MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 30 August 2026

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1546366

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 15

08 aħbarijiet IL-ĦADD 30 T'AWWISSU 2026 • illum aħbarijiet Il-festa f 'għajnejn Gen Z JAELLE BORG Għal ħafna żgħażagħ, il-festa ma tibdiex mal-ewwel marċ u ma tis- piċċax mal-aħħar murtal. Tibda ħafna qabel, fil-każin, fil-kamra tan-nar, fil-provi tal-banda, u fix-xogħol volontarju li jibqa' għaddej matul is-sena kollha. Iżda f 'ġenerazzjoni li kibret ukoll ma' Instagram, TikTok, DJ's u kunċerti, il-mod kif iż-żgħażagħ jersqu lejn il-festa qed jinbidel. Il-mistoqsija mhix biss jekk iż-żgħażagħ għadhomx iħobbu l-festa, iżda x'qed ifisser għalihom li jkunu parti minnha llum. Għal Matthias Cuschieri, żagħżugħ involut fil-festa ta' Birkir- kara, ir-rabta mal-festa bdiet minn età żgħira. "Il-festa kont inħobbha mindu kont żgħir u nħobb il-kultura Maltija," jgħid. Għalih, il-festa hija ħafna aktar minn ġranet ta' ċelebrazzjoni. Hija l-mument li għalih in-nies tal-każin u d-dilettanti jkunu ilhom jaħdmu għal xhur sħaħ. "Il-festa hija kollox għalina. Huwa mument li nkunu ilna naħd- mu għalih." Iżda Cuschieri jinsisti wkoll li l-festa ma tistax titqies biss bħala divertiment jew tradizzjoni folk- loristika. Għalih, fil-qalba tagħha għandha tibqa' t-tifsira reliġjuża tagħha: it-tiira tal-ħajja u l-ġid tal-patrun jew patruna li tkun qed tiġi ċċelebrata. Festa li tikber miegħek Għal Ruslana Spiteri, mill- Għargħur, ir-rabta mal-festa hija saħansitra marbuta mal-istorja tal-familja tagħha. Minn ċkunitha kienet tiġri wara l-baned mal-familja tagħha. Omma u missierha kienu t-tnejn band- isti, filwaqt li n-nanniet tagħha kienu jaħdmu fin-nar. Għalhekk, tgħid, il-festa ma kinitx xi ħaġa li skoprietha aktar tard fil-ħajja, iżda ambjent li trabbiet fih. "L-imħabba lejn il-festa hija xi ħaġa li tikber fik u ssir parti min- nek," tgħid Spiteri. Għaliha, il-festa mhijiex biss tradizzjoni jew ċele- brazzjoni iżda forma ta' identità li tgħaqqad lin-nies u tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. Fil-każ tagħha, il-festa tgħaqqad flimkien ir-reliġjon, it-tradizzjoni, il-ħbiberija u s-sens ta' appartenen- za. Tgħid li permezz tagħha mhux biss issib komunità li taqsam l-ist- ess passjoni, iżda bħala mużiċista tiltaqa' wkoll ma' nies li jgħinuha titgħallem u tikber. Din il-konnessjoni personali, iżda, ma tfissirx li ż-żgħażagħ koll- ha qed jgħixu l-festa bl-istess mod. Żgħażagħ inqas marbuta mal- każini? Spiteri temmen li għad hemm ħafna żgħażagħ b'passjoni kbira għall-festa u għall-każini tal-banda, iżda tinnota li n-numru tagħhom qed jonqos. Għaliha, dan ipoġġi responsab- biltà wkoll fuq il-każini nfushom. Dawn, tgħid, iridu jagħmlu sforz biex iżommu liż-żgħażagħ qrib tagħhom, jagħtu valur lill-kon- tribut tagħhom u, fuq kollox, jisi- mgħu l-ideat tagħhom anke meta dawn ikunu differenti minn dawk tal-ġenerazzjonijiet ta' qabel. "Importanti li ma jwarrbuhomx sempliċement għax għandhom ideat differenti jew aktar moderni." Il-bilanċ, skont Spiteri, jinsab bejn il-ħarsien ta' dak li ntiret u l-uħ għal modi ġodda kif il-festa tista' tibqa' relevanti. Cuschieri wkoll jara li mhux kull żagħżugħ għandu l-istess interess. Hemm min jippreferi l-kunċerti, jgħid, u hemm min għall-kuntrarju jqis il-festa tradizzjonali bħala xi ħaġa ferm aktar attraenti. Dan id-distakk bejn tipi differen- ti ta' udjenzi qed isir dejjem aktar evidenti fil-festi tal-lum. Il-marċ jew l-after party? Spiteri, li matul is-sajf iżżur di- versi festi, tinnota żewġ realtajiet. Minn naħa hemm żgħażagħ li jinvolvu ruħhom direttament fil-festa: fl-armar, fin-nar, fil-każini, fil-baned u f 'oqsma oħra ta' vo- lontarjat. Min-naħa l-oħra, hemm ukoll dawk li jinġibdu aktar lejn l-element soċjali u tad-divertiment. "Tara żgħażagħ jaqbżu u jieħdu gost fil-marċ, iżda mbagħad tara ammont ferm akbar li jitla' apposta għall-aer party u għad-DJ ta' wara l-marċ." Għaliha, din mhix neċessarja- ment problema fiha nnifisha. Il-fes- ta qed tinbidel mal-ġenerazzjonijiet u l-elementi moderni jistgħu