MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 4 January 2026

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542365

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 15

intervista IL-ĦADD 4 TA' JANNAR 2026 • illum 16 Fuq Xtra, Saviour Balzan jintervista lil Noel Muscat, Sindku ta' Swieqi 'Hemm toroq fejn anke 70% huma barranin, inkluża t-triq tiegħi stess' Il-populazzjoni fis-Swieqi kif kibret? Kienet sostanzjali? Fil-fatt kibret ħafna, u propjament qed tikber wisq għall- fiżjonomija tal-lokalità. Is-Swieqi beda jinbena fis-70ijiet wara l-bini ta' Triq Reġjonali. Imbagħad kien hemm bejn terraced houses, maisonettes u vilel. Illum ngħid li s-Swieqi qiegħed fit-tieni fażi ta' kostruzzjoni għax il-vilel u d-djar qed jaqgħu u qed jinbnew flettijiet. Il-popolazzjoni qiegħda madwar 16,000, però għandek ħafna flettijiet short-let, li ma nafux kemm hemm residenti fihom. Għax is-Swieqi hija essenzjalment żona residenzjali, ħafna mit-toroq huma Residential Priority Area. Jiġifieri l-ebda tip ta' attività kummerċjali u m'għandniex ċentri ta' kummerċ. Bħala lokalità, intom għandkom il-periferija li taqa' taħt it-territorju tagħkom. Liema huma dawk it-territorji li ħafna nies ma jafux li huma taħt is-Swieqi? Aħna qegħdin Swieqi, Madliena u Ibraġġ bħala parti mis-Swieqi u qegħdin imdawrin b'Ħal Għargħur, San Ġiljan u Pembroke. Jiġifieri għandek l-isfidi ta' San Ġiljan minħabba Paceville, imma sfida li għandna nkunu kapaċi nilqugħa. 16,000 ruħ, il-biċċa l-kbira huma Maltin jew barranin? Naħseb qegħdin nofs u nofs. Ħafna barranin. Il-popolazzjoni tiċċaqlaq regolarment, tant kemm hemm żvilupp. Hemm toroq fejn anke 70% huma barranin, inkluża t-triq tiegħi stess. Hemm taħlita kbira. Imbagħad għandek min hu mill-UE u min mhuwiex. Allura dawn diffiċli aktar taqbadhom għax ma jkunux irreġistrati. X'inhuma l-ikbar sfidi li għandek bħalissa? L-ikbar sfidi li għandi joħloqhomli l-gvern stess. Barra li joħloqhom hu għax bla viżjoni, m'għandux soluzzjoni. Jiġifieri l-ġlieda tagħna kuljum mhijiex biex immexxu l-lokalità, imma m'għandniex l-għodda biex inlaħħqu mal-problemi l-oħrajn. Ma rridx indaħħal politika imma hekk hu. L-isfidi tiegħi ġejjin mill- iskart, l-istorbju u l-vandaliżmu. Inti qed titkellem hekk għax ġejt elett fuq il-biljett tal-PN? Le, il-fatti jaom kulħadd. Il- problema tal-iskart min ħoloqha? Mhux min ma ħax azzjoni? Jekk jien inkun illi ngħidlek bi problema għal disa' snin bil-miktub, u l-problema sena wara sena ssir agħar, x'nagħmel? Noqgħod ċiċċi beqqi? Spjegali l-problema tal-iskart. Mela l-ewwel nett, kull lokalità hija differenti bi sfidi differenti anke dawk li huma ġirien tagħna. Aħna ż-żona residenzjali, m'għandniex problema tal-iskart f 'partijiet li huma residenzjali. Meta bdew jinbtu x-short-let flats, disa' snin ilu, kont tkellimt mal-Ministru għat-Turiżmu u tajtu dokument, għedtlu short-let flats qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla