Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1541682
03 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 30 TA' NOVEMBRU 2025 Il-gazzetta ILLUM tinvestiga l-kontroversja madwar l-imwejjed fit-toroq prominenti tal-Belt Valletta ILENIA DEBONO Tgħaddi minn Triq ir- Repubblika jew Strada Merkanti u tinduna li hemm iżjed imwejjed u siġġijiet fit-toroq milli nies. Ir-residenti Beltin ilhom jitkellmu fuq din il-problema, u t-telfa tat-toroq Beltin a skapitu ta' dawn l-imwejjed. Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf Mckay, meta tkellem mal- gazzetta ILLUM, qal li hemm bżonn ta' pjan ta' azzjoni sabiex il-lokalità f 'ħidma mal-entitajiet ikkonċernati jinstab mudell addattat għall-ħtiġijiet residenzjali u dawn kummerċjali. "Il-Kunsill tal-Belt għaddej f 'ħidma mal-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru sabiex bi proġett pilota jitfasslu miżuri adatti għall-Belt li jindirizzaw ukoll t-turiżmu ta' kwalità li tattira lejha l-Belt Kapitali. Permezz ta' dan il-proġett se nkunu nistgħu nindirizzaw sfidi bħall-iskart, l-ordni pubblika u l-immaniġġjar ta' akkomodazzjonijiet turistiċi," spjega McKay. F'Ġunju tal-2024 kien hemm 31 stabbiliment bl-imwejjed u siġġijiet barra skont il-Ministru għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari. Fl-istess sena kien hemm videos jiċċirkolaw fuq l-internet b'ambulanzi li bilkemm setgħu jgħaddi minn toroq fil-Belt minħabba dawn l-imwejjed u siġġijiet. Ir-rabja tar-residenti u sidien ta' negozji fil-Belt tidher mill-grupp soċjali u informali 'Residenti Beltin Valletta'. Huma tkellmu ma' din il-gazzetta u qalu li kemm bħala grupp, kif ukoll bħala residenti, ilhom jitkellmu fuq din il-kwistjoni mill-pandemija iżda issa "l-abbużi komplew jiggravaw." Dan hekk kif fiż-żmien il- pandemija fl-2021 ħarġu permessi temporanji mill-Malta Tourism Authority li ħallew stabbilimenti tal-ikel jarmaw imwejjed u siġġijiet barra minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID. Skont ir-Residenti Beltin Valletta, dawn il-permessi li suppost ġew terminati fis-sajf tal- 2022, qatt ma ġew revokati anzi kien hemm "proliferazzjoni bla kontroll." Huma qalu li minbarra l-problema tal-permess li qed tħalli din l-invażjoni għaddejja, l-ebda kunsillier Belti miż-żewġ naħat qatt ma ħadem f 'dan il-qasam, la għamel oġġezzjonijiet formali quddiem l-Awtorità tal- Ippjanar, la wieġbu l-inizjattivi tal-istess residenti, u lanqas xandru l-petizzjonijiet jew il-protesti tagħhom. "Dawn l-azzjonijiet imorru ferm oltre minn sempliċement ritratt fuq il- media soċjali jew xi żmien ta' xi elezzjoni," qal il-grupp. Madankollu, l-imwejjed ilhom fit-toroq Beltin qabel ma ħarġu dawn il-permessi. Dan ir-ritratt tela' fuq Facebook fl-2018 minn individwu li kien diżappuntat bl-aġir ta' dan l-istabbiliment li ħa triq sħiħa bi tlett imwejjed. Il-kummenti taħt dan ir-ritratt kienu tal-istess fehma, fejn kien hemm min anke qal li l-karozzi m'għandhomx jidħlu ġol-Belt ħlief għal trakkijiet neċessarji. Ir-Residenti Beltin Valletta spjegaw li dawn l-imwejjed qed jinvadu l-ispazju pubbliku kif ukoll l-għejbien ta' toroq pedonali għal familji, anzjani, viżitaturi, p e r s u n i b'd i ż a b i l i t à , vetturi tal-komunità, ta' emereġenza, u dawk kummerċjali. Minbarra