Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1544099
analiżi illum • IL-ĦADD 29 TA' MARZU 2026 09 Is-saga ta' Manoel Island u l-Ponta ta' Tigné – 33 sena biex tiġi salvata l-gżira Forti Manoel u Forti Tigné huma simboli storici li jirrappreżentaw parti mill-identità Maltija Ftit tal-ġranet ilu l-parlament ivvota biex Manoel Island terġa' lura għand il-gvern wara sitta u għoxrin sena minn mindu ngħatat b'ċens, flimkien mal- Ponta ta' Tigné (Tigné Point) lill-kumpanija MIDI. L-istorja tal-konċessjoni hija twila u kkumplikata. Hija storja li tirrifletti l-prijoritajiet tal-gvernijiet tul is-snin li jużaw l-industrija tal-kostruzzjoni jew aħjar tal- ispekulazzjoni tal-art bħala mutur ekonomiku. Mhux possibbli analiżi fil-fond mill-bidu tal-proċess fl-1992 sal-lum, għaldaqstant se nagħtu ħarsa tat-tappi prinċipali tal-istorja, minn meta ngħatat il- konċessjoni formalment, u naraw kif żviluppat l-istorja fl-2012, fl- 2017 sa ma naslu sal-lum. Fl-1992 il-gvern ħareġ tender għall-iżvilupp tal-Ponta ta' Tigné u Manoel Island. Fl-1993 il- MIDI ntgħażlu mill-gvern bħala 'preferred bidder' għall-iżvilupp tal-art pubblika fil-Ponta ta' Tigné u Manoel Island. Sakemm sar il-ehim dwar il-konċessjoni u l-art għaddiet lill-MIDI, bl- approvazzjoni unanima tal- parlament għaddew seba' snin oħra. Kumitat parlamentari vvota favur it-trasferiment ta' Manoel Island u Tigné Point lill-MIDI consortium f 'Ġunju 1999. Il-mozzjoni formali tressqet fil-parlament mill-ministru tal-ambjent ta' dak iż-żmien Francis Zammit Dimech fl-20 ta' Jannar 2000 u ġiet approvata mill-parlament kollu. Il-kuntratt ta' ċens għal 99 sena ġie ffirmat f 'Ġunju tas-sena 2000. L-użu tal- art pubblika għall-ispekulazzjoni ma tantx kien kontroversjali dak iż-żmien. L-enfasi kienet fuq investiment fil-bini, u kull ċentimetru ta' art mhux mibnija kienet, u forsi għadha, titqies bħala valur moħli. Wara 12-il sena mill-għoti tal-konċessjoni li waqthom il- MIDI kkonċentrat fuq il-bini ta' appartamenti u ħwienet f 'Tigné, bdew iduru stejjer fil-gazzetti li l-MIDI kien qed jitlef l-interess f 'Manoel Island. Il-MIDI sostnew li ma kien hemm l-ebda diskussjoni mal-gvern dwar il- pjanijiet tal-kumpanija għall-gżira ħlief fuq kwistjonijiet ta' operat. Saħqu li kollox kien miexi fil-ħin u skont il-pjanijiet. Dak iż-żmien, anke minħabba n-nuqqas ta' progress f 'Manoel Island, meta mqabbel ma' dak fuq il-parti l-oħra tal-konċessjoni, il-Ponta ta' Tigné, kompla t-tentattiv ta' għaqdiet ambjentali biex Manoel Island tiġi salvata mill-iżvilupp u ssir park. Mill-partiti politiċi, la l-PN u lanqas il-PL ma kienu interessati li jagħtu widen lil din it-talba. K ienet biss l-Alternattiva Demokratika (AD) li baqgħet tinsisti li l-proġetti f 'Tigné u Manoel Island kienu spekulazzjoni minn fuq art pubblika. Il-MIDI, anke dak iż-żmien, saħqu li kull bdil fl-użu tal-art f 'Manoel Island kellhom jiġu kkumpensati għalih. Saħqu li kellhom obbligi ta' €100 miljun f 'xogħol infrastrutturali u restawr tas-siti storiċi, fost spejjeż oħra. Il-kjass inqala' wara li Albert Mizzi li kien Chairman tal-MIDI, f 'intervista fis-Sunday Times (25 ta' Marzu 2012) fakkar