, kummerċjali u kulturali ta' Għawdex, bi ħwienet, suq tradizzjonali, u knejjes antiki bħal dik ta' San Ġorġ. Il-belt għandha atmosfera ħajja, speċjalment waqt il-festi reliġjużi tagħha, u toffri taħlita armonjuża ta' storja, ħajja lokali, u ospitalità Għawdxija. Brian Azzopardi, is-Sindku tar-Rabat Għawdex
