Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/195528
SPORTSillum 28 illum Il-Ħadd 20 ta' Ottubru 2013 Dermot Galea jilħaq il-quċċata tal-karriera tiegħu fil-Hawaii M'HEMMX dubju li l-ġurnata tas-Sibt 12 ta' Ottubru se tibqa' mniżżla b'ittri tad-deheb fil-karriera tat-triatleta Malti hekk kif nistgħu ngħidu mingħajr tlaqliq li dan laħaq ilquċċata tal-karriera tiegħu fit-triathlon hekk kif ħa sehem fil-Kampjonati tal-Kona fil-Hawaii li huma l-iktar kampjonati importanti tal-Ironman (li hija kompetizzjoni tattriathlon iktar intensiva min-normal) fid-dinja. Marritorn tiegħu f'Malta millHawaii, ILLUM iltaqgħet mal-istess Dermot Galea fejn talbitu jfissrilha x'fissret din l-esperjenza fil-karriera tiegħu ta' triatleta ta' suċċess liema bħalu f'pajjiżna: "Inqis din l-esperjenza tal-kwalifika tiegħi għallKampjonati Mondjali tal-Ironman ġewwa l-Hawaii bħala l-quċċata tal-karriera tiegħi bħala triatleta. Għall-komunità kbira tat-triathlon madwar id-dinja li tasal biex tikkompeti ġewwa Kona hija ħolma importanti. Kienet waħda akbar għalija għaliex kont l-ewwel Malti fuq il-linja tal-bidu ta' din il-manifestazzjoni sportiva internazzjonali. Għan li kont ili naħdem għalih għal dawn l-aħħar seba' snin fejn mhux biss iddedikajt ħafna mill-ħin personali tiegħi iżda wkoll ħadt deċiżjoni personali li ma niħux sehem f'ħafna tlielaq lokali. Il-ġurnata tiegħi bdiet fit3.30am. Wara kolazzjon li kien jikkonsisti f 'biċċa ħobż mixwija bil-'peanut butter' bdejt nipprepara flimkien mal-għarusa tiegħi Johanna biex immorru lejn il-bidu tattellieqa. L-eċitament kien kbir però kien wieħed ikkontrollat u b'sensazzjoni ta' ċertu ferħ għal din il-ħolma li fl-aħħar kienet ser issir realtà. Hekk kif wasalna ġewwa ż-żona tat-tranżizzjoni ppreparajt ir-rota sew u serraħt rasi li l-basktijiet li kelli għar-rota u għall-ġirja kienu f 'posthom kif ħallejthom il-ġurnata ta' qabel. It-tellieqa kellha tibda fis-sebgħa però jien ġà kont fuq il-punt tat-tluq fl-ilma 20 minuta qabel biex insib pożizzjoni tajba. Mal-ħoss tal-kanun tlaqna. L-ewwel 200 metru kienu verament diffiċli, kulħadd jagħti f 'kulħadd. Irnexxieli nsib rokna vojta wara ftit u ddeffist, u minn hemm komplejt bil-pass tiegħi. Kelli sensazzjonijiet tajbin u għamilt kuraġġ però ma stajtx nieqaf nitbissem b'din l-ewforija ta' din l-atmosfera meraviljuża ta' madwari. Apparti inċident żgħir f 'nofs l-għawma fejn tawni daqqa ta' sieq ġo għajnejja, kelli għawma tajba u spiċċajt fi ftit aktar minn siegħa. Hekk kif tlajt fuq l-art biddilt malajr u tlaqt għal fuq il-korsa tar-rota. Il-mira tiegħi kienet li nżomm pass kostanti għaliex kont naf li t-tieni nofs tat-tellieqa kien se jkun affettwat bir-riħ allura ridt nasal għal dik il-fażi b'ċertu ammont ta' saħħa f 'saqajja. F'dawn it-tip ta' tlielaq wieħed irid iżomm f 'moħħu li l-kundizzjonijiet klimatiċi jkollhom impatt kbir fuq ir-riżultat finali. L-aħħar 40 kilometru fuq ir-rota kienu iebsin ħafna minħabba li kellna riħ qawwi faċċata tagħna, però kont qed inħossni b'saħħti u l-livelli ta' enerġija kienu konsistenti ħafna. Spiċċajt ir-rota f 'ħin ta' 5 sigħat u 17-il minuta. Wara t-tieni u l-aħħar tibdila bdejt il-maratona. Saqajja ħassejthom tajbin però s-sħana kienet waħda intensiva u għalhekk f 'kull 'feed station' li kellna bdejt nagħmel rutina konsistenti fejn bdejt nixrob u nixxarrab u drabi oħrajn nitfa' s-silġ fil-kappell li kelli biex inżomm it-temperatura ta' ġismi baxxa. Ċertu partijiet tal-korsa kienu vera iebsin mentalment għaliex kienu f 'deżert ta' lava u mingħajr l-ebda appoġġ ta' nies mat-triq, però kont motivat biżżejjed biex nibqa' għaddej b'pass kostanti. Fl-aħħar mili bdejt nagħmel kuraġġ aktar u nżid il-pass għax bdejt naħseb f 'dawk l-esperjenzi u l-appoġġ li kelli biex wasalt ġewwa Kona. L-ewwel fost l-oħrajn l-appoġġ li kelli minn Johanna li kienet strumentali għalija kemm fil-preparazzjoni kif ukoll fil-ġurnata tal-avveniment, il-ġenituri tiegħi li tant jappoġġjawni, il-klabb tiegħi Birkirkara St. Joseph u l-Federazzjoni Tat-Triathlon, l-isponsors tiegħi fosthom Starbene, Jaycee Malta u l-istess klabb. L-aħħar żewġ mili ma ninsihom qatt, hekk kif rajt lil Johanna fl-aħħar 200 metru ħadt il-bandiera Maltija u dħalt fil-finish line biha. F'moħħi ħsieb wieħed 'irnexxieli nwassal il-bandiera Maltija fuq ilmappa tal-Ironman'. Il-ħin finali kien 10 sigħat eżatt", temm jgħid Dermot Galea. Rigward il-futur tiegħu, Dermot stqarr ma' dan il-ġurnal li għadu kmieni wisq biex jiddeċiedi hekk kif għalissa jixtieq jassorbi din l-esperjenza tant sabiħa u unika fil-karriera tiegħu!