Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1543289
IL-ĦADD 15 TA' FRAR 2026 • illum analizi IL-ĦADD 15 TA' FRAR 2026 • illum 16 Sitt sekli ta' Karnival f 'Malta Il-Karnival Malti għandu storja twila li tmur lura għall-Medju Evu. Minkejja projbizzjonijiet, tensjonijiet politiċi u bidliet soċjali, din il-festa popolari rnexxielha tgħix u tevolvi minn żmien il-Kavallieri, għall-perjodu Brittaniku, sal-lum. JAELLE BORG Il-Karnival f 'Malta hu wieħed mill-eqdem u l-aktar avvenimenti popolari fil- kalendarju kulturali tal- gżejjer. L-għeruq tiegħu jmorru lura mill-inqas għall- bidu tas-seklu 15, meta l-gvern lokali ta' dak iż-żmien kien diġà joħroġ regolamenti dwar il-bejgħ tal-laħam matul il- jiem tal-Karnival. Din il-festa, marbuta mill- qrib mal-kalendarju Nisrani u li tippreċedi r-Randan, kienet ukoll espressjoni ta' libertà soċjali, satira u bluha kollettiva. IL-KARNIVAL TAĦT IL- KAVALLIERI Taħt l-Ordni ta' San Ġwann (1530–1798), il-Karnival ingħata spinta qawwija mill- Gran Mastri. Fl-1535, il-Gran Mastru Piero del Ponte ħeġġeġ attivitajiet bħal tournaments u pageants, fejn il-kavallieri setgħu juru l-ħiliet militari tagħhom. Madankollu, mhux kull Gran Mastru kien komdu bl-eċċessi: Piero del Ponte u aktar tard Jean Parisot de Valette imponew limiti fuq l-imġiba tal-kavallieri, filwaqt li xorta ppermettew ilbies bil-maskri u ċelebrazzjonijiet pubbliċi. Sa nofs is-seklu 17, dehru wkoll projbizzjonijiet speċifiċi, fosthom ordni tal-1639 li kienet tipprojbixxi n-nisa milli jilbsu maskri jew kostumi demoniċi. Dawn il-miżuri, madankollu, ma damux. Fl-1730 bdew il- parati fuq l-art, b'karru tal-Gran Mastru jmexxi l-purċissjoni, akkumpanjat mill-kavallerija u karozzini mżejna. IL-PARATA U L-KUKKANJA Żewġ elementi tradizzjonali spikkaw fil-Karnival Malti. Il-Parata kienet tinkludi żfin simboliku li jerġa' jgħix il- ġlieda tal-Assedju l-Kbir tal- 1565 bejn il-Kristjani u t-Torok. Għal żmien twil kienet meqjusa essenzjali: "mingħajr Parata, ma kienx hemm Karnival". Il-Kukkanja, introdotta fl- 1721 mill-Gran Mastru Taljan Marc'Antonio Zondadari, kienet logħba popolari li fiha żgħażagħ irġiel kienu jitilgħu ma' arbli li kienu jkunu midlukin ħabba ż-żliq, bit-tama li jitilgħu sa fuq nett u jilħqu l-ikel u l-premjijiet li jkunu marbuta magħhom. Il- kompetituri li jaslu sal-quċċata jkunu jistgħu jieħdu l-premjijiet misjuba. IL-PERJODU FRANĊIŻ U L-WASLA TAL-INGLIŻI L-okkupazzjoni Franċiża waqqfet il-Karnival għal ftit żmien, iżda wara l-1800, taħt il-ħakma Brittanika, il-festa reġgħet bdiet. Ironikament, ħafna mid-dettalji ta' dan il- perjodu ġew irreġistrati minn viżitaturi barranin. Tobba, kittieba u ministri reliġjużi Ingliżi u Amerikani ddeskrivew il-Belt bħala belt mimlija kostumi, mużika, karozzini, ħelu mitfugħ mit- twieqi u taħlit ta' klassijiet soċjali. TENSJONIJIET RELIĠJUŻI U POLITIĊI Mhux kulħadd kien jara dawn l-eċċessi b'għajnejn sbieħ. Fl- 1846, il-Gvernatur Sir Patrick Stuart ipprojbixxa l-użu tal- maskri nhar ta' Ħadd, minħabba r-rispett lejn il-jum sagru. Il- poplu obda formalment, iżda b'mod satiriku: ħafna ddekoraw l-annimali tagħhom bil-maskri u ħarġuhom fit-toroq tal-Belt. Is-sitwazzjoni eskalat f 'inkwiet serju, bi ġlied mal-gwardji tal- palazz u arresti. L-inċident wera kemm il-Karnival kien marbut mal-identità popolari Maltija u kemm restrizzjonijiet jistgħu jqajmu reazzjonijiet qawwija. SATIRA, INĊIDENTI U RIFORMI Matul is-seklu 19 u l-bidu tas- seklu 20, il-Karnival Malti kien magħruf għas-satira qawwija tiegħu, speċjalment fil-karrijiet li kienu jiddieħku b'figuri politiċi u deċiżjonijiet tal-gvern. Din it-tradizzjoni wasslet għal tensjonijiet, tant li fl-1936 ġiet introdotta liġi li effettivament ipprojbiet is-satira politika fil- Karnival. L-istorja tal-Karnival tinkludi wkoll traġedji, fosthom l-inċident tal-1823 meta aktar minn mitt tifel mietu mgħaffġa f 'kunvent fil-Belt fl-aħħar jum tal-festi. IL-KARNIVAL MODERN Fis-seklu 20, il-Karnival għadda minn bidliet organizzattivi u loġistiċi. Għal snin twal iċ-ċentru tiegħu kien Pjazza San Ġorġ, imbagħad Misraħ il-Ħelsien, u aktar tard siti oħra bħat-Terminus u l-Fosos tal-Furjana. Mill-2014 'l hawn, il-Karnival reġa' lura fil- qalba tal-belt kapitali. Illum, il-Kunsill Malti għall- Kultura u l-Arti jorganizza l-festi, li jinkludu karrijiet kbar, kompetizzjonijiet ta' żfin, kostumi, maskri grotteski u attivitajiet, kemm f 'Malta, kif ukoll f 'Għawdex. Fin-Nadur, il- Karnival spontanju u grottesk għadu jsir mingħajr struttura formali, bħala espressjoni pura tal-ispirtu tal-festa. TRADIZZ JONI LI TIBQA' ĦAJJA Minkejja projbizzjonijiet, bidliet politiċi u tensjonijiet soċjali, il-Karnival Malti baqa' jgħix għal kważi sitt mitt sena. Minn bluha pagana għal festa Nisranija, minn satira politika għal spettaklu artistiku, il- Karnival jibqa' xhieda ta' poplu li, mill-inqas darba fis-sena, jagħżel li jħalli r-regoli daqsxejn fil-ġenb u jiċċelebra l-ħajja. Il-festi tal-Karnival illum jinkludu karrijiet kbar, kompetizzjonijiet ta' żfin, kostumi, maskri grotteski u attivitajiet BEJN TRADIZZJONI U SATIRA