u qed joħolqu dawn l-isfidi flimkien ma' xi suġġerimenti. Issa s-suġġerimenti ta' dak iż-żmien anqas għadhom tajbin għal-lum kollha, tant inbidlet illum is-sistema. Imma disa' snin, issa ħa nkun sinċier, Ian Borg jidher li qabad il-barri minn qrunu għax kien l-uniku ministru li iltaqa' magħna u ddiskuta l-problema. Fil-fatt għażel lilna u lill-Belt bħala proġetti piloti biex nippruvaw insolvu l-problema. Ma nistax ma nfaħħrux u ma nirringrazzjahx għax fehem. Il-problema mhix għax il- komunità hija diversa, dawk il- Gżira u l-Imsida għandhom dik il-problema u San Pawl. Ix-short- let għandhom domanda kbira għalihom u t-turn over fil-flett huwa immedjat. Inti x'tagħmel meta flett jitbattal? Mhux tnaddfu? U jekk m'għandekx fejn iżżomm l-iskart, x'tagħmel? Hawn kumpaniji li jieħdu l-iskart magħhom, issa jekk hux legali jew le ħaġ'oħra. Imma oħrajn li m'għandhomx u joħorġuh barra. U dik hija l-problema, nafuha. Mela, is-soluzzjoni qiegħda fl-Awtorità tal-Ippjanar li għednielhom ukoll disa' snin ilu. Lill-MTA ngħidulha, tagħtix permess jekk m'għandekx fejn iżżomm l-iskart. Jekk hija loġika din, mhijiex diffiċli biex timplimentaha. Malta, speċjalment iż-żona tagħna, tant aħna densely populated li m'hemmx fejn narmu l-iskart jew nagħmlu dawn il-bins il-kbar. Allura mhux taddatta għas-sitwazzjoni li għandek? Qed tara xaqq ta' dawl f 'din il-kwistjoni? Iva, hemm xaqq ta' dawl. Imma, b'imma kbira, jien qed ninsisti li x-short-lets li huma negozju bħal kwalunkwe negozju ieħor bil-VAT — li m'għandi xejn kontrihom imma hemm bżonn regolazzjoni — hemm bżonn intervent tal- Awtorità tal-Ippjanar. Biss biss il-gvern m'għandux kontroll fuq ix-short-lets kif inhi llum. Il-gvern m'għandux kemm hemm short-lets. Is-Swieqi huwa post tranżitorju fejn in-nies jgħaddu għal post ieħor, fejn kien hemm rapporti ta' atti ta' kriminalità jew vandaliżmu. X'inhi s-soluzzjoni? L-infurzar żgur, imma rridu aktar dixxiplina. Illum tant kemm m'aħniex dixxiplinati fi kwalunkwe sfera, kieku jkun hemm bżonn pulizija f 'kull kantuniera. Għall- iżvilupp hemm bżonn pulizija għax ikun hemm min hu mqarreb, ieħor għall-veloċità, ieħor għall-parkeġġ, ieħor għall-iskart, ieħor għall- istorbju. Tal-istorbju ġejja wkoll minn sidien ta' appartamenti, kif jitmexxew. Irid ikollok xi ħadd jieħu ħsieb. Inbidlet ħafna s-sitwazzjoni. Qabel ix-short-let ikollok blokka flettijiet ta' tmienja, tnejn long-let, tnejn sidien u erba' forsi short-let. Illum blokok kbar short-let biss, anqas issib ħafna flettijiet għall- bejgħ ġodda fis-Swieqi. Allura jrid ikun hemm regoli stretti. Inti qed tgħid li l-għerq tal- problema hija tax-short-lets imma jista' jkun ukoll li hemm l-idea li kważi tista' tagħmel li trid? L-ikbar problema hija li qed tinżel il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Inti ilek sindku 13-il sena. Taħseb li din problema ta' Gvern Laburista? L-ewwel nett, il-gvern infired minn mal-kunsilli. Dik l-ikbar