jservu bħala mod kif jinġibdu nies ġodda. L-isfida tkun li dan l-interess ma jiqafx mal-kunċert jew id-DJ, iżda jwassal ukoll biex iż-żgħażagħ jiskopru t-tradizzjoni, il-mużika u x-xogħol volontarju li hemm wara l-festa. U għalhekk, għall-mistoqsija jekk il-kunċerti humiex qed jieħdu post il-marċi tradizzjonali, Spiteri ma tarahiex bħala għażla bejn wieħed u ieħor. Hi stess tieħu gost kemm b'attiv- itajiet moderni kif ukoll bil-marċi, iżda tgħid li l-marċ tradizzjonali jibqa' eqreb ta' qalbha. "Nemmen li t-tnejn jistgħu jeżis- tu flimkien u saħansitra jikkumpli- mentaw lil xulxin." Il-linja ħamra għaliha hija li l-modernizzazzjoni ma tħassarx dawk l-elementi li jagħmlu l-festa Maltija dak li hi: il-marċi, il-baned, in-nar, l-armar u l-atmosfera mib- nija madwarhom. Festa li issa tgħix ukoll fuq l-iskrin Jekk darba l-festa kienet tidher l-aktar fit-toroq tar-raħal, illum parti minnha tgħix ukoll fuq l-iskrin. Cuschieri jqis il-midja soċjali bħala għodda importanti biex il-komunità tkun tista' tara x-xog- ħol li jkun qed isir tul is-sena, fost- hom proġetti ta' restawr u prepa- razzjonijiet oħra li ħafna drabi jsiru 'l bogħod mill-għajn tal-pubbliku. Spiteri taqbel li l-pjattaformi diġitali saru essenzjali biex jiġu promossi l-avvenimenti u jintwera x-xogħol ta' wara l-kwinti. Ritratti u filmati jistgħu jagħtu viżibbiltà lill-armar, lin-nar, lill-baned u lil dawk kollha li jkunu qed jaħdmu għal xhur biex festa ssir possibbli. Iżda l-istess pjattaformi għand- hom naħa oħra. Instagram u TikTok jagħmluha ħafna aktar faċli biex festa titqabbel ma' oħra: min kellu l-aktar nies, l-isbaħ marċ, l-aktar nar jew l-aħjar atmosfera. Spiteri tammetti li l-midja soċjali żiedet xi it il-kompetizzjoni bejn il-każini. "Ġieli tara xi post jew filmat li, biex ngħidu hekk, jitfa' erba' botti lejn għaqda jew festa oħra." Hija xi ħaġa li personalment ma tantx tapprezza. Fil-fehma tagħha, kulħadd għandu jkun kburi b'dak tiegħu mingħajr ma jnaqqas lil ħaddieħor. Mingħajr iż-żgħażagħ, x'jibqa'? Il-futur tal-festa, għal dawn iż- żewġ żgħażagħ, jiddependi ħafna minn jekk il-ġenerazzjoni tagħhom u dik ta' warajhom jibqgħux lesti jagħtu sehemhom. Cuschieri ma jaħsibx li l-fes- ta se tisparixxi, iżda jammetti li ż-żgħażagħ illum għandhom rwol importanti ħafna biex tibqa' għad- dejja. Huwa għalhekk li jħeġġeġ ak- tar żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom. Il-festa, jgħid, ma tmutx jekk il-kultura tibqa' tinżamm ħajja. Spiteri hija aktar kawta. Min- għajr iż-żgħażagħ, temmen li l-festa tista' tonqos ħafna, għax jintilfu l-enerġija, l-entużjażmu u l-ideat ġodda li huma meħtieġa biex tradizzjoni antika tibqa' tgħix f 'soċjetà li kontinwament tinbidel. Meta tħares 20 sena 'l quddiem, timmaġina festa aktar moderna u b'aktar teknoloġija, fosthom te- knoloġiji bħad-drones li diġà bdew jidhru f 'ċerti ċelebrazzjonijiet. Iżda anke f 'din il-verżjoni aktar moderna, hija temmen li l-elementi tradizzjonali għandhom jibqgħu protetti u li l-volontarjat għandu jibqa' l-mutur tal-festa. Forsi hemmhekk tinsab l-isfida ewlenija għall-festa Maltija tal- ġejjieni. Mhux li tagħżel bejn il-marċ u l-kunċert, bejn il-banda u d-DJ, jew bejn it-tradizzjoni u t-teknoloġija. Iżda li ssib mod kif dawn jeżistu fl-istess spazju mingħajr ma dak li hu ġdid jagħmel dak li hu antik irrelevanti. Għal żgħażagħ bħal Cuschieri u Spiteri, il-festa għadha ħajja propr- ju għax mhix xi ħaġa li jaraw biss minn barra. Hija xi ħaġa li trabbew fiha, jaħdmu għaliha u jħossuhom parti minnha. U jekk il-festa Maltija se tibqa' teżisti bl-istess saħħa fil-ġenerazz- jonijiet li ġejjin, jista' jkun li l-akbar sfida ma tkunx kemm se tinbidel — iżda kemm se jirnexxilha tinbidel mingħajr ma tinsa minn fejn bdiet. Mill-volontarjat għall-kunċerti, il-midja soċjali u l-ħtieġa li tinżamm l-identità tradizzjonali tal- festa, żewġ żgħażagħ jitkellmu dwar x'qed iżommhom marbuta magħha u kif jarawha tinbidel fis-snin li ġejjin Għal ħafna voluntiera, il-festa għadha ħajja proprju għax mhix xi ħaġa li jaraw biss minn barra

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 30 August 2026