t-toroq, dawn l-istabbilimenti ġieli jkollhom mużika qawwija bla kontroll u nuqqas ta' konsiderazzjoni lejn il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, li ħafna mid-drabi jkollhom isofru minn dan l-istorbju minn filgħodu. Ċerti residenti qalu li din il-mużika ġieli tkun qed tindaqq ukoll waqt il-ħinijiet tal- mistrieħ waranofsinhar. Minbarra n-negliġenza tal- istabbilimenti, il-grupp soċjali qal li hemm "assenza totali ta' infurzar fuq illegalitajiet dwar l-imwejjed u siġġijiet," li skonthom tikkostitwixxi bħala serq ta' propjetà pubblika li ilha sservi u taqdi lill-komunità Beltija. "Ibda min-nuqqas ta' żamma tal-wegħda ta' dar tal-anzjani ġewwa l-Belt Valletta miż-żewġ partiti li kien hemm, kemm fit- tmun tal-pajjiż, u kemm tal- lokalità. Eżempju ċarissimu — Evans Building, li fl-2011 tpoġġa taħt wegħda ta' riġenerazzjoni, u li fl-2024 ġie ffinalizzat. Partit beda, u ieħor kompla." L-għaqda Malta Hotel and Restaurant Association (MHRA) kienet diġà irrikonoxxiet din il-problema fl-2024 meta kien hemm għagħa kbira fuq il- kwistjoni. L-MHRA qalet li m'hemmx regolazzjoni fuq l-użu tal-imwejjed u s-siġġijiet fi spaziji miuħa l-Belt. Il-grupp soċjali qal li jista' jintlaħaq bilanċ bejn il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u n-negozji billi jkun hemm infurzar serju u kostanti, flimkien ma' dawra lejn il-mudell ta' tpoġġija raġonevoli ta' dawn l-imwejjed, "Qatt ma kellna diffikultà b'mejda jew tnejn f 'post fejn hemm spazju xieraq u fejn ma ssirx diskriminazzjoni jew periklu," qalu r-residenti kkonċernati. Ħlief l-infurzar, il-grupp qal li jrid ikun hemm rispett lejn ir-regoli tal-Local Plans, tal- Kummissjoni għad-Diżabilità, lejn il-PA u l-awtoritajiet ikkonċernati u b'reviżjoni u forsi revokazzjoni ta' permessi li ngħataw b'"mod żejjed" matul il- pandemija jew dawk il-permessi li jkompli jintirtu awtomatikament. Barra minn hekk, il-grupp qal li l-mużika għolja tista' tiġi rregolata mir-revokazzjoni assoluta tal-L.N. 161 u 163 li jirregolaw id-daqq tal-mużika minn stabbilimenti f 'diversi postijiet f 'Malta, inkluż il- Belt. Il-grupp issuġġerixxa li jkun hemm użu ta' meters obbligatorji fuq il-ħoss u soundproofing, flimkien ma' kontrolli fissi, operatur li jkun telefonata 'l bogħod, żieda sostanzjali fil- penali b'kumpens lejn ir-resident milqut u sospensjoni temporanja tal-operat wara ksur ripetut. Il-grupp ikkonkluda billi qal li jirċievi numru konsiderevoli ta' lmenti relatati ma' ostakolazzjoni tal-bankini, krejns u mogħdijiet; mużika għolja u vibrazzjonijiet sa tard billejl; nuqqas ta' rispett lejn spazji residenzjali; nuqqas ta' infurzar mill-entitajiet responsabbli. "L-unika soluzzjoni hi li l-lokalità ma tibqax immexxija minn partiti pro- business li storikament urew li jirrepetu l-istess żbalji u jħallu l-abbużi jiggravaw." Is-sindku qal li anke l-Kunsill jirċievi ħafna lmenti varji, hekk kif il-Kunsill iservi ta' "hub amministrattiv u komunitarju" fejn kulħadd jiddiskuti u jaħdem flimkien u mbagħad il-Kunsill jiggwida ċ-ċittadin kif għandu jasal għand l-entità kkonċernata. Minn Triq ir- Repubblika għal Strada Stretta, m'hemmx fejn toqgħod labra Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf Mckay qal li hemm bżonn ta' pjan ta' azzjoni