li kien il-gvern stess li ddeċieda li l-Ponta ta' Tigné u Manoel Island jiġu żviluppati flimkien. Tefa' l-ballun f 'saqajn il-gvern u qal li ma jaċċettax li jiġu akkużati bl-istupru ta' Manoel Island meta kien il-gvern li ddeċieda li l-gżira tiġi żviluppata. Fil-fatt it-tender ħareġ għal konċessjoni waħda, u l-konċessjoni tal-artijiet ġiet approvata għall-iskop ta' żvilupp mill-parlament unanimament. Dan l-aħħar, f 'Ġunju 2025, waqt intervista fuq ir-radju RTK ma' Andrew Azzopardi Alfred Sant qal li ddispjaċieh li ċeda għall- inkoraġġiment ta' Mizzi biex japprova l-proġett tal-MIDI. Qal li Mizzi qallu li l-proġett sa jkun 'modest bħal dak ta' Portomaso'. L-iżvilupp massiċċ fil-Ponta ta' Tigné sar simbolu tas- saħħa tal-iżviluppaturi u tal- kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji pubbliċi. F'Jannar tal-2012 kien ingħata l-permess biex il-MIDI jiżviluppaw il-Lazzarett f 'casino, uffiċċji, residenzi lussużi u parkeġġ taħt l-art. Il-gvern kompla jagħti aktar konċessjonijiet lill-MIDI billi ħafer il-ħlas dovut għal-liċenja biex joperaw casino, bil-ehim ikun li l-MIDI jirrestawra l-Forti Manoel. Għall-PN fil-gvern min-naħa l-oħra l-proġett donnu kien simbolu tal-modernizzazzjoni ta' Malta b'diversi żjarat ta' ministri fuq il-lant tax-xogħol u l-inawgurazzjoni tal-proġett f 'Tigné Point mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-2010. L-argumenti tal-MIDI biex jirribattu kritika dwar il-proġett kienu jiffukaw ħafna fuq is-suċċess tagħhom fil-bejgħ tal-appartamenti u n-numru ta' ħwienet fil-Ponta ta' Tigné. Sa April tal-2012 kienu diġà biegħu 95% tal-280 proprjetà. Kienu jenfasizzaw kif il-membri parlamentari tal-PN u l-PL ivvutaw flimkien favur il-proġett. Fast forward għall-2017. Ix- xogħol f 'Manoel Island waqa' lura sew, u għaldaqstant it-tama li l-gżira tiġi salvata ma mititx. Kemm il-Kunsill Lokali tal-Gżira, kemm għaqdiet ambjentali, Friends of the Earth, FAA, Graffitti kif ukoll AD kienu għadhom isostnu li l-gvern għadu fiċ-ċans li jieħu passi f 'din id-direzzjoni. Alternattiva Demokratika sejħet għal investigazzjoni tal-kuntratt u saħqet li jekk jinstab li l-MIDI kisret il-kundizzjonijiet tiegħu, il-gvern għandu jieħu l-gżira lura u jibdilha f 'park nazzjonali. Il- gvern ta' Joseph Muscat ma kienx interessat. Żvilupp importanti seħħ meta t-tim legali ta' Friends of Manoel Island żvela li dokument importanti relatat mal-kuntratt tal-MIDI ffirmat mal-gvern Malti jinsab nieqes mir-rekords parlamentari. L-Ispeaker tal- Kamra informa lill-NGO li din il-kwistjoni se tiġi investigata mill-kumitat parlamentari xieraq. Sal-2017 Manoel Island baqgħet mhux żviluppata ħlief għar-restawr tal-Forti Manoel. L-Avukat Claire Bonello qalet li dokument li juri l-iskadenzi għat-tlestija tax- xogħlijiet f 'Tigné Point u f 'Manoel Island fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tas-6 ta' Novembru 1999 ma jistax jinstab. Ġibdet l-attenzjoni li l-minuti jgħidu wkoll li x-xogħlijiet kellhom jitlestew sal-bidu tal-2010. Saħqet li l-fażijiet rilevanti tal-kostruzzjoni u r-restawr f 'Manoel Island ma tlestewx, minkejja li kien hemm limiti ta' żminijiet stretti