Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1547168
15 kotba IL-ĦADD 18 T'OTTUBRU 2026 • illum Miġjuba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Michaela Pia Camilleri taqra l-bijografija Easy on the Tonic dwar Katya Saunders – persuna transġenera li jaf ġiet qabel żmienha, iżda li wittiet it- triq tal-kuraġġ għal dawk li ġew warajha. Katya Saunders: L-istilla li iddiet wisq għal Malta Avolja ma tantx jien xi waħda li jinteressawni ċ-ċelebritajiet, insibha pjuttost affaxxinanti meta l-Maltin jagħmlu passi kbar, huma u jaqsmu b'pass ġgantesk minn fuq dil-ġebla f 'nofs il-Mediterran lejn il-kontinent u jsiru "xi ħadd". Għalhekk ili mindu ħareġ fl-2022 li rrid naqra l-ktieb Katya: Easy on the Tonic, ippubblikat mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM). Mhux diffiċli tobsor fuq min hu l-ktieb minn ismu: Katya Saunders. Mudella Maltija li ħadmet ma' diversi fotografi u disinjaturi tal-moda famużi barra minn Malta, bħal Karl Lagerfeld, u li kienet ukoll waħda mill-ewwel nisa transġen- eri li ħarġu fl-apert hawn Malta. Mara kontroversjali u kkumplikata: irrispettata minn ħafna għall-forza li kellha bħala stilla u tista' tgħid pijunier, u li fl-ist- ess ħin kienet taf tkun diffiċli ħafna, partikolarment minħabba l-erratiċiżmu tagħha kkawżat mill-bipolarità li kienet tbati minnha. Deskritta bħala stilla u leġġenda diversi drabi mill-kittieba Ramona Depares, din il-bijografija miktuba wara mewtha ssegwi l-ħajja kaotika u enerġe- tika ta' Katya, fit-tlajja' u l-inżul tagħha – metaforikament u anke litteralment – għax spiss kont issibha fuq xi ajruplan, itterraq bejn il-kapitali kbar Ewropej, u anke New York, fejn għamlet diversi snin tgħix. Depares toħroġ sew kemm Katya kienet unika u kif qatt ma kkompromet- tiet lilha nnifisha. Katya kienet proprju l-istilla li kienet għax dejjem għexet u għamlet kif riedet – ħaġa rari ħafna għal Malta insulari tas-snin sebgħin. U dan speċjalment fil-kuntest li kienet transġender. Kif tgħid Depares, Katya kienet taf li ma kinitx aċċettata minn kulħadd għal min vera kienet, u għal- hekk iżjed kienet lesta li tiġġieled għal dak li riedet b'feroċità qawwija – ma kellha għalfejn tagħmel kompromessi għal ħadd għax ma kellha xejn x'titlef. Il-kitba ta' Depares kienet immersi- va u assorbenti, u l-ktieb malajr kiltu. Depares kellha biċċa xogħol diffiċli tgħaqqad stampa ċara u koerenti dwar ħajjet Katya, kemm għax Katya mie- tet fl-2019, u kemm għax Katya kienet narratur inaffidabbli ta' ħajjitha – kienet toħloq verżjoni differenti ta' ħajjitha għal kull persuna li kienet tiltaqa' magħha. B'hekk hemm ħafna stejjer li ma setgħux jiġu kkonfermati kompletament, bħal pereżempju s-suppost ħbiberija tagħha ma' David Bowie u Mick Jagger, u jekk is-suppost ħbiberija tagħha ma' Dom Mintoff għenithiex taqleb il-ġeneru fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, fi żmien fejn qas kont toħlomha. Depares tesplora dawn l-ambigwitajiet kollha b'mod delikat, waqt li tadotta kitba pjaċevoli u enerġetika, kif nimmaġina li kienet tieħu gost biha Katya. Minkejja dan, ħassejt li xi drabi l-kitba kienet ripetittiva, u li bdiet tagħqad fi ċrieki, speċjalment dwar kemm kienet "diva" u "leġġenda" Katya – kliem li ġie ripetut wisq drabi. Nippreferi nasal għal dik il-konklużjoni jien, li wasalt għaliha xorta waħda min-narrattiva – il-famuża "show don't tell". Ir-regoli tal-kitba hemm lok li tiksirhom, però ma naħsibx li f 'dal-każ. Xi stejjer ġew ripetuti wkoll bla bżonn f 'partijiet differenti tal-ktieb, tant li kultant ħassejtni konfuża dwar l-ordni u l-kronoloġija ta' ħajjet Katya – l-ordni element importanti f 'bijo- grafija, avolja forsi l-istil tal-kitba jaqbel mal-karattru xi ftit kaotiku ta' Katya. Ċerti kapitli ħsibthom ħa jeħduni post differenti milli ħaduni, u ma kienx hemm ordni ċara f 'ċerti stejjer. Kien hemm ukoll xi partijiet minn ħajjitha li ħassejt li kellhom bżonn iżjed enfasi. Pereżempju, issemmiet il-bipolar- ità tagħha b'mod ħafif, li ħassejt li kien jistħoqqilha analiżi ftit iżjed profon- da sabiex tikkuntestwalizza l-burdati erratiċi tagħha. Bħal sikkina taqta' minn żewġ naħat, dawn il-burdati kienu kemm jiġbdu n-nies lejha, u fl-istess ħin ibegħduhom. Issemma wkoll iż- żmien li għamlet taħdem bħala żeffiena tal-cabaret u bħala high-end escort, però Depares ma daħlitx fihom. Ma nafx kinitx għażla konxja, jew għax ma tantx kien hemm informazzjoni dwarhom, iżda ħassejt li forsi ma riditx tidħol wisq fis-suġġett, u riedet tagħti stampa xi ftit sanitizzata ta' Katya. Issemma wkoll kif Katya kienet pjuttost reliġjuża, iżda l-aw- triċi ma tantx daħlet f 'dan – naħseb kien ikun punt li kien jagħti lil Katya iżjed dimensjoni li kieku daħlet iżjed fiha. Għoġobni kif Depares integrat l-in- tervisti tagħha man-nies li kienu jafu lil Katya fil-kitba b'mod naturali – ħareġ il-karattru tagħha bħala intervistatriċi kapaċi, li taf toħroġ stejjer intimi min- nies, minkejja d-diffikultà biex jitkellmu fuq xi ħadd għażiż għalihom, li kultant anke weġġagħhom sew. Għoġobni wkoll id-disinn tal-ktieb, u l-mod kif l-aw- triċi kkatalogat u ddokumentat biżibilju ritratti u ittri li ħalliet warajha Katya b'mod li naħseb kien jogħġob lil Katya, qisu collage. B'mod ġenerali, naħseb li Depares għamlet biċċa xogħol tajba biex toħroġ is-saħħa u l-influwenza li kellha Katya fuq il-komunità kwir hawn Malta, u anke barra minn xtutna. Katya kienet ċarament pijunier – kienet forza natu- rali li qatt ma waqfet tiġġieled għaliha nfisha u għal ħaddieħor, minkejja li ma kinitx attivista fl-idjaq sens, u b'hekk ispirat lil ħafna nies fil-komunità biex joħorġu fil-beraħ bla ebda apoloġija u jsibu triqithom huma wkoll. Fuq kollox, Katya għenet lil ħafna nies biex mhux biss jaċċettaw id-differenzi tagħhom, iżda jużawhom bħala t-tarka u l-forza tagħhom.