problema. Żarmana. Aħna rridu nittallbu l-ħin kollu. It-tkabbir kbir li kien hawn — li ħadd ma jista' jinnegah — ma kienx ikkontrollat. Mela jien jekk qabel kelli 10,000 resident u issa 16,000, l-istess? Imma l-mezzi biex immexxi mhumiex l-istess. Il-problema hija s-sistema politika tal-preżent. Lil hinn min-nuqqas ta' komunikazzjoni, m'għandekx l-abiltà li tgħid irrid inkellem lill-ministru kkonċernat? Mhux hekk nagħmlu. Illum emails. Hemm min iwieġeb u hemm min le. Imbagħad jieqfu jirrisponduk. Inti taf li kważi kultant effettiv aktar jekk jikteb resident lill-Ministru milli jekk nikteb jien? Din ġejja mill-politika tal-poter. Il- Ministru jrid li inti tmur għandu ħalli tirringrazzjah. X'tirrispondi fuq il-problema tal-finanzi tal-kunsilli? Kemm saret problema din. Meta nitkellmu fuq l-għoli tal- ħajja, mhuwiex l-ikel, il-ħobż u l-ħalib. Huwa kwalunkwe servizz u l-prodott li tixtri. Kwalunkwe tender li nitfgħu, jiġi ħafna ogħla. U l-finanzi tal-kunsilli ma żdidux paripassu, u ġejna nitkarrbu. Il-finanzi tas-Swieqi, ħafna mill-kunsill lokali qegħdin f 'dejn kbir. Kif qegħdin intom? Mela dejn kbir m'għandniex, però għandna defiċit f 'dawn l-aħħar sentejn. Fl-ewwel disa' snin kien ikollna surplus dejjem. Jien qatt ħadd ma semagħni nitkellem fuq il-finanzi sa disa' snin ilu. Għax ma kinitx problema tiegħi. Imma llum, tal-biki. Titlobni nsewwi bankina u ma nistax. Illum rajna kemm hemm kunsilli b'defiċit, inkluż tagħna. Trid tara r-raġuni għalfejn għax jekk nagħmlu proġett kapitali jista' jkun mod jew jekk abbużaw, mhux qed ngħid li hekk bilfors. Imma jien żgur li aħna ma abbużajniex. Żgur li aħna nagħmlu kontijiet tal- imaniġġjar kull tliet xhur. Ngħidlek f 'Jannar mort għand id-Direttur Ġenerali tal-kunsill lokali u għedtlu mhux se nlaħħaq din is-sena, u għandi bżonn daqshekk iktar. Jien ma rridx innaqqas mis-servizz u l-kwalità, jien inżid irrid. Semmili kisbiet tal-kunsill lokali tas-Swieqi li intom għamiltu kontra kollox? L-ewwel nett nibda biex nirringrazzja ħafna lill-kunsilliera kollha li huma attivi ħafna, bi preżenza numeruża, u kważi kollha jipparteċipaw u jaħdmu ħafna. Dak li ħloqna fis-Swieqi huwa frott tal-kunsill, għax aħna m'għandniex każini. Dak li hemm, kulma norganizzaw, il-kunsill jieħu ħsieb. Swieqi Fest, Ġieħ is-Swieqi, l-attivitajiet tat-terz'età, dan kollu. Hemm ħafna affarijiet li għamilna li huma lil hinn mill-obbligi tagħna. Imbagħad għandek kemm ħaddarna l-post meta m'għandniex art pubblika, xejn. Ħlief courts tat- tennis. Qed nibku lill-gvern biex jixtri għalqa biswit il-kunsill ħalli nagħmluha spazju miuħ u ċentru tal-arti u l-kultura. L-interess politiku tiegħek jieqaf hawn? Le, jien kandidat u anke ħriġt drabi oħra għall-elezzjoni. Tirtira meta jġegħluk tirtira n-nies, però nixtieq nikkontribwixxi għax nemmen li dan il-pajjiż għandu ħafna x'joffri b'mod aħjar u politika serja.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 4 January 2026