indikati fil-kuntratt tal-2000. F'dak il- perjodu l-NGO FAA qalet ukoll li pjanijiet ġodda għall-Forti Manoel huma differenti ħafna mill- proposti tal-1999 approvati mill- MEPA, li kienu juru li l-Forti kellu jakkomoda biss mużew tal-fortizza, ċentru awdjoviżiv għall-viżitaturi u gallerija tal-wirjiet. Il-pjanijiet il-ġodda iżda dawru l-proġett ta' Manoel Island fi proġett ħafna aktar spekulattiv b'lukandi lussużi u aktar residenzi lussużi, ħwienet u ristoranti. L-ispinta finali li wasslet lill-gvern ibiddel fehmtu bdiet fil-bidu tal-2025. L-attivisti li riedu li Manoel Island tinbidel f 'park pubbliku nedew kampanja ta' ġbir ta' firem għal petizzjoni parlamentari. Iktar minn 11,800 persuna ffirmaw il-petizzjoni parlamentari tal-kampanja Manoel Island Post Għalina, li talbet li l-gvern jibdel Manoel Island f 'park pubbliku. L-attivisti qalu li ma kinux qed jitolbu lill-gvern jesproprja s-sit, iżda li dan jerġa' jinnegozja l-kuntratt mal-iżviluppaturi MIDI. X'aktarx għamlu hekk biex jevitaw kwestjonijiet legali fit-tul jekk il-MIDI tieħu l-każ fil-qrati u wkoll biex jirribattu l-argumenti li kien qed jagħmel Robert Abela. Abela qal li jekk il-gvern jieħu lura Manoel Island minn konsorzju ta' żviluppaturi dan jiswa lill-pajjiż "mijiet ta' miljuni". L-attivisti rribattew li huwa l-gvern li għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe kumpens lill-MIDI. Saħqu li ċ-ċifra ta' mijiet ta' miljuni tmur ferm lil hinn minn dak li hu dovut ġustament lill-MIDI. Dawru wkoll id-diskors fuq il-valur ta' spazji miuħa f 'żoni urbani u insistew li miżuri li jippromovu s-saħħa u l-benesseri ta' dawk li jħallsu t-taxxi huwa użu tajjeb tal-flus. F'Marzu tal-2026 f 'intervista mal-MaltaToday, direttur eżekuttiv tal-MIDI Mark Portelli rrikonoxxa skadenza ta' Marzu 2026 għat- tlestija tal-proġett ta' Manoel Island. Insista iżda li l-kuntratt tal-konċessjoni jippermetti estensjonijiet awtomatiċi biex jitqies id-dewmien ikkawżat mill-proċess tal-permessi u investigazzjonijiet arkeoloġiċi. L-attivisti ma qablux mal- interpretazzjoni tal-MIDI. Qalu li l-MIDI ppreżentat master plan għal Manoel Island tard ħafna, sbatax-il sena wara li ngħataw il-konċessjoni, u sostnew li dan id- dewmien tagħhom ma jiġġustifikax estensjoni oħra ta' għaxar snin. X'aktarx meta affaċċjat bil- momentum tal-kampanja dwar Manoel Island, Robert Abela ħass li kellu jara x'jagħmel biex jieħu l-krettu ta' azzjoni fuq tema li saret popolari ħafna ma' ċerta demografija u tip ta' votant. F'Mejju tal-2025 Abela, wara li dik is-sena stess ipprova jimmina l-kampanja mal-partitarji tiegħu stess minħabba spiża fittizja ta' mijiet ta' miljuni, impenja ruħu li jibdel Manoel Island f 'park nazzjonali. L-istorja turi wkoll kemm kritika lejn attivisti, għaqdiet, u dawk il- politiċi rari li tkellmu favur spazji miuħa tul is-snin li qed joħolmu jew li 'mhux qed jagħmlu biżżejjed' hija inġusta. Għax wara kollox huwa impossibbli li wieħed iżomm ir-ritmu tul it-tlieta u tletin sena minn mindu ħareġ it-tender għall- iżvilupp ta' Tigné u ta' Manoel Island. L-akbar grazzi tibqa' lil dawk li tul l-għexieren ta' snin żammew il-amma tixgħel.

