Illum previous editions

illum 29 September 2013

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/181767

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 31

Il-Ħadd 29 ta' Settembru 2013 | illum 7 żgħażagħ Maltin dan is-sajf? RUSSELL ATTARD — Il-Brażil DIN is-sena kelli x-xorti li flimkien ma' 'l fuq minn tliet miljun żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja, nattendi l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar f'Rio de Janeiro, il-Brażil. Qabel ma bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji, kellna ċ-ċans li noqogħdu malfamilji Brażiljani, f'Rolandia. Dawn laqgħuna bi mħabba kbira u ż-żgħażagħ tal-post kienu aktar minn entużjasti biex jilqgħuna u jgħinuna nħossuna komdi. Ta' min jgħid li l-parroċċa ta' Rolandia hija mmexxija minn qassis Malti, magħruf hemmhekk bħala Padre Josè Agius. Għal perjodu iqsar ospitawna wkoll familji fid-djoċesi ta' Jundiai li hija mmexxija mill-isqof Malti Mgr Vincent Costa. Inħoss li primarjament kont xortija tajba li għamilt din l-esperjenza fi żmien Papa Franġisku, li bħala mexxej spiritwali nħossu li qed jagħti nifs ġdid lill-Knisja Kattolika. Huwa diffiċli ħafna li npoġġi fi kliem l-enerġija pożittiva li kien hemm f'Rio de Janeiro fejn żgħażagħ minn madwar id-dinja, b'kuluri u kulturi differenti ngħaqdu flimkien għall-istess għan u skop. Wara din l-esperjenza sirt aktar nemmen kemm hija ferm importanti li ninkuraġġixxu dejjem aktar liż-żgħażagħ sabiex jagħmlu esperjenzi bħal dawn jew simili tagħhom, f'pajjiżi differenti 'il bogħod minn dak, li s-soltu drajna bih. YLENIA LAPIRA — Żambja MORT iż-Żambja, fin-naħa ta 'isfel tal-Afrika, fejn qattajna Awwissu kollu. Bħala grupp bdejna niltaqgħu minn tliet xhur qabel fejn sirna nafu lil xulxin, kif se ninqasmu u x'tip ta' xogħol konna se nagħmlu. Kont imbeżżgħa ħafna għal x'se nsib iżda malli wasalna ż-Żambja mill-ewwel sibna lis-sorijiet u l-Isqof tad-Djocesi ta' Chipata li laqgħuna b'ħeġġa kbira. Chipata qajmilna interess kbir u ltqajna ma' ħafna nies u tfal tal-lokal u rajna kif jgħixu u smajna l-esperjenzi tagħhom. Morna tlett ijiem ġol-villaġġ ta' Mbwindi fejn ħassejna d-differenza fl-istil ta' ħajja. Konna norqdu mal-art ġo kamra żgħira bit-tajn u ninħaslu fi friskatur tal-plastik imdawrin bil-ħaxix u zkuk. Kienet xi ħaġa differenti mmens għalina iżda meta konna ninħaslu ma kienx jonqos id-daħk meta nisimgħu xi passi ta' baqar resqin lejna. Elettriku ma kellniex u qabel norqdu konna noqogħdu bilqiegħda malfamilja li konna qed ngħixu magħha mdawrin man-nar waqt li xi drabi konna niżfnu u nkantaw. Kienet esperjenza li ħallietni bla kliem u jalla jerġa' jkolli ċ-ċans li nerġa' mmur. RAPHAEL AXISA — Malta MATUL dan is-sajf kelli l-opportunità li nagħti sehmi b'mod volontarju ġewwa Savio College f 'Ħad-Dingli, bħala parti minn grupp ta' Animaturi Sależjani li matul is-sena jorganizzaw diversi attivitajiet għaż-żgħażagħ. Bdejna bil-kampijiet tas-sajf, live-ins li jsiru fil-kulleġġ stess bejn itTnejn u l-Ħamis. Għalkemm dawn il-live-ins saru matul Lulju, aħna bdejna l-preparamenti minn Diċembru li għadda. Kellna erba' live-ins fejn matulhom kellna ċans nagħmlu minn kollox: ħin għal-logħob, drama, żfin u anke għat-talb. It-tieni attività prinċipali li kellna dan is-sajf kienet il-Funday. Ġurnata fejn 300 tifel u tifla minn madwar Malta kollha, minn skejjel differenti u minn kull tip ta' sfond familjariħadu sehem f 'attivitajiet u żammew ruħhom attivi u ssoċjalizzaw ma' tfal tamparhom 'il bogħod mill-vizzji, u 'l bogħod milliskrin tal-kompjuter. Issa, diġà bdejna bil-preparamenti għall-attivitajiet li se jkollna fix-xitwa. Kull esperjenza li jkollna hi unika u sabiħa bil-mod tagħha. Inħares lura u nifhem li dawn l-esperjenzi qed ikomplu jgħinuni dejjem aktar sabiex nikber u nkun lest li nagħti iktar! Raphel Axisa (fin-nofs fir-ritratt) BEN BRIFFA — Sqallija L-ESPERJENZA volontarja kienet tikkonsisti f 'summer camp ma' tfal ta' etajiet differenti ġewwa l-aktar postijiet soċjalment imkissrin u xi kultant anka finanzjarjament fqar ġewwa Palermo. Fil-bidu kont imbeżża' ħafna minħabba li jien ma nafx nitkellem Taljan u bżajt li ma kontx ser nagħti l-massimu. Iindunajt li l-imħabba u l-affezzjoni li turi lil dawn it-tfal hija biżżejjed biex tibni relazzjoni magħhom. Tgħanniqa f 'mument diffiċli hija biżżejjed biex tirbaħ il-fiduċja tat-tfal li l-abbandun emozzjonali huwa għalihom xi ħaġa ta' kuljum. Il-ħajja komunitarja ppreżentatli sfidi li qatt ma stennejt li ħa niġi wiċċ imb wiċċ magħhom. Il-fatt li tgħix ma' l-istess persuni, tiekol u torqod magħhom għal xahar sħiħ issir tafhom iktar fil-fond u allura ssir taf id-difetti ta' dak li jkun. Nista' ngħid li waqt din l-esperjenza sirt naf iktar kif naċċetta lil ħaddieħor kif inhu u mhux kif nixtieq jien li hu ikun. Kif jgħidu meta tagħti tirċievi ħafna iktar u din l-esperjenza kienet għalija prova ta' din. Inħoss li kbirt ħafna b'mod ħolistiku fi żmien daqstant qasir u għalhekk nissuġġerixxi ħafna liż-żgħażagħ biex jagħmlu esperjenza volontarja. Is-sodisfazzjon huwa enormi!

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 29 September